Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1502

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1502 tal-20 ta' Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

ST/11252/2023/INIT

ĠU L 183I, 20.7.2023, pp. 52–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1502/oj

20.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 183/52


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1502

tal-20 ta' Lulju 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/184/PESK (1).

(2)

Fil-31 ta' Jannar 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li tikkundanna bil-qawwa t-twaqqigħ tal-gvern tal-Myanmar elett demokratikament mill-forzi militari tal-Myanmar bi ksur sfaċċat tar-rieda tal-poplu kif espressa fl-elezzjoni ġenerali tat-8 ta' Novembru 2020. Dan l-att illeġittimu reġġa' lura t-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż u wassal għal konsegwenzi umanitarji, soċjali, ta' sigurtà, ekonomiċi u tad-drittijiet tal-bniedem diżastrużi.

(3)

L-Unjoni tibqa' mħassba ħafna dwar l-eskalazzjoni kontinwa tal-vjolenza u l-evoluzzjoni lejn kunflitt fit-tul b'implikazzjonijiet reġjonali. L-Unjoni tikkundanna l-ksur gravi u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi armati tal-Myanmar, inkluż it-tortura, il-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru, il-persekuzzjoni tal-atturi tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġurnalisti, u l-attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, inkluż il-minoranzi etniċi u reliġjużi.

(4)

Fin-nuqqas ta' progress rapidu fis-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma, l-Unjoni esprimiet diversi drabi li hija tinsab lesta tadotta aktar miżuri restrittivi kontra dawk responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedemli qed iseħħu f’dak il-pajjiż.

(5)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni gravi li qed tippersisti fil-Myanmar/Burma, jenħtieġ li sitt persuni u entità waħda jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/184/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma (ĠU L 111, 23.4.2013, p. 75).


ANNESS

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK huwa emendat kif ġej:

(1)

L-entrati li ġejjin jinżiedu mal-lista bl-intestatura “A. Persuni fiżiċi msemmijin fl-Artikoli 5(1) u 6(1)”:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

“94.

Aung Kyaw Min

Nazzjonalità: Myanmar/ Burma;

Data tat-twelid: madwar l-1958;

Post tat-twelid: Myanmar/ Burma;

Sess: raġel;

Funzjoni: Membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat

Aung Kyaw Min ilu membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC) mill-1 ta' Frar 2023. Huwa wkoll l-eks Ministru Kap tal-Istat ta' Rakhine. L-SAC huwa mmexxi mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, li ħa f'idejh is-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat mill-1 ta' Frar 2021, u b'hekk waqqaf lill-gvern elett demokratikament milli jwettaq il-mandat tiegħu.

Bħala membru tal-SAC, Aung Kyaw Min kien direttament involut u responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet statali, u għalhekk hu responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, l-SAC adotta deċiżjonijiet li jirrestrinġu d-dritt tal-libertà tal-espressjoni, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni, u d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika.

Il-forzi u l-awtoritajiet militari li joperaw taħt il-kontroll tal-SAC wettqu kontinwament ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-1 ta' Frar 2021, qatlu dimostranti ċivili u mhux armati, u rrestrinġew il-libertà ta' assemblea u ta' espressjoni.

Bħala membru tal-SAC, Aung Kyaw Min huwa direttament responsabbli għal dawk id-deċiżjonijiet repressivi u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

20.7.2023

95.

Kyaw Swar Lin

magħruf ukoll bħala Kyaw Swar Linn

Nazzjonalità: Myanmar/ Burma;

Post tat-twelid: Myanmar/ Burma;

Sess: raġel;

Funzjoni:Ġeneral Inkarigat mill-Proviżjonijiet tal-forzi armati tal-Myanmar

Il-Logutenent Ġeneral Kyaw Swar Lin kien inħatar bħala Ġeneral Inkarigat mill-Proviżjonijiet f'Mejju 2020. Din hija s-sitt l-ogħla pożizzjoni fil-militar tal-Myanmar/Burma. L-Uffiċċju tal-Ġeneral Inkarigat mill-Proviżjonijiet huwa dipartiment taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Ministeru għad-Difiża u huwa involut fl-akkwist ta' armi u tagħmir militari għall-Forzi Armati tal-Myanmar. Barra minn hekk, Kyaw Swar Lin imexxi l-Myanmar Economic Corporation (MEC), li hija waħda miż-żewġ konglomerati u kumpaniji azzjonarji ewlenin operati mill-militar, li jiġġeneraw dħul għall-forzi armati tal-Myanmar (Tatmadaw).

Bħala Ġeneral Inkarigat mill-Proviżjonijiet, huwa jifforma parti mir-reġim militari li ħataf il-poter matul kolp ta' stat militari u waqqa' l-mexxejja eletti b'mod leġittimu tal-Myanmar/Burma.

