Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0176

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/176 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni ppreżentat minn Franza skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (notifikata bid-dokument C(2022) 9230) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/9230

    ĠU L 25, 27.1.2023, p. 70–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/176/oj

    27.1.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 25/70


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/176

    tal-14 ta’ Diċembru 2022

    dwar il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni ppreżentat minn Franza skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju

    (notifikata bid-dokument C(2022) 9230)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3)(c) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

    Billi:

    KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

    (1)

    Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istati Membri jridu jfasslu pjanijiet ta’ prestazzjoni, f’livell nazzjonali jew fil-livell ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FABs”), li jridu jinkludu miri ta’ prestazzjoni vinkolanti għal kull perjodu referenzjarju tal-iskema ta’ prestazzjoni għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-miri ta’ prestazzjoni jridu jkunu konsistenti mal-miri għall-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu referenzjarju kkonċernat.

    (2)

    Il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) ġew stabbiliti oriġinarjament fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 (3). Billi dawk il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha u l-abbozz tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni għall-RP3 ippreżentat sussegwentement f’Ottubru 2019 mill-Istati Membri tfasslu qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 f’Marzu 2020, dawn ma qisux it-tnaqqis konsiderevoli fit-traffiku tal-ajru minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex jikkontrollaw il-pandemija.

    (3)

    Bi tweġiba għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, ġew stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 miżuri eċċezzjonali għall-RP3, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 (4). Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 (5) li tistabbilixxi miri ta’ prestazzjoni riveduti għall-Unjoni kollha għall-RP3. Abbażi ta’ dan, f’Ottubru 2021, l-Istati Membri ppreżentaw abbozz tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni lill-Kummissjoni li kien fihom miri ta’ prestazzjoni lokali riveduti għall-RP3.

    (4)

    Fit-13 ta’ April 2022, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/728 (6) li kienet indirizzata lill-Belġju, lill-Ġermanja, lill-Greċja, lil Franza, lil Ċipru, lil-Latvja, lil-Lussemburgu, lil Malta, lin-Netherlands, lir-Rumanija, u lill-Iżvezja. Dik id-Deċiżjoni stipulat li fir-rigward tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni stabbilit fil-livell tal-blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali mir-Repubblika Franċiża (“Franza”), flimkien mal-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, u n-Netherlands (“abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC”), il-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza en route għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu ma humiex konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha, u ħarġet rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728 ma kienet tinkludi l-ebda sejba fir-rigward tal-miri ta’ prestazzjoni applikabbli għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru pprovduti fl-ispazju tal-ajru ta’ Franza.

    (5)

    Bi tweġiba għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni imponiet miżuri restrittivi li jipprojbixxu lit-trasportaturi tal-ajru Russi, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru li mhuwiex irreġistrat fir-Russja li huwa proprjetà ta’ jew mikri b’lokazzjoni, jew inkella li huwa kkontrollat minn kwalunkwe persuna, entità jew korp fiżiku jew ġuridiku Russu milli jinżel u jitlaq minn, jew itir minn fuq it-territorju tal-Unjoni. Dawk il-miżuri restrittivi u l-kontromiżuri adottati mir-Russja wasslu għal bidliet fit-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru Ewropew. Ċerti Stati Membri ġew affettwati serjament minn tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ titjiriet fuq l-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Madankollu, fil-livell tal-Unjoni kollha, l-impatt osservat fuq l-għadd ta’ titjiriet kien limitat b’kuntrast mat-tnaqqis qawwi tat-traffiku tal-ajru madwar l-Ewropa li rriżulta mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19.

    (6)

    Fit-13 ta’ Lulju 2022, Franza, flimkien mal-Belġju, mal-Ġermanja, mal-Lussemburgu, u man-Netherlands, ippreżentat abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC għall-RP3 lill-Kummissjoni.

    (7)

    Fl-24 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miri ta’ prestazzjoni riveduti tal-kosteffiċjenza proposti għaż-żona tal-imposti en route ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu għadhom jagħtu lok għal dubji dwar il-konsistenza tagħhom mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni bdiet l-eżami dettaljat f’konformità mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 fir-rigward ta’ dawk il-miri ta’ prestazzjoni, inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2022. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-Belġju, lil Franza, lill-Ġermanja, lil-Lussemburgu u lin-Netherlands dwar dan bid-Deċiżjoni tagħha (UE) 2022/2255 (7).

    (8)

    Fit-28 ta’ Ottubru 2022, Franza infurmat lill-Kummissjoni li rtirat mill-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, u ppreżentat lill-Kummissjoni abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni għall-RP3 stabbilit fil-livell nazzjonali (l-“abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali”). L-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali jżomm il-miri ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru pprovduti fl-ispazju tal-ajru ta’ Franza fil-livell stabbilit fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2022. Effettivament ma kien hemm l-ebda benefiċċju jew sinerġija addizzjonali tal-prestazzjoni għal Franza li rriżultat mill-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC. L-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali ma jelenka l-ebda impatt negattiv li jirriżulta mill-waqfien tal-attivitajiet tal-ippjanar tal-prestazzjoni u tal-iffissar tal-miri fil-livell tal-FABEC.

