Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1048

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1048 tat-30 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    ST/9575/2023/INIT

    ĠU L 140I, 30.5.2023, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1048/oj

    30.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 140/14


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1048

    tat-30 ta’ Mejju 2023

    li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (1).

    (2)

    L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

    (3)

    Fid-dawl tas-serjetà tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li żewġ persuni responsabbli għal azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

    (4)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/145/PESK tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ROSWALL


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16).


    ANNESS

    Il-persuni li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK:

     

    Persuni

     

    Isem

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “1500.

    Aleksandr KALININ

    (Александр КАЛИНИН)

    Funzjoni: politikant, mexxej tal-Partit tar-Reġjuni tal-Moldova, kap tal-organizzazzjoni pubblika interreġjonali Kungress tad-Dijaspori Moldovani

    Data tat-twelid: 16.2.1977

    Post tat-Twelid: Balti, eks USSR (issa Republic of Moldova)

    Sess: raġel

    Nazzjonalita: Moldovana, Russa

    Aleksandr Kalinin huwa politikant Moldovan, u l-mexxej tal-Partit tar-Reġjuni tal-Moldova. Mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, huwa vvjaġġa fiż-żoni okkupati tal-lvant tal-Ukrajna u pprovda appoġġ lill-forzi militari Russi. Barra minn hekk, ippromwova pubblikament is-simboli Russi tal-invażjoni tal-Ukrajna u l-azzjonijiet Russi fil-lvant tal-Ukrajna.

    Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ ta’ azzjonijiet u politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    30.5.2023

    1501.

    Grigore CARAMALAC

    magħruf ukoll bħala

    Grigory Ivanovich KARAMALAK

    (Григорий Иванович КАРАМАЛАК)

    Funzjoni: negozjant; president tal-IFAVIS Foundation; viċi president tal-Federazzjoni Russa tal-Isports tal-Lotta;assistent tas-senatur għar-reġjun ta’ Kursk, Alexander Bryksin

    Data tat-twelid: 21.5.1965

    Post tat-Twelid: Taraclia, eks USSR (issa Republic of Moldova)

    Sess: raġel

    Nazzjonalita: Moldovana, Russa

    Persuni assoċjati: Alexander Yuryevich Bryksin

    Grigore Caramalac huwa negozjant Russu/Moldovan. Huwa jeżerċita kontroll fuq il-fondazzjoni tal-IFAVIS (il-Federazzjoni Russa), li permezz tagħha involva ruħu fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti patrijottiċi u sportivi fit-territorji okkupati fil-lvant tal-Ukrajna, bl-appoġġ tal-awtoritajiet tal-okkupazzjoni. Barra minn hekk, huwa l-assistent tas-senatur Russu għar-reġjun ta’ Kursk, Alexander Bryksin.

    Huwa għalhekk responsabbli għall-appoġġ ta’ azzjonijiet u politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Grigore Caramalac huwa wkoll assoċjat ma’ Alexander Bryksin.

    30.5.2023”.


    Top