Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0863

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/863 tas-26 ta’ April 2023 dwar l-istabbiliment tal-ammonti li jikkorrispondu għal 20 % tas-superament tal-objettiv globali ta’ ċerti Stati Membri fil-perjodu mill-2013 sal-2020 skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    C/2023/2658

    ĠU L 112, 27.4.2023, p. 43–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/863/oj

    27.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 112/43


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/863

    tas-26 ta’ April 2023

    dwar l-istabbiliment tal-ammonti li jikkorrispondu għal 20 % tas-superament tal-objettiv globali ta’ ċerti Stati Membri fil-perjodu mill-2013 sal-2020 skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2018/842 jistabbilixxi miri tal-Unjoni u nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030 u jipprevedi l-istabbiliment ta’ riżerva ta’ sikurezza li tikkorrispondi għal massimu ta’ 105 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti għas-CO2, bil-kundizzjoni li tintlaħaq il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-Unjoni. Ir-riżerva ta’ sikurezza se tkun disponibbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-Istati Membri li l-Prodott Domestiku Gross (PDG) per capita tal-2013 tagħhom kien taħt il-medja tal-Unjoni u li l-emissjonijiet kumulattivi tagħhom ta’ gassijiet serra mill-2013 sal-2020 fis-setturi koperti minn dak ir-Regolament huma taħt l-allokazzjonijiet annwali kumulattivi tal-emissjonijiet tagħhom għall-istess snin. Fl-ewwel ċiklu ta’ distribuzzjoni tar-Riżerva ta’ Sikurezza, kull Stat Membru kwalifikanti jista’ jirċievi biss l-ammont ta’ allokazzjonijiet ekwivalenti għal 20 % tas-superament tal-objettiv tiegħu għall-perjodu 2013-2020.

    (2)

    Skont ir-Regolament (UE) 2018/842, il-Kummissjoni għandha tippubblika, wara r-rieżami msemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għal kull Stat Membru li jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2), il-punti (a) u (b), ta’ dak ir-Regolament, l-ammonti li jikkorrispondu għal 20 % tas-superament tal-objettiv globali fil-perjodu mill-2013 sal-2020.

    (3)

    Il-Kummissjoni lestiet ir-rieżami, meħtieġ mill-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, u stabbiliet l-inventarji tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Istati Membri għas-sena 2020 fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1953 (3).

    (4)

    Skont id-data ppubblikata mill-Eurostat f’April 2016 (4), fl-2013 il-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja kellhom PDG taħt il-medja tal-Unjoni.

    (5)

    Il-valuri tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Istati Membri f’kull sena tal-perjodu mill-2013 sal-2020 huma disponibbli fir-reġistru tat-tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea stabbilit skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni (5). Bl-eċċezzjoni ta’ Malta, l-emissjonijiet kumulattivi tal-gassijiet serra ta’ kull wieħed mill-Istati Membri msemmija hawn fuq fis-snin mill-2013 sal-2020, fis-setturi koperti mir-Regolament (UE) 2018/842, kienu taħt l-allokazzjonijiet annwali kumulattivi tal-emissjonijiet tal-Istat Membru għas-snin fl-istess perjodu.

    (6)

    Peress li l-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2018/842, jenħtieġ li jiġu ppubblikati l-ammonti li jikkorrispondu għal 20 % tas-superament tal-objettiv globali għal dak il-perjodu għal kull wieħed minn dawk l-Istati Membri

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-ammonti li jikkorrispondu għal 20 % tas-superament tal-objettiv globali tal-Istati Membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2018/842 fil-perjodu mill-2013 sal-2020 huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ April 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1953 tas-7 ta’ Ottubru 2022 dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti mid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kull Stat Membru għall-2020 (ĠU L 269, 17.10.2022, p. 17).

    (4)  SWD(2016) 247 final, p. 143.

    (5)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).


    ANNESS

    L-Istati Membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2018/842

    Ammonti, espressi f’tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2, li jikkorrispondu għal 20 % tas-superament tal-objettiv globali tal-Istat Membru fil-perjodu mill-2013 sal-2020

    Il-Bulgarija

    2 736 643

    Iċ-Ċekja

    6 757 788

    L-Estonja

    114 088

    Il-Greċja

    23 884 476

    Spanja

    35 041 457

    Il-Kroazja

    5 755 207

    L-Italja

    47 793 694

    Ċipru

    1 390 308

    Il-Latvja

    1 133 264

    Il-Litwanja

    668 397

    L-Ungerija

    15 708 173

    Il-Polonja

    109 092

    Il-Portugall

    14 484 447

    Ir-Rumanija

    12 582 725

    Is-Slovenja

    2 532 246

    Is-Slovakkja

    7 649 775


    Top