This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D1504
Council Decision (CFSP) 2023/1504 of 20 July 2023 amending Decision (CFSP) 2020/1999 concerning restrictive measures against serious human rights violations and abuses
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1504 tal-20 ta' Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 dwar miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1504 tal-20 ta' Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 dwar miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem
ST/11612/2023/INIT
ĠU L 183I, 20.7.2023, pp. 60–65
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
20.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 183/60 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1504
tal-20 ta' Lulju 2023
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 dwar miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta' Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-7 ta' Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999. |
|
(2) |
Fit-8 ta' Diċembru 2020, fid-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom lejn il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jenfasizza d-determinazzjoni tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar ta' ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. It-twettiq tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem minn kulħadd hija għan strateġiku tal-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tagħha. |
|
(3) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta' Novembru 2022, il-Kunsill esprima tħassib dwar l-effett sproporzjonat li l-konflitti armati għadhom qed ikollhom fuq in-nisa u l-bniet madwar id-dinja, kif ukoll il-prevalenza tal-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru, inkluż il-vjolenza sesswali b'rabta mal-konflitt, offline u online. Huwa impenja ruħu għat-tisħiħ tal-isforzi biex jipprevjeni u tiġi miġġielda din il-vjolenza sabiex tiġi żgurata responsabbiltà sħiħa u biex tiġi miġġielda l-impunità. Barra minn hekk, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 u s-6 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill enfasizza li l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-eliminazzjoni tagħhom jeħtieġu politiki koordinati fil-livelli rilevanti kollha u approċċ komprensiv li jkollu fil-mira l-kwistjonijiet ewlenin ta' prevenzjoni, sottorappurtar, ħarsien, appoġġ għall-vittmi u prosekuzzjoni tal-awturi tar-reati, kif ukoll miżuri oħra. L-użu strateġiku ta' miżuri restrittivi jsaħħaħ dak l-approċċ billi jżid il-pressjoni biex jiġu evitati aktar ksur u abbużi u, f'koordinazzjoni ma' strumenti oħra tal-Unjoni fis-sett ta' għodod b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, jiġbed l-attenzjoni għal tali ksur u abbużi u għal dawk responsabbli. |
|
(4) |
F'dan il-kuntest, jenħtieġ li sitt persuni jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999. |
|
(5) |
Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
ANNESS
Fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999, l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi li tinsab fit-taqsima A ("Persuni fiżiċi"):
|
|
Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin) |
Ismijiet |
Informazzjoni ta' identifikazzjoni |
Raġunijiet għall-elenkar |
Data tal-elenkar |
|
“57. |
Habibullah AGHA magħruf ukoll bħala. Mawlawi, Maulvi, Hadith, Sheikh |
حبیب الله اغا (Ortografija Pashto) |
Pożizzjoni(jiet): Aġent Ministru tat-Taliban għall-Edukazzjoni Data tat-twelid: 1954 jew 1955 Post tat-twelid: Vach Bakhto, Shah Wali Kot, Kandahar province, Afghanistan Nazzjonalità: Afgana Sess: raġel |
