EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1475

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1475 tal-15 ta’ Mejju 2023 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi programmi tal-Unjoni

ST/7773/2023/INIT

ĠU L 182, 19.7.2023, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1475/oj

Related international agreement

19.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1475

tal-15 ta’ Mejju 2023

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 186 u 212, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tal-ittra tas-6 ta’ Diċembru 2021, New Zealand esprimiet l-interess formali tagħha li tiġi assoċjata ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (il-“Programm Orizzont Ewropa”).

(2)

Fid-9 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill, bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1527 (2), awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati ma’ New Zealand, f’isem l-Unjoni, għal Ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi programmi tal-Unjoni u dwar l-assoċjazzjoni ta’ New Zealand mal-Programm Orizzont Ewropa.

(3)

In-negozjati ġew konklużi u l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi programmi tal-Unjoni (il-“Ftehim”) ġie inizjalat fit-22 ta’ Diċembru 2022.

(4)

L-objettivi tal-Ftehim huma li jistabbilixxi qafas dejjiemi għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u New Zealand u li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fil-programmi tal-Unjoni li jinfetħu għall-parteċipazzjoni tagħha f’konformità mal-atti bażiċi li jistabbilixxu programmi tal-Unjoni kif definit fil-Ftehim. Skont il-Ftehim, l-Unjoni ser twettaq miżuri ta’ kooperazzjoni ma’ New Zealand skont l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim, it-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi kwalunkwe programm jew attività tal-Unjoni huma soġġetti għall-adozzjoni ta’ Protokolli tal-Ftehim.

(5)

F’konformità mal-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, il-Protokoll dwar l-assoċjazzjoni ta’ New Zealand ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) ġie nnegozjat b’mod parallel mal-Ftehim u, skont l-Artikolu 15(9) tal-Ftehim, jifforma parti integrali minnu. New Zealand għandha tipparteċipa u tikkontribwixxi għall-Pilastru II tal-Programm Orizzont Ewropa.

(6)

New Zealand tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/695.

(7)

Il-Ftehim jikkonforma mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2021/695, li jirrikjedi li l-assoċjazzjoni mal-Programm Orizzont Ewropa ta’ kull wieħed mill-pajjiżi terzi skont l-Artikolu 16(1), il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament tkun f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim li jkopri l-parteċipazzjoni ta’ dan il-pajjiż jew territorju għal kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim: jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni; jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni, fosthom il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali, u l-kostijiet amministrattivi tagħhom; ma jagħtix lill-pajjiż terz kwalunkwe setgħa deċiżjonali fir-rigward tal-programm tal-Unjoni; u jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja soda u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(8)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(9)

Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kooperazzjoni f’waqtha bejn l-Unjoni u New Zealand fil-qasam tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-innovazzjoni, u li tiġi permessa l-parteċipazzjoni f’waqtha tal-entitajiet ta’ New Zealand fil-Programm Orizzont Ewropa, il-Ftehim jenħtieġ li jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u New Zealand min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fi programmi tal-Unjoni (il-“Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi (3).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, f’konformità mal-Artikolu 15(2) tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 15(2) tal-Ftehim.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. FORSSMED


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1527 tad-9 ta’ Settembru 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati ma’ New Zealand għal Ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ New Zealand fil-programmi tal-Unjoni u dwar l-assoċjazzjoni ta’ New Zealand ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021–2027) (ĠU L 237, 14.9.2022, p. 18).

(3)  Ara paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top