Kyaw Swar Lin huwa għaldaqstant persuna fiżika li l-politiki u l-attivitajiet tiegħu jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, u li jipprovdi appoġġ għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

20.7.2023

96.

Myint Kyaing

magħruf ukoll bħala U Myint Kyaing

Nazzjonalità: Myanmar/ Burma;

Data tat-twelid: 17.4.1957

Post tat-twelid: Myanmar/ Burma;

Sess: raġel;

Funzjoni: Ministru għall-Immigrazzjoni u l-Popolazzjoni tal-Unjoni

Myint Kyaing ilu l-Ministru għall-Immigrazzjoni u l-Popolazzjoni tal-Unjoni mid-19 ta' Awwissu 2021. Qabel dan, huwa kien Ministru għax-Xogħol tal-Unjoni wara l-kolp ta' stat fl-1 ta' Frar 2021. Huwa membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC), immexxi mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, li ħa f'idejh is-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat fil-kolp ta' stat militari fl-1 ta' Frar 2021.

Bħala Ministru tal-gvern, huwa jifforma parti mir-reġim militari li ħataf il-poter matul kolp ta' stat militari u waqqa' l-mexxejja eletti b'mod leġittimu tal-Myanmar/Burma. Fil-kapaċità tiegħu bħala Ministru tal-Unjoni, huwa jwettaq funzjonijiet b'appoġġ għall-politika repressiva tar-reġim militari dwar l-immigrazzjoni u l-popolazzjoni bħal restrizzjonijiet għaċ-ċittadini biex jivvjaġġaw ġewwa l-pajjiż kif ukoll il-politika tar-reġim lejn il-minoranza tar-Rohingya bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Bħala Ministru għall-Immigrazzjoni tal-Popolazzjoni huwa jipparteċipa wkoll fit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet imħabbra mill-militar sabiex jilleġittimizza l-kolp ta' stat illegali ta' Frar 2021.

Myint Kyaing huwa għaldaqstant responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma u għall-għoti ta' appoġġ għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

20.7.2023

97.

Porel Aung Thein

Nazzjonalità: Myanmar/ Burma;

Data tat-twelid: bejn is-sittinijiet u s-sebgħinijiet (madwar 50 sena)

Post tat-twelid: Myanmar/ Burma;

Sess: raġel;

Funzjoni: Membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat

Porel Aung Thein kien ilu membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC) mill-1 ta' Frar 2023. Huwa wkoll membru tal-partit bi prokura militari, Union Solidarity and Development Party (USDP).

L-SAC huwa mmexxi mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing u ħa f'idejh is-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat mill-1 ta' Frar 2021, u b'hekk waqqaf lill-gvern elett demokratikament milli jwettaq il-mandat tiegħu.

Bħala membru tal-SAC, Porel Aung Thein kien direttament involut u responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet statali u għalhekk hu responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, l-SAC adotta deċiżjonijiet li jirrestrinġu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni, u d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika.

Il-forzi u l-awtoritajiet militari li joperaw taħt il-kontroll tal-SAC wettqu kontinwament ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-1 ta' Frar 2021, qatlu dimostranti ċivili u mhux armati, u rrestrinġew il-libertà ta' assemblea u ta' espressjoni.

Bħala membru tal-SAC, Porel Aung Thein huwa direttament responsabbli għal dawk id-deċiżjonijiet repressivi u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

20.7.2023

98.

Pwint San

Nazzjonalità: Myanmar/ Burma;

Data tat-twelid: 13.7.1961

Post tat-twelid: Myanmar/ Burma;

Sess: raġel;

Funzjoni:Ministru għax-Xogħol tal-Unjoni

Pwint San ilu Ministru għax-Xogħol tal-Unjoni mid-19 ta' Awwissu 2022. Huwa nħatar mill-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC), immexxi mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, li ħa f'idejh is-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat mit-2 ta' Frar 2021. Il-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru għax-Xogħol tal-Unjoni ġiet ikkonfermata għal darb'oħra fl-1 ta' Frar 2023.

Qabel kien inħatar Ministru għall-Kummerċ tal-Unjoni mill-perjodu mit-3 ta' Frar 2021 sad-19 ta' Awwissu 2022.