Habibullah Agha nħatar bħala aġent Ministru tat-Taliban għall-Edukazzjoni f'Settembru 2022. F'din il-kapaċità, Habibullah Agha implimenta l-politika tat-Taliban li tiċħad l-aċċess tal-bniet għall-edukazzjoni sekondarja billi estenda l-projbizzjoni fuq l-istudenti nisa milli jipparteċipaw fl-edukazzjoni sekondarja lil hinn mis-sitt sena. Barra minn hekk, Habibullah Agha aggrava personalment il-politiki eżistenti li jiddiskriminaw kontra l-ġeneru tat-Taliban billi ordna l-għeluq ta' ċentri tal-edukazzjoni privati u mmexxija minn NGOs li qabel kienu jservu bħala post ta' edukazzjoni għall-bniet. Għalhekk, huwa jerfa' r-responsabbiltà personali għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, b'mod partikolari l-impożizzjoni ta' repressjoni sistematika abbażi tal-ġeneru fis-settur tal-edukazzjoni. Huwa personalment responsabbli għall-ksur kontinwu tad-dritt fundamentali tal-bniet Afgani għall-edukazzjoni sekondarja u d-dritt għat-trattament ugwali bejn is-subien u l-bniet fil-qasam tal-edukazzjoni sekondarja, b'hekk ikompli jeskludi l-bniet mis-soċjetà. Fil-kapaċità tiegħu bħala aġent Ministru tat-Taliban għall-Edukazzjoni, huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, b'mod partikolari għall-ksur tad-dritt tal-bniet u tan-nisa għall-edukazzjoni u d-dritt għal trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa. |
20.7.2023 |
|
58. |
Abdul Hakim HAQQANI magħruf ukoll bħala Mawlawi Sheikh Abdul Hakim Haqqani Ishaqzai; "Shaikhul Hadis" Maulvi Abdul Hakim "Haqqani" |
شیخ الحدیث مولوي عبدالحکیم حقاني لقضات شیخ عبدالحکیم حقاني (Ortografija Pashto) |
Pożizzjoni(jiet): Aġent Prim Imħallef tat-Taliban tal-Qorti Suprema tal-Afganistan Qazi al-Quzzat (Imħallef Suprem) Data tat-twelid: 1967 Post tat-twelid: Panjwayi, Kandahar province, Afghanistan Nazzjonalità: Afgana Sess: raġel |
Abdul Hakim Haqqani huwa l-aġent Prim Imħallef attwali tat-Taliban tal-Qorti Suprema tal-Afganistan, maħtur mit-tmexxija Talibana fl-2021. F'din il-kapaċità, huwa uża b'mod effettiv is-sistema legali biex jimplimenta r-repressjoni abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa billi eskluda l-imħallfin nisa mis-sistema tal-qrati Afgana u rrestrinġa sistematikament l-aċċess tan-nisa għall-ġustizzja, bi ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa. Lil hinn mir-rwol tiegħu bħala aġent Prim Imħallef tat-Taliban, Abdul Hakim Haqqani Ishaqzaih għandu l-funzjoni ta' mexxej ideoloġiku fit-Taliban. Permezz tal-aċċess personali tiegħu għall-mexxej tat-Taliban Haibatullah Akhundzada, huwa eżerċita influwenza politika sabiex isawwar l-ideoloġija tat-Taliban fir-rigward tar-repressjoni tal-ġeneru, b'mod partikolari billi ta gwida għall-esklużjoni sistematika tan-nisa u tal-bniet mill-ħajja pubblika fl-Afganistan. Fil-kapaċità tiegħu bħala Aġent Prim Imħallef tat-Taliban tal-Qorti Suprema tal-Afganistan, huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, b'mod partikolari għall-ksur tad-dritt tan-nisa għal aċċess għall-ġustizja u għad-dritt għal trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa. |
20.7.2023 |
|
59. |
Abdul-Hakim SHAREI magħruf ukoll bħala Sharae; Sharie; Shara'i |
عبدالحکیم شریری (Ortografija Pashto) |
Pożizzjoni(jiet): Aġent Ministru tat-Taliban għall-Ġustizzja Titlu: Shaikh-al-Hadith Mawlawi Data tat-twelid: 1961 Post tat-twelid: Ayub-Khil, Khost province, Afghanistan Nazzjonalità: Afgana Sess: raġel |
Wara l-ħtif tal-poter mit-Talibani fl-Afganistan, Abdul-Hakim Sharei, fil-kapaċità tiegħu bħala aġent Ministru tat-Taliban għall-Ġustizzja, beda sforz konċertat biex idawwar is-sistema ġudizzjarja nazzjonali kontra n-nisa Afgani. Huwa effettivament ostakola l-għoti ta' liċenzji lil avukati nisa u l-kapaċità tan-nisa li jirċievu rappreżentanza legali, u neħħa lin-nisa minn pożizzjonijiet fis-sistema ġudizzjarja. L-istruzzjoni tiegħu biex jeżamina mill-ġdid il-qafas legali kollu tal-Afganistan waqqfet ukoll l-applikazzjoni tal-Liġi dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa. Dawn il-politiki jikkostitwixxu sforz konċertat biex tintuża ċ-ċaħda tal-ġustizzja bħala għodda effettiva għat-trawwim ta' sistema ta' repressjoni abbażi tal-ġeneru billi n-nisa u l-bniet jiġu esposti għal stat ta' nuqqas ta' liġi u impunità, li għaliha Abdul-Hakim Sharei huwa responsabbli direttament u personalment. Fil-kapaċità tiegħu bħala aġent Ministru tat-Taliban għall-Ġustizzja, huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, b'mod partikolari għall-ksur tad-dritt tan-nisa għal aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa. |
