EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0686

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/686 tal-24 ta’ Marzu 2023 li ma tagħtix l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodott bijoċidali uniku “Insecticide Textile Contact” (notifikata bid-dokument C(2023) 1853) (It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

C/2023/1853

ĠU L 90, 28.3.2023, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/686/oj

28.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/42


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/686

tal-24 ta’ Marzu 2023

li ma tagħtix l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodott bijoċidali uniku “Insecticide Textile Contact”

(notifikata bid-dokument C(2023) 1853)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 44(5), l-ewwel subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ April 2016, DAKEM ressqet applikazzjoni lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) f’konformità mal-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għal awtorizzazzjoni ta’ prodott bijoċidali uniku bl-isem “Insecticide Textile Contact” tat-tip ta’ prodott 18, kif deskritt fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament, u pprovdiet konferma bil-miktub li l-awtorità kompetenti tal-Belġju kienet qablet li tevalwa l-applikazzjoni. L-applikazzjoni ġiet irreġistrata bin-numru tal-każ BC-JR023293-31 fir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali.

(2)

“Insecticide Textile Contact” fih il-permetrina bħala s-sustanza attiva, li hija inkluża fil-lista tal-Unjoni ta’ sustanzi attivi approvati msemmija fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tip ta’ prodott 18.

(3)

Fil-5 ta’ Diċembru 2019, f’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-awtorità kompetenti evalwatur ippreżentat rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tagħha lill-Aġenzija. Qabel il-preżentazzjoni lill-Aġenzija, fis-7 ta’ Ottubru 2019, DAKEM ingħatat l-opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar ir-rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 44(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. L-awtorità kompetenti evalwatur qieset il-kummenti li rċeviet mingħand DAKEM meta ffinalizzat l-evalwazzjoni tagħha. Waqt il-proċess tat-tfassil tal-opinjoni tal-Aġenzija dwar dak ir-rapport ta’ valutazzjoni, dan ġie aġġornat mill-awtorità kompetenti evalwatur u, fil-25 ta’ Mejju 2020, DAKEM ingħatat l-opportunità li tipprovdi l-kummenti dwar ir-rapport ta’ valutazzjoni aġġornat u l-abbozz tal-opinjoni tal-Aġenzija qabel ma l-opinjoni finali ġiet adottata mill-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali tal-Aġenzija fis-17 ta’ Ġunju 2020.

(4)

Fit-2 ta’ Lulju 2020, l-Aġenzija ppreżentat lill-Kummissjoni, l-opinjoni tagħha (2) dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-Unjoni ta’ “Insecticide Textile Contact” f’konformità mal-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dik l-opinjoni, l-Aġenzija kkonkludiet li l-prodott bijoċidali “Insecticide Textile Contact” ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(5)

Skont l-opinjoni tal-Aġenzija, l-użu maħsub tal-prodott bijoċidali “Insecticide Textile Contact” jitqies li jwassal għal riskji inaċċettabbli għall-utenti mhux professjonali, b’mod partikolari għall-adulti li japplikaw il-prodott u għall-pubbliku ġenerali espost għall-oġġetti trattati, kif ukoll iwassal għal riskji inaċċettabbli għall-ambjent, b’mod partikolari għall-ilma tal-wiċċ u s-sediment, u għalhekk il-prodott ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

Il-Kummissjoni taqbel mal-opinjoni tal-Aġenzija u tqis li “Insecticide Textile Contact” ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1)(b), il-punti (iii) u (iv), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għalhekk jixraq li ma tingħatax awtorizzazzjoni tal-Unjoni għal “Insecticide Textile Contact”.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

DAKEM mhijiex tingħata awtorizzazzjoni tal-Unjoni għat-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali uniku “Insecticide Textile Contact”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil DAKEM, 69 rue Victor Hugo, 92400 Courbevoie, Franza.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  L-opinjoni tal-ECHA tas-17 ta’ Ġunju 2020 dwar l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodott bijoċidali “Insecticide Textile Contact” (ECHA/BPC/263/2020), https://echa.europa.eu/de/opinions-on-union-authorisation


Top