Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0855

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/855 tal-24 ta’ April 2023 dwar Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova)

    ST/7418/2023/INIT

    ĠU L 110, 25.4.2023, p. 30–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 22/05/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/855/oj

    25.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 110/30


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/855

    tal-24 ta’ April 2023

    dwar Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa l-perspettiva Ewropea tar-Repubblika tal-Moldova, fost oħrajn, afferma li l-futur tar-Repubblika tal-Moldova u ċ-ċittadini tagħha jinsab fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u ddeċieda li jagħtiha, flimkien mal-Ukrajna, l-istatus ta’ pajjiż kandidat.

    (2)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill Ewropew afferma li l-Unjoni ser tkompli tipprovdi l-appoġġ rilevanti kollu lir-Repubblika tal-Moldova hekk kif qed tħabbat wiċċha mal-impatt multidimensjonali tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

    (3)

    B’ittra datata t-28 ta’ Jannar 2023 indirizzata lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, il-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Moldova stieden lill-Unjoni tiskjera Missjoni ċivili fir-Repubblika tal-Moldova taħt il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK).

    (4)

    Fil-31 ta’ Jannar 2023, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà approva Qafas Politiku għal Approċċ għall-Kriżijiet fir-Repubblika tal-Moldova.

    (5)

    Fil-5 ta’ April 2023, il-Kunsill approva Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi għal missjoni ċivili possibbli tal-PSDK fir-Repubblika tal-Moldova. Jenħtieġ għalhekk li dik il-missjoni tiġi stabbilita.

    (6)

    Il-missjoni tal-PSDK fir-Repubblika tal-Moldova ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Missjoni

    L-Unjoni b’dan tistabbilixxi Missjoni ta’ Sħubija ċivili tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova) taħt il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni.

    Artikolu 2

    Mandat

    1.   L-EUPM Moldova għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur tas-sigurtà tar-Repubblika tal-Moldova fl-oqsma tal-maniġġar tal-kriżijiet u t-theddid ibridu, inkluż iċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin (FIMI - foreign information manipulation and interference).

    2.   Għal dak il-għan, l-EUPM Moldova għandha:

    (a)

    tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istrutturi Moldovani ta’ maniġġar ta’ kriżijiet iffukati fuq is-settur tas-sigurtà permezz ta’:

    (i)

    l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ organizzazzjoni, ta’ taħriġ u tagħmir;

    (ii)

    l-implimentazzjoni gradwali tal-azzjonijiet proposti u s-soluzzjonijiet identifikati;

    (b)

    tassisti fit-tisħiħ tar-reżiljenza għal theddid ibridu billi:

    (i)

    tipprovdi pariri fil-livell strateġiku dwar l-iżvilupp ta’ strateġiji u politiki għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu u l-FIMI, inkluż id-diżinformazzjoni, għat-tisħiħ taċ-ċibersigurtà u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata;

    (ii)

    tidentifika l-ħtiġijiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sigurtà fir-rigward ta’ twissija bikrija, detezzjoni, identifikazzjoni, attribuzzjoni ta’ theddid u r-rispons għal dak it-theddid;

    (iii)

    tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti u s-soluzzjonijiet identifikati;

    (c)

    tappoġġa l-implimentazzjoni tal-kompiti msemmija hawn fuq permezz ta’ ċellula ta’ proġetti li toffri appoġġ operazzjonali mmirat, kif meħtieġ, f’konformità mal-Approċċ Integrat u, kemm jista’ jkun, f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ atturi oħra.

    3.   Id-dritt umanitarju internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-aġendi skont ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1325 (2000) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, 2250 (2015) dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u 1612 (2005) dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati għandhom jiġu integrati bis-sħiħ u b’mod proattiv fl-ippjanar, l-attivitajiet u r-rappurtar strateġiċi u operazzjonali tal-EUPM Moldova.

    Artikolu 3

    Linja ta’ kmand u struttura

    1.   L-EUPM Moldova għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

    2.   L-EUPM Moldova għandu jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha fir-Repubblika tal-Moldova.

    3.   L-EUPM Moldova għandha tkun strutturata f’konformità mad-dokumenti ta’ ppjanar tagħha.

    Artikolu 4

    Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

    1.   Id-Direttur Maniġerjali tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC — Civilian Planning and Conduct Capability) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUPM Moldova. Is-CPCC għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija tal-EUPM Moldova.

    2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPM Moldova fil-livell strateġiku.