20.7.2023 |
|
60. |
James Mark NANDO |
|
Pożizzjoni(jiet): Maġġur Ġeneral, Forzi tad-Difiża tal-Poplu tas-Sudan t'Isfel (SSPDF) Post tat-twelid: Ezo, Ezo County, Western Equatoria, Sudan t’Isfel Indirizz: Juba, South Sudan Nazzjonalità: Sud Sudaniż Sess: raġel |
James Nando huwa uffiċjal anzjan fil-Forzi tad-Difiża tal-Poplu tas-Sudan t’Isfel (SSPDF), li għandu l-grad ta' Maġġur Ġeneral. Huwa jikkmanda l-forzi fl-istat tal-Ekwatorji tal-Punent tas-Sudan t'Isfel li wettqu attakki mifruxa kontra l-popolazzjoni ċivili. Il-forzi tiegħu użaw b'mod sistematiku l-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru bħala mezz biex il-popolazzjoni tiġi terrorizzata. Fil-kapaċità tiegħu bħala Maġġur Ġeneral, huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan t'Isfel, li jinkludu l-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru. |
20.7.2023 |
|
61. |
Mahamat SALLEH Adoum Kette magħruf ukoll bħala Mahamet Salleh |
|
Pożizzjoni(jiet): Ġeneral, tal-Front Popolari għat-Twelid mill-Ġdid tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (FPRC) Nazzjonalità: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana Post tat-twelid: Haute-Kotto Prefecture, Central African Republic Sess: raġel |
Fil-kapaċità tiegħu bħala figura ewlenija fil-Front Popolari għat-Twelid mill-Ġdid tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (FPRC), Mahamat Salleh ikkmanda forzi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana li wettqu attakki mifruxa kontra l-popolazzjoni ċivili. Għal snin, Salleh, u l-forzi taħt il-kmand tiegħu ripetutament wettqu delitti relatati ma' vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru fuq skala massiva bħala mezz biex il-popolazzjoni ċivili tiġi terrorizzata. Fil-kapaċità tiegħu bħala Ġeneral fil-FPRC, huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, li jinkludu l-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru. |
20.7.2023 |
|
62. |
Igor Leonidovich KOLEDA |
Iгор Леонiдович КОЛЕДА (Ortografija Ukrena) Игорь Леонидович КОЛЕДА (ortografija Russa) |
Pożizzjoni(jiet): Kmandant tat-30 Motorized Rifle Brigade. Grad: Kurunell Data tat-twelid: 11.12.1973 Nazzjonalità: Russa Sess: raġel Numru ta' identifikazzjoni tal-forzi armati: 540530367155 |
Igor Leonidovich Koleda huwa l-kmandant fit-30 Motorized Rifle Brigade tal-Forzi Armati Russi u għandu l-grad ta' Kurunell. Il-brigata taħt il-kmand tiegħu ħadet sehem fl-invażjoni illegali tal-Ukrajna mir-Russja fil-bidu tal-2022. Fil-bidu tal-2022, Membri tat-30 Motorized Rifle Brigade wettqu atti ta' vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru kontra l-popolazzjoni ċivili Ukrena inkluż kontra mill-inqas minorenni wieħed. L-awtoritajiet Ukreni identifikaw membru wieħed tat-30 Motorized Rifle Brigade bħala suspettat ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa. L-iskala u s-severità tal-atti ta' vjolenza sesswali li qed iseħħu f'żoni tal-Ukrajna okkupati mir-Russja jissuġġerixxu li twettaq ippjanar sistematiku u li l-kmandanti Russi huma konxji mill-vjolenza sesswali mill-persunal militari fl-Ukrajna u f'xi każijiet jinkoraġġixxu jew saħansitra jordnaw din il-vjolenza. Fil-kapaċità tiegħu bħala l-kmandant tat-30 Motorized Rifle Brigade, Igor Koleda huwa għalhekk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, inkluż il-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru. |
20.7.2023” |