Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2523

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2523 tat-8 ta’ Novembru 2023 dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata EU Live Bus Stop Info (Informazzjoni f’ħin reali tal-waqfiet tal-karozzi tal-linja fl-UE) (notifikata bid-dokument C(2023) 7436)

    C/2023/7436

    ĠU L, 2023/2523, 16.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2523/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2523/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2523

    16.11.2023

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2523

    tat-8 ta’ Novembru 2023

    dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “EU Live Bus Stop Info” (Informazzjoni f’ħin reali tal-waqfiet tal-karozzi tal-linja fl-UE)

    (notifikata bid-dokument C(2023) 7436)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fid-9 ta’ Settembru 2023 il-Kummissjoni ġiet ippreżentata talba dwar ir-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “EU Live Bus Stop Info” (Informazzjoni f’ħin reali tal-waqfiet tal-karozzi tal-linja fl-UE).

    (2)

    L-għanijiet tal-inizjattiva kif ġew spjegati mill-organizzaturi huma: “[b]illi jintegraw il-kodiċijiet QR f’kull waqfa tal-karozza tal-linja, il-passiġġieri jistgħu jaċċessaw informazzjoni f’ħin reali dwar skedi, rotot, dewmien, u aġġornamenti; din l-inizjattiva għandha l-għan li tirrevoluzzjona l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni dwar it-trasport pubbliku fl-istati membri kollha tal-UE. Din l-informazzjoni faċilment disponibbli ttejjeb l-esperjenzi tal-ivvjaġġar, tnaqqas l-inċertezza, u tallinja mal-għanijiet tat-trasport sostenibbli tal-promozzjoni tal-użu tat-tranżitu pubbliku. L-inizjattiva tikkontribwixxi għal bliet aktar ekoloġiċi billi tinkoraġġixxi l-ivvjaġġar bil-karozzi tal-linja, tnaqqas il-konġestjoni u l-emissjonijiet. Allinjata mat-Trattati tal-UE bħas-suq uniku diġitali, tintegra t-teknoloġija moderna fis-servizzi pubbliċi, u tagħti s-setgħa lill-passiġġieri biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Din it-trasparenza tallinja mal-prinċipji tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-UE, filwaqt li tiżgura informazzjoni preċiża u aġġornata.”

    (3)

    L-inizjattiva tinkludi anness li jipprovdi dettalji ulterjuri dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-isfond tal-inizjattiva. Dan jirreferi għall-“ħtieġa li jissaħħu l-esperjenza tal-passiġġieri u l-mobbiltà fi ħdan in-network tat-trasport pubbliku tal-Unjoni Ewropea” u li “jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni f’ħin reali fil-waqfiet tal-karozzi tal-linja biex jittaffew l-inċertezzi li jiffaċċjaw il-passiġġieri rigward l-iskedi tal-karozzi tal-linja, l-istatus operazzjonali, id-dewmien u l-alternattivi.” Huma deskritti ħames għanijiet: “1. Esperjenza Mtejba tal-Passiġġieri”; “2. Inċertezza mnaqqsa”; “3. Promozzjoni tal-Mobbiltà Sostenibbli”; “4. Integrazzjoni Diġitali”; “5. Trasparenza u Aċċessibbiltà”. L-organizzaturi jqisu li l-inizjattiva “tallinja mal-impenn tal-UE għal mobbiltà sostenibbli, trasport effiċjenti, u innovazzjoni teknoloġika” u li tikkontribwixxi għal trasport aktar ekoloġiku u l-aġenda diġitali tal-Unjoni.

    (4)

    L-organizzaturi ppreżentaw ukoll dokument addizzjonali mehmuż mal-inizjattiva b’deskrizzjoni ġenerali għal abbozz ta’ att bħala parti mit-talba għar-reġistrazzjoni tagħhom.

    (5)

    Il-Kummissjoni tqis li l-objettivi tal-inizjattiva jistgħu, fil-prinċipju, jaqgħu taħt l-Artikolu 91(1), il-punt (d), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Skont din id-dispożizzjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet oħra xierqa għall-fini tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 90 TFUE dwar politika komuni tat-trasport.

    (6)

    Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li l-ebda waħda mill-partijiet tal-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

    (7)

    Din il-konklużjoni ma taffettwax l-evalwazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa sabiex il-Kummissjoni taġixxi, inkluż l-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ sussidjarjetà u ta’ kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, humiex sodisfatti f’dan il-każ.

    (8)

    Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament.

    (9)

    L-inizjattiva mhijiex manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja, u lanqas ma hija manifestament kuntrarja għall-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE jew għad-drittijiet minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (10)

    Għaldaqstant jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata “EU Live Bus Stop Info” (Informazzjoni f’ħin reali tal-waqfiet tal-karozzi tal-linja fl-UE) tiġi rreġistrata.

    (11)

    Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma sodisfatti ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “EU Live Bus Stop Info” (Informazzjoni f’ħin reali tal-waqfiet tal-karozzi tal-linja fl-UE) għandha tiġi rreġistrata.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “EU Live Bus Stop Info” (Informazzjoni f’ħin reali tal-waqfiet tal-karozzi tal-linja fl-UE), irrappreżentat mis-Sur Hubert Willy LEHMANN u s-Sa Mihaela-Valentina MONCEANU li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Věra JOUROVÁ

    Viċi President


    (1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2523/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top