    3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-KPS fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, inkluż bil-ħruġ ta’ struzzjonijiet fil-livell strateġiku, kif meħtieġ, u billi jipprovdi pariri u appoġġ tekniku lill-Kap tal-Missjoni.

    4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-Rappreżentant Għoli.

    5.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah skont ir-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), rispettivament. Dawk l-awtoritajiet għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali (OPCON) tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-operazzjoni ċivili.

    6.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament.

    7.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika tal-Moldova għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

    Artikolu 5

    Kap tal-Missjoni

    1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà għall-EUPM Moldova u għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tagħha, fil-livell operattiv. Il-Kap tal-Missjoni għandu jaqa’ direttament taħt il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u jaġixxi f’konformità mal-istruzzjonijiet tiegħu jew tagħha.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant tal-EUPM Moldova fil-qasam ta’ responsabbiltà tagħha.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita r-responsabbiltà amministrattiva u loġistika għall-EUPM Moldova, inkluż responsabbiltà għall-assi, ir-riżorsi u t-tagħrif li tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-EUPM Moldova. Il-Kap tal-Missjoni jista’ jiddelega kompiti ta’ ġestjoni relatati mal-persunal u ma’ kwistjonijiet finanzjarji lil membri tal-persunal tal-EUPM Moldova, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu.

    4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal tal-EUPM Moldova. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinari għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah f’konformità mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, jew mis-SEAE rispettivament.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-EUPM Moldova.

    6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu, mingħajr preġudizzju għal-linja tal-kmand, jirċievi gwida politika lokali mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għar-Repubblika tal-Moldova.

    Artikolu 6

    Persunal

    1.   L-EUPM Moldova għandha tikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mis-SEAE. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u s-SEAE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe persunal issekondat minnhom, inkluż l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances minbarra l-allowances applikabbli ta’ kuljum.

    2.   L-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni, jew is-SEAE, rispettivament, għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe lment marbut mal-issekondar mingħand il-membri tal-persunal li jkunu ssekondaw jew dwarhom, u biex jieħdu kwalunkwe azzjoni kontra tali persuni.

    3.   Il-persunal internazzjonali u lokali jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali mill-EUPM Moldova jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu provduti minn persunal issekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali, kif adatt.

    4.   Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-EUPM Moldova u l-membru tal-persunal ikkonċernat.

    Artikolu 7

    Status tal-EUPM Moldova u tal-persunal tagħha

    L-istatus tal-EUPM Moldova u tal-persunal tagħha, inkluż, fejn xieraq, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-EUPM Moldova, għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim konkluż taħt l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 8

    Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

    1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUPM Moldova. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dak il-għan f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 TUE. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat għall-ħatra ta’ Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli, u biex jiġi emendat il-Pjan Operazzjonali (OPLAN). Is-setgħat tad-deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUPM Moldova għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill. Id-deċiżjonijiet tal-KPS rigward il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni għandhom jiġu pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

    3.   Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom.

    Artikolu 9

    Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jikkontribwixxu għall-EUPM Moldova, dment li dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inkluż is-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta’ sussistenza ta’ kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mir-Repubblika tal-Moldova, u dment li dawn jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi tal-EUPM Moldova, kif meħtieġ.

    2.   L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-EUPM Moldova għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri fir-rigward tal-ġestjoni ta’ kuljum ta’ dik il-missjoni.

    3.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta’ Kontributuri.

    4.   L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi f’konformità mal-Artikolu 37 TUE u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu jew ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat terz f’operazzjonijiet tal-Unjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUPM Moldova.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-Kap tal-Missjoni tal-miżuri ta’ sigurtà u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom mill-EUPM Moldova f’konformità mal-Artikolu 4.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-EUPM Moldova u biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għal dik il-missjoni, f’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V TUE, u mal-istrumenti ta’ sostenn tagħha.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiġi assistit minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni, li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-SEAE.

    4.   Il-persunal tal-EUPM Moldova għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f’konformità mal-OPLAN. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post tal-operazzjonijiet, li jkun organizzat mill-Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1).

    Artikolu 11

    Kapaċità ta’ Sorveljanza

    Il-Kapaċità ta’ Sorveljanza għandha tiġi attivata għall-EUPM Moldova.

