Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0963

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/963 tal-15 ta’ Mejju 2023 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Golf

ST/11793/2022/INIT

ĠU L 129, 16.5.2023, p. 12–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/963/oj

16.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/963

tal-15 ta’ Mejju 2023

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Golf

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà adottaw Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar sħubija strateġika mal-pajjiżi tal-Golf, Din kienet segwita mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2022.

(2)

Jenħtieġ li jinħatar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għar-reġjun tal-Golf għal perjodu ta’ 21 xahar.

(3)

Il-Kunsill u l-Kummissjoni, megħjuna mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jenħtieġ li jiżguraw konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-Unjoni tal-azzjoni esterna fir-reġjun tal-Golf u jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib għal dak l-għan. Ir-RSUE ser jappoġġa u jikkoopera mal-istituzzjonijiet f’dan ir-rigward.

(4)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Luigi DI MAIO huwa b’dan maħtur bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għar-reġjun tal-Golf mill-1 ta’ Ġunju 2023 sat-28 ta’ Frar 2025. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun konsistenti mal-objettivi tal-politika barranija tal-Unjoni fir-reġjun tal-Golf. Dawk l-objettivi jinkludu:

(a)

is-salvagwardja tal-interessi u tas-sigurtà fundamentali tal-Unjoni fir-reġjun tal-Golf;

(b)

il-promozzjoni ta’ relazzjonijiet tajba u mill-qrib bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tar-reġjun tal-Golf abbażi ta’ valuri u interessi komuni;

(c)

il-bini ta’ sħubija b’saħħitha, komprensiva u aktar strateġika mal-pajjiżi tar-reġjun tal-Golf sabiex jissaħħu l-prosperità u s-sigurtà;

(d)

il-kontribut għall-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun tal-Golf billi jiġi promoss it-tnaqqis tat-tensjonijiet u jiġu appoġġati d-djalogu u soluzzjonijiet fit-tul fir-reġjun tal-Golf.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jappoġġa lir-RGħ, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), fl-implimentazzjoni tal-aspetti tal-politika barranija u ta’ sigurtà tal-Komunikazzjoni Konġunta tat-18 ta’ Mejju 2022 dwar Sħubija Strateġika mal-Pajjiżi tal-Golf u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2022 relatati magħha;

(b)

jikkontribwixxi permezz ta’ mezzi diplomatiċi għaż-żamma tal-paċi u għall-prevenzjoni tal-konflitti fir-reġjun, kif ukoll għall-mitigazzjoni tal-effetti potenzjali tagħhom, b’mod partikolari billi jiġu indirizzati theddid komuni bħat-terroriżmu, it-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali jew in-nuqqas ta’ sigurtà tal-enerġija;

(c)

jgħin biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u jiġu promossi l-prijoritajiet, il-valuri u l-interessi tal-Unjoni fir-reġjun;

(d)

jikkontribwixxi għal fehim aħjar tar-rwol tal-Unjoni u għall-viżibbiltà tagħha fir-reġjun, għal għajnuna biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni u għall-bini ta’ kuntatti aktar b’saħħithom bejn in-nies;

(e)

isaħħaħ il-kuntatti mas-sħab tar-reġjun tal-Golf b’mod individwali, iżda wkoll b’kollegament,fejn meħtieġ, mal-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti bħall-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf, il-Lega tal-Istati Għarab u organizzazzjonijiet rilevanti oħra fil-livell tar-RSUE;

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE.

4.   Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

5.   Ir-RSUE għandu jkun ibbażat fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE, bi vjaġġi regolari fir-reġjun.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2023 sat-28 ta’ Frar 2025 għandu jkun ta’ EUR 1 800 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-ġestjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta’ tim. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati minnufih dwar il-kompożizzjoni tat-tim.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru kkonċernat, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, rispettivament. Esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jintbagħtu mat-tim tar-RSUE. Il-persunal internazzjonali kkuntrattat għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru mandanti, l-istituzzjoni mandanti tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra neċessarji għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, kif xieraq. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1).

Artikolu 9

Aċċess għall-informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, is-servizzi tal-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal stazzjonat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat u s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan speċifiku ta’ sigurtà msejjes fuq il-gwida tas-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzazzjonali u proċedurali speċifiċi li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment sigur tal-persunal lejn iż-żona ta’ responsabbiltà u ġewwa fiha, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u pjan ta’ evakwazzjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli, kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona ta’ responsabbiltà;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li ser jiġi stazzjonat barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew it-taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu jew mal-wasla tagħhom fiż-żona ta’ responsabbiltà, abbażi tal-livelli tar-riskju li s-SEAE jagħti lil dik iż-żona;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà, jiġu implimentati, u jipprovdi rapporti bil-miktub lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti regolari ta’ progress u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rapportar

Ir-RSUE għandu regolarment jipprovdi rapporti bil-fomm u bil-miktub lir-RGħ, lis-SEAE u lill-KPS. Ir-RSUE għandu wkoll jirrapporta, kif ikun neċessarju, lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. Ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jiġu utilizzati konsistentement, sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Għal dak l-għan, ir-RSUE għandu wkoll ikun f’kollegament ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

Artikolu 13

Rieżami

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu rieżaminati b’mod regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress regolari u rapport komprensiv finali dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sat-30 ta’ Novembru 2024.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. FORSSMED


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


Top