Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0471

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/471 tat-2 ta’ Marzu 2023 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-4,5-Dikloro-2-ottil-2H-isotijażol-3-on għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/1367

    ĠU L 68, 6.3.2023, p. 179–180 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/471/oj

    6.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 68/179


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/471

    tat-2 ta’ Marzu 2023

    li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-4,5-Dikloro-2-ottil-2H-isotijażol-3-on għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

    Billi:

    (1)

    L-4,5-Dikloro-2-ottil-2H-isotijażol-3-on (“DCOIT”) ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8. Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, huwa għalhekk meqjus bħala approvat skont dak ir-Regolament soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE.

    (2)

    L-approvazzjoni tad-DCOIT għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (“l-approvazzjoni”) se tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2023. Fit-23 ta’ Diċembru 2021, tressqet applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni (“l-approvazzjoni”).

    (3)

    Fl-24 ta’ Ottubru 2022, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tan-Norveġja għarrfet lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għandha twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

    (4)

    L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tista’, skont kif ikun xieraq, tirrikjedi lill-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jisboq il-180 jum b’kollox sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal min-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

    (5)

    Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi trid tħejji u tippreżenta lill-Kummissjoni opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

    (6)

    Konsegwentement, minħabba raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk, jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta għal perjodu twil biżżejjed biex ikun jista’ jsir l-eżami tal-applikazzjoni. B’kont meħud tal-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni u għat-tħejjija u l-preżentazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-opinjoni tagħha, u ż-żmien meħtieġ biex jiġi deċiż jekk tistax tiġġedded l-approvazzjoni tad-DCOIT għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Diċembru 2025.

    (7)

    Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, id-DCOIT jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-4,5-Dikloro-2-ottil-2H-isotijażol-3-on għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE hija posposta għall-31 ta’ Diċembru 2025.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).


    Top