    Artikolu 12

    Arranġamenti legali

    L-EUPM Moldova għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tidħol f’kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi minn assi u tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 13

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUPM Moldova għal erba’ xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun EUR 3 529 889,20. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għal kull perjodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

    2.   In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwist mill-EUPM Moldova għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Barra minn hekk, ma għandha tapplika l-ebda regola ta’ oriġini għall-prodotti mixtrija mill-EUPM Moldova. Soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, l-EUPM Moldova tista’ tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri, l-Istat ospitanti, Stati terzi parteċipanti u ma’ atturi internazzjonali oħra, fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u siti lill-EUPM Moldova.

    3.   L-EUPM Moldova għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha. Għal dan il-għan, l-EUPM Moldova għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni. L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-linja ta’ kmand prevista fl-Artikoli 3, 4 u 5 u r-rekwiżiti operazzjonali tal-EUPM Moldova.

    4.   L-EUPM Moldova għandha tirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni u tkun issorveljata minnha fir-rigward tal-attivitajiet finanzjarji mwettqa fil-qafas tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3.

    5.   In-nefqa marbuta mal-EUPM Moldova għandha tkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 14

    Ċellula ta’ proġetti

    1.   L-EUPM Moldova għandu jkollha Ċellula ta’ Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. L-EUPM Moldova għandha, skont il-ħtieġa, tiffaċilita u tipprovdi pariri dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’oqsma marbutin mal-EUPM Moldova u b’appoġġ għall-objettivi tagħha.

    2.   Soġġett għall-paragrafu 3, il-EUPM Moldova għandha tkun awtorizzata li tuża l-arranġamenti finanzjarji tal-Istati Membri jew ta’ Stati terzi għall-implimentazzjoni ta’ proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b’mod konsistenti l-azzjonijiet l-oħra tal-EUPM Moldova jekk il-proġetti jkunu:

    (a)

    previsti fid-dikjarazzjoni finanzjarja relatata ma’ din id-Deċiżjoni; jew

    (b)

    integrati matul il-mandat permezz ta’ emenda tad-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.

    L-EUPM Moldova għandha tikkonkludi arranġament mal-Istati kontribwenti, li jkopri b’mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta’ kwalunkwe ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjonijiet mill-EUPM Moldova fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati. L-Istati li jikkontribwixxu ma għandhom f’ebda ċirkostanza jżommu lill-Unjoni jew lir-Rappreżentant Għoli responsabbli ta’ atti jew ommissjonijiet mill-EUPM Moldova fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

    3.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Unjoni, l-Istati Membri jew l-Istati terzi għaċ-Ċellula ta’ Proġetti għandhom ikunu soġġetti għall-aċċettazzjoni mill-KPS.

    Artikolu 15

    Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-intier tagħha, inkluż il-programmi ta’ assistenza tal-Unjoni.

    2.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għar-Repubblika tal-Moldova għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura koordinazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u s-sħab internazzjonali tal-istess fehma fir-Repubblika tal-Moldova.

    Artikolu 16

    Rilaxx ta’ informazzjoni

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, kif adatt u f’konformità mal-ħtiġijiet tal-EUPM Moldova, l-informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” li tiġi ġġenerata għall-finijiet tal-EUPM Moldova, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

    2.   Fil-każ ta’ ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jgħaddi lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li hija ġġenerata għall-finijiet tal-EUPM Moldova, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għal dan il-għan għandhom jitfasslu arranġamenti bejn ir-Rappreżentant Għoli u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.

    3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-EUPM Moldova u kopert mill-obbligu ta’ segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (2).

    4.   Ir-Rappreżentant Għoli jista’ jiddelega s-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, lil persuni taħt l-awtorità tiegħu/tagħha, lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u lill-Kap tal-Missjoni skont it-Taqsima VII tal-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

    Artikolu 17

    Tnedija tal-EUPM Moldova

    1.   L-EUPM Moldova għandha titnieda permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill fid-data rrakkomandata mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-EUPM Moldova ladarba hija tkun laħqet il-kapaċità operazzjonali inizjali tagħha.

    2.   It-tim ewlieni tal-EUPM Moldova għandu jagħmel it-tħejjijiet neċessarji biex dik il-missjoni tkun tista’ tilħaq il-kapaċità operazzjonali inizjali tagħha.

    Artikolu 18

    Dħul fis-seħħ u durata

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid- data tal-adozzjoni tagħha.

    Għandha tapplika għal perjodu ta’ sentejn mit-tnedija tal-EUPM Moldova.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ April 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


    Top