Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0225

    Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2023/225 tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar l-estensjoni tal-istatus ta’ impriża konġunta ta’ Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH

    ST/5101/2023/INIT

    ĠU L 32, 3.2.2023, p. 51–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/225/oj

    3.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 32/51


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (Euratom) 2023/225

    tat-30 ta’ Jannar 2023

    dwar l-estensjoni tal-istatus ta’ impriża konġunta ta’ Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 49 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni 74/295/Euratom (1), il-Kunsill stabbilixxa lil Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) bħala impriża konġunta għal perjodu ta’ 25 sena mill-1 ta’ Jannar 1974.

    (2)

    L-objettivi ta’ HKG kienu li tibni, tgħammar u topera impjant tal-enerġija nukleari b’kapaċità ta’ madwar 300 MWe f’Uentrop (id-distrett ta’ Unna) fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    (3)

    Wara li kien ilu jopera mill-1987 sal-1988, l-impjant tal-enerġija nukleari fl-aħħar ingħalaq fl-1 ta’ Settembru 1989 minħabba diffikultajiet tekniċi u ekonomiċi.

    (4)

    Mill-1 ta’ Settembru 1989, l-objettiv ta’ HKG kien li timplimenta programm għad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari sal-istadju li jingħalaq b’mod sikur u, wara, li twettaq programm għas-sorveljanza tal-installazzjonijiet nukleari mdawrin biż-żona magħluqa.

    (5)

    Bid-Deċiżjoni 2011/362/Euratom (2), il-Kunsill estenda l-istatus ta’ HKG bħala impriża konġunta sal-31 ta’ Diċembru 2017 sabiex HKG tkun tista’ tikkompleta l-programmi ta’ dekummissjonar u ta’ sorveljanza tagħha, b’mod partikolari bit-tħaffif tal-piż finanzjarju.

    (6)

    Dak il-perjodu ta’ estensjoni kienu jikkorrispondi għat-tul tal-arranġamenti konklużi bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Land tan-Nordrhein-Westfalen, HKG u l-membri tagħha għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ HKG.

    (7)

    Bl-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2021, HKG talbet estensjoni oħra tal-istatus ta’ impriża konġunta b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2022, li jikkorrispondi għat-tul tal-arranġamenti ulterjuri konklużi bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, HKG u l-membri tagħha għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ HKG.

    (8)

    Għaldaqstant l-istatus ta’ Impriża Konġunta ta’ HKG jenħtieġ li jiġi estiż għall- perjodu mitlub.

    (9)

    Wara l-31 ta’ Diċembru 2022, kwalunkwe estensjoni ulterjuri tal-istatus ta’ Impriża Konġunta ta’ HKG tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal liċenzja ta’ dekummissjonar minn HKG,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-istatus ta’ impriża konġunta, fit-tifsira tat-Trattat, mogħti lil Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (“HKG”) b’dan qed jiġi estiż għal ħames snin b’effett mill-1 ta’ Jannar 2018.

    2.   L-objettiv ta’ HKG għandu jkun li timplimenta programm għad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari li jinsab f’Uentrop (id-distrett ta’ Unna) fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sal-istadju li jingħalaq b’mod sikur u, wara, li twettaq programm għas-sorveljanza tal-installazzjonijiet nukleari mdawrin biż-żona magħluqa.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil HKG.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. KULLGREN


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 74/295/Euratom tal-4 ta’ Ġunju 1974 dwar l-istabbiliment tal-Intrapriża Konġunta Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) (ĠU L 165, 20.6.1974, p. 7).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/362/Euratom tas-17 ta’ Ġunju 2011 dwar estensjoni tal-istatus ta’ Intrapriża Konġunta ta’ Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) ĠU L (ĠU L 163, 23.6.2011, p. 24).


    Top