Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2380

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2380 tat-28 ta’Settembru 2023 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-karbonat tar-ram bażiku għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    C/2023/6433

    ĠU L, 2023/2380, 2.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2380/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2380/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2380

    2.10.2023

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2380

    tat-28 ta’Settembru 2023

    li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-karbonat tar-ram bażiku għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

    Wara li kkonsultat mal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

    Billi:

    (1)

    Il-karbonat tar-ram bażiku ddaħħal fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 8. Għalhekk, skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, huwa meqjus approvat skont dak ir-Regolament, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE.

    (2)

    L-approvazzjoni tal-karbonat tar-ram bażiku għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 8 (“l-approvazzjoni”) se tiskadi fil-31 ta’ Jannar 2024. Fit-28 ta’ Lulju 2022, tressqet applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni (“l-applikazzjoni”).

    (3)

    Fil-21 ta’ Marzu 2023, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni ta’ Franza infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għandha twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

    (4)

    L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tista’, skont il-każ, titlob lill-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba n-natura tad-data mitluba jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

    (5)

    L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi trid tħejji u tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

    (6)

    Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni x’aktarx li tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni. Għalhekk jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta b’perjodu ta’ żmien twil biżżejjed biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni. Meta jitqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, u għat-tħejjija u l-preżentazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-opinjoni tagħha, u ż-żmien meħtieġ biex jiġi deċiż jekk tistax tiġġedded l-approvazzjoni tal-karbonat tar-ram bażiku għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 8, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Lulju 2026.

    (7)

    Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, il-karbonat tar-ram bażiku jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 8, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-karbonat tar-ram bażiku għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 8 stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE hija posposta għall-31 ta’ Lulju 2026.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegћid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2380/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top