Bħala Ministru tal-gvern, huwa jifforma parti mir-reġim militari li ħataf il-poter matul kolp ta' stat militari u waqqa' l-mexxejja eletti b'mod leġittimu tal-Myanmar/Burma. Taħt l-awtorità tiegħu, id-drittijiet tal-ħaddiema, speċjalment id-drittijiet tal-ħaddiema affiljati mal-moviment tal-oppożizzjoni, qed jinkisru b'mod sistematiku. Bħala Ministru għall-Kummerċ, Pwint San iffaċilita l-importazzjoni tal-oġġetti meħtieġa biex isostnu l-poter tar-reġim (eż. l-importazzjoni taż-żejt tal-fjuwil). Barra minn hekk, permezz tal-attivitajiet nazzjonali u l-kuntatti internazzjonali tiegħu, huwa jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni ulterjuri tal-poter illeġittimu tar-reġim militari. Fl-istess ħin, il-ministeru taħt l-awtorità tiegħu jaggrava t-tfixkil tal-provvista fil-pajjiż billi jimponi kontrolli fuq l-importazzjoni u jirrestrinġi t-trasferiment tar-rimessi.

Pwint San huwa għaldaqstant persuna fiżika li l-azzjonijiet, il-politiki u l-attivitajiet tiegħu jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma u li huwa involut f'azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

20.7.2023

99.

Thet Khaing Win

Nazzjonalità: Myanmar/ Burma;

Data tat-twelid: 13.7.1961

Post tat-twelid: Myanmar/ Burma;

Sess: raġel;

Funzjoni:Ministru għas-Saħħa tal-Unjoni

Dr Thet Khaing Win ilu l-Ministru għas-Saħħa u l-Isport mill-1 ta' Frar 2021. Huwa nħatar mill-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC), immexxi mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, li ħa f'idejh is-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat mit-2 ta' Frar 2021. Il-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru għas-Saħħa tal-Unjoni ġiet ikkonfermata fl-1 ta' Frar 2023.

Qabel il-kolp ta' stat, kien is-segretarju permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Isport.

Bħala Ministru tal-gvern, huwa jifforma parti mir-reġim militari li ħataf il-poter matul kolp ta' stat militari u waqqa' l-mexxejja eletti b'mod leġittimu tal-Myanmar/Burma. Taħt l-awtorità tiegħu, mijiet ta' tobba tkeċċew għal raġunijiet politiċi u l-liċenzji tagħhom ġew revokati. Huwa rreżista wkoll it-talbiet tal-UN-OCHA għal aċċess estiż għall-għajnuna matul il-pandemija. Taħt l-awtorità tiegħu, sptarijiet privati ġew imħeġġa biex ma jimpjegawx tobba li jirrifjutaw li jaħdmu fi sptarijiet pubbliċi taħt ir-reġim militari.

Dr. Thet Khaing Win huwa għaldaqstant persuna fiżika li l-azzjonijiet, il-politiki u l-attivitajiet tiegħu jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, u li huwa involut f'azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

20.7.2023”

(2)

L-entrata li ġejja tiżdied mal-lista intitolata "B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 6(1)":

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

“19.

No. 2 Mining Enterprise (ME 2)

Indirizz: Ywargout Quarter, Pyinmana Township, Nay Pyi Taw, Myanmar/ Burma;

Tip ta' entità: Intrapriża tal-Istat (SOE)

Post tar-reġistrazzjoni: Myanmar/ Burma;

Post ewlieni ta' negozju: Myanmar/ Burma

Nru tat-telefon: 09 - 067-22126

No. 2 Mining Enterprise (ME 2) hija intrapriża tal-Istat (SOE) taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Ministeru għar-Riżorsi Naturali u l-Konservazzjoni tal-Ambjent (MONREC) li taġixxi wkoll bħala r-regolatur għas-settur tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' metalli mhux ferrużi. Bħala tali, l-SOE hija mogħtija s-setgħa li tagħti permessi u tiġbor parti mit-taxxa fuq il-profitti magħmula minn kumpaniji privati li huma jew fl-hekk imsejħa "kuntratti ta' kondiviżjoni tal-produzzjoni" jew f'impriżi konġunti ma' ME 2.

Il-Ministru għar-Riżorsi Naturali u l-Konservazzjoni tal-Ambjent, U Khin Maung Yi, inħatar mill-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-Istat (SAC) li ħa f'idejh is-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat mit-2 ta' Frar 2021.

Wara l-kolp ta' stat, ir-reġim militari kiseb kontroll fuq l-intrapriżi tal-istat u jibbenifika minnhom, inkluż No. 2 Mining Enterprise. Għaldaqstant No. 2 Mining Enterprise hija kkontrollata minn u tiġġenera dħul għall-forzi militari tal-Myanmar (Tatmadaw), u b'hekk tikkontribwixxi għall-kapaċitajiet tagħhom li jwettqu attivitajiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt.

Barra minn hekk, No. 2 Mining Enterprise ħadet sehem fi u issorveljat diversi proġetti marbuta mal-vjolenza mill-forzi armati tal-Myanmar kontra popolazzjonijiet ċivili u l-ksur tad-drittijiet l-aktar bażiċi tagħhom, inkluż permezz tal-konfiska tal-art u r-rilokazzjoni furzata.

20.7.2023”


Top