    (9)

    Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ippreżenta lill-Kummissjoni rapport li fih il-valutazzjoni tiegħu tal-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali.

    (10)

    F’konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni, filwaqt li qieset iċ-ċirkostanzi lokali, ivvalutat il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni lokali inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali ta’ Franza abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament. Fir-rigward ta’ kull qasam ewlieni ta’ prestazzjoni u l-miri ta’ prestazzjoni relatati, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha billi rrieżaminat l-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (11)

    Il-previżjoni bażi tat-traffiku tas-Servizz tal-Istatistiċi u tal-Previżjonijiet tal-Eurocontrol (“SMATFOR”) ippubblikata f’Ġunju 2022 tqis il-bidla fiċ-ċirkostanzi fir-rigward tat-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru Ewropew wara l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Abbażi ta’ dik il-previżjoni, il-Kummissjoni tinnota li Franza ma hijiex mistennija tesperjenza bidliet kbar fil-flussi tat-traffiku tal-ajru matul l-RP3 bħala riżultat tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Għalhekk, dawk iċ-ċirkostanzi mibdula ma jaffettwawx direttament il-miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali jew il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawk il-miri fir-rigward tal-konsistenza tagħhom mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

    (12)

    Franza taqbel b’mod eċċezzjonali li tirrinunzja d-drittijiet tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 342 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament 1/1958 (8) u li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż.

    VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Valutazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza

    (13)

    Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali ppreżentat minn Franza rigward l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru f’konformità mal-punt 1.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (14)

    Il-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza lokali proposti minn Franza fir-rigward tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, imqassmin skont l-objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza u espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, huma kif ġej:

    Franza

    Il-miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“EASA”)

    Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

    Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

    2022

    2023

    2024

    Miri għall-Unjoni kollha

    (2024)

    DSNA

    Politika u objettivi tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    Ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza

    D

    D

    D

    D

    Aċċertament tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    Promozzjoni tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    Kultura ta’ sikurezza

    C

    C

    C

    C

    (15)

    Il-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza proposti minn Franza għall-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, jiġifieri d-Direction des Services de la Navigation Aerienne (“DSNA”), huma konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

    (16)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali jistabbilixxi miżuri għad-DSNA għall-ilħuq tal-miri lokali tas-sikurezza, bħal azzjonijiet li jappoġġaw il-kultura ta’ sikurezza, proċessi aġġornati għall-identifikazzjoni u għall-analiżi tal-perikli, u titjib fil-ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza.

    (17)

    Għalhekk, fid-dawl tal-premessi 14, 15 u 16 meta jitqies li l-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza għall-Unjoni kollha stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 iridu jintlaħqu sal-aħħar sena tal-RP3, jiġifieri l-2024, il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali jenħtieġ li jitqiesu li huma konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

    Valutazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent

    (18)

    Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, il-konsistenza tal-miri ppreżentati minn Franza rigward l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali ġiet ivvalutata f’konformità mal-punt 1.2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti tal-effiċjenza tat-titjir orizzontali en route stabbiliti fil-Pjan ta’ Titjib tan-Network Ewropew tar-Rotot (“ERNIP”) disponibbli fit-2 ta’ Ġunju 2021, id-data tal-adozzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni riveduti għall-Unjoni kollha għall-RP3.

    (19)

    Fir-rigward tas-sena 2020, il-mira ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu għall-applikazzjoni ta’dik il-mira kien skada u li, b’hekk, l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva, b’mod li ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Bl-istess mod, mhuwiex possibbli li jiġu mmodifikati b’mod retroattiv, fl-abbozz rivedut tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni, il-miri ta’ prestazzjoni ambjentali lokali għas-sena 2021 stabbiliti mill-Istati Membri fl-abbozz tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni ppreżentati f’Ottubru 2021. Għalhekk, il-konsistenza tal-miri lokali ta’ prestazzjoni ambjentali jenħtieġ li tiġi vvalutata mal-miri ta’ prestazzjoni korrispondenti għall-Unjoni kollha fir-rigward tas-snin 2022, 2023 u 2024.

    (20)

    Il-miri ta’ prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent proposti minn Franza u l-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għall-RP3 mill-ERNIP, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali, huma kif ġej:

    Franza

    2022

    2023

    2024

    Il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

    2,83  %

    2,83  %

    2,83  %

    Valuri referenzjarji

    2,83  %

    2,83  %

    2,83  %

    (21)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-miri ta’ prestazzjoni tal-