Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1575

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1575 tas-27 ta’ Lulju 2023 dwar il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha skont is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għall-2024 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/4950

    ĠU L 192, 31.7.2023, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1575/oj

    31.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 192/30


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1575

    tas-27 ta’ Lulju 2023

    dwar il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha skont is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għall-2024

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 u l-Artikolu 9a tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1722 (2) stabbiliet il-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE għall-2021 għal 1 571 583 007 kwota, bl-applikazzjoni taż-żieda tal-fattur lineari ta’ tnaqqis għal 2,2 % mill-2021. Bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan il-fattur lineari ta’ tnaqqis, il-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha għall-2023 hija 1 485 575 977.

    (2)

    Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emendat id-Direttiva 2003/87/KE biex tnaqqas il-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha fl-2024 b’90 miljun kwota, kif ukoll biex iżżidha bi 78,4 miljun kwota għat-trasport marittimu. Il-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha għall-2024 stabbilita f’din id-Deċiżjoni titnaqqas bl-ewwel ammont u tiżdied bit-tieni ammont.

    (3)

    Id-Direttiva (UE) 2023/959 emendat ukoll id-Direttiva 2003/87/KE biex iżżid il-fattur lineari għal 4,3 % għas-snin mill-2024 sal-2027. Il-fattur lineari japplika għall-kwantità totali annwali medja ta’ kwoti maħruġa mill-Istati Membri f’konformità mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni tagħhom għall-perjodu mill-2008 sal-2012, u għall-kwantità ta’ kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet medji tal-attivitajiet tat-trasport marittimu rrappurtati f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/757 (4) għall-2018 u l-2019 li huma indirizzati fl-Artikolu 3ga tad-Direttiva 2003/87/KE. L-applikazzjoni tal-fattur lineari għal dawn il-kwantitajiet tammonta għal tnaqqis annwali tal-kwoti li għandhom jinħarġu fl-Unjoni ta’ 87 924 231 kwota. F’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE, sabiex jiġi kkalkulat il-valur għall-2024 stabbilit f’din id-Deċiżjoni, il-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha li tirriżulta mill-bidliet stabbiliti fil-premessa (2) titnaqqas bl-ammont totali minħabba l-fattur lineari ta’ tnaqqis.

    (4)

    Il-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha għall-2024 u t-tnaqqis annwali tal-kwoti li għandhom jinħarġu fl-Unjoni li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-fattur lineari ta’ tnaqqis jinkludu l-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.

    (5)

    Skont l-Artikolu 9a(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha għall-2024 jenħtieġ li tqis l-esklużjoni mill-EU ETS ta’ installazzjonijiet żgħar skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE. Ma seħħet l-ebda esklużjoni bħal din mill-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1722.

    (6)

    F’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha sas-6 ta’ Settembru 2023.

    (7)

    Il-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati fir-rigward tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru għas-sena 2024 se tiġi ppubblikata separatament kif stabbilit fl-Artikolu 3c tad-Direttiva 2003/87/KE, u għalhekk mhijiex inkluża fil-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha ppubblikata f’din id-Deċiżjoni.

    (8)

    Abbażi ta’ dan, għall-2024, jenħtieġ li l-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE tammonta għal 1 386 051 745,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-2024, il-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE tammonta għal 1 386 051 745.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1722 tas-16 ta’ Novembru 2020 dwar il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu mal-Unjoni kollha skont l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet għall-2021 (ĠU L 386, 18.11.2020, p. 26).

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).


    Top