EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1439

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1439 tal-10 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

ĠU L 176, 11.7.2023, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1439/oj

11.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/26


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1439

tal-10 ta’ Lulju 2023

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Lulju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja.

(2)

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (‘KSNU’), fir-Riżoluzzjoni 2292(2016) tiegħu, awtorizza lill-Istati li jaġixxu fuq livell nazzjonali jew permezz ta' organizzazzjonijiet reġjonali biex jispezzjonaw fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja bastimenti li huma jkollhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li qed iġorru armi jew materjal relatat lejn jew mil-Libja, direttament jew indirettament, bi ksur tal-embargo fuq l-armi tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Libja u ddeċieda li l-Istati, malli jiskopru, matul tali spezzjonijiet, oġġetti pprojbiti mill-embargo fuq l-armi fuq il-Libja, għandhom jissekwestraw u jiddisponu minn tali oġġetti.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 (2) tipprevedi li l-kompitu ewlieni tal-operazzjoni navali tal-Unjoni EUNAVFOR MED IRINI huwa li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-embargo fuq l-armi tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Libja.

(4)

Għal dak l-għan, l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 jipprevedi li, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (‘UNSCRs’), b'mod partikolari l-UNSCR 2292(2016), u skont il-ħtieġa, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha twettaq, fiż-Żona ta' Operazzjonijiet maqbula fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja, spezzjonijiet ta' bastimenti destinati lejn il-Libja jew ġejjin minnha fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex jitwemmen li tali bastimenti jkunu qed iġorru armi jew materjal relatat lejn jew mil-Libja, direttament jew indirettament, bi ksur tal-embargo fuq l-armi fuq il-Libja, u li l-EUNAVFOR MED IRINI għandha tieħu azzjoni rilevanti biex tissekwestra u tiddisponi minn tali oġġetti.

(5)

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 jipprevedi li, fid-dawl tar-rekwiżiti operazzjonali eċċezzjonali, u fuq stedina minn Stat Membru, l-EUNAVFOR MED IRINI tista' tiddevja bastimenti lejn portijiet ta' dak l-Istat Membru u tiddisponi minn armi u materjal relatat li tkun issekwestrat, inkluż permezz ta' ħżin, qerda jew trasferiment lil Stat Membru jew lil parti terza. Jipprevedi wkoll li d-disponiment minn armi sekwestrati u materjal relatat jista' jitwettaq bl-assistenza ta' Stat Membru, li għandu jimpenja ruħu li jlesti malajr kemm jista' jkun il-proċeduri meħtieġa biex ikun possibbli d-disponiment mill-oġġetti sekwestrati, fil-qafas tal-liġi u l-proċeduri applikabbli.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li jiġu introdotti dispożizzjonijiet rilevanti sabiex jipprevedu li tali Stat Membru jkun meħtieġ jieħu l-miżuri neċessarji biex jiffaċilita d-disponiment, f'isem l-EUNAVFOR MED IRINI, minn armi u materjal relatat issekwestrati mill-EUNAVFOR MED IRINI fl-ibħra miftuħa f'konformità mal-mandat tagħha.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-artikolu li ġej jiddaħħal fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333:

“Artikolu 5a

1.   F’konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkonċernaw il-Libja, b’mod partikolari UNSCR 1970(2011) u UNSCR 2292(2016), għandu jkun ipprojbit li bastimenti li jtajjru l-bandiera ta’ pajjiż terz, destinati lejn il-Libja jew ġejjin minnha, iġorru armi u materjal relatat, inkluż oġġetti u teknoloġija li huma koperti mil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni, lejn jew mil-Libja, direttament jew indirettament, fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja, bi ksur tal-embargo fuq l-armi stabbilit minn ENSCR 1970 (2011).

2.   Stat Membru li jassisti lill-EUNAVFOR MED IRINI f'konformità mal-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 (*1) għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex f'isem l-EUNAVFOR MED IRINI jiddisponi minn armi jew materjal relatat, inkluż oġġetti u teknoloġija koperti mil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni, issekwestrati mill-EUNAVFOR MED IRINI fl-ibħra miftuħa skont l-Artikolu 2(3) ta' dik id-Deċiżjoni.

3.   Id-disponiment imsemmi fil-paragrafu 2 jista' jsir, b'mod partikolari, permezz tal-qerda ta' dawk l-oġġetti, billi jsiru inoperabbli jew billi jkun permess l-użu tagħhom, inkluż minn parti terza, filwaqt li jiġi evitat it-trasferiment sussegwenti tagħhom lejn il-Libja jew lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor li lejh huwa pprojbit it-trasferiment ta' armi jew materjal relatat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta' Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 tal-31 ta’ Marzu 2020 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (ĠU L 101, 1.4.2020, p. 4).


Top