Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1568

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1568 tat-28 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

    ST/12055/2023/INIT

    ĠU L 190I, 28.7.2023, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1568/oj

    28.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 190/37


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1568

    tat-28 ta’ Lulju 2023

    li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK (1), dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK).

    (2)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 (2) b’reazzjoni għat-tfixkil tal-proċess elettorali u għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 emendat id-Deċiżjoni 2010/788/PESK u introduċiet miżuri restrittivi addizzjonali fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK.

    (3)

    Fis-7 ta’ Lulju 2023, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni dwar is-sitwazzjoni fir-RDK, fejn esprima tħassib serju dwar is-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà li sejra għall-agħar u kundanna għal-livelli ta’ vjolenza u l-atroċitajiet li għadhom qed isiru fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili minn gruppi armati mhux governattivi.

    (4)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fir-RDK, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li l-kriterji għall-inklużjoni fl-Artikolu 3(2), il-punt (d) tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK jiġu emendati biex jippermettu l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi mmirati kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għas-sostenn tal-kunflitt armat, l-instabbiltà jew l-insigurtà fir-RDK.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/788/PESK tiġi emendata skont dan.

    (6)

    Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni biex jiġu implimentati ċerti miżuri f’din id-Deċiżjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    li jappoġġaw lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għas-sostenn tal-kunflitt armat, l-instabbiltà jew l-insigurtà fir-RDK;”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. NAVARRO RÍOS


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-stiwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2231 tat-12 ta’ Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 336I, 12.12.2016, p. 7).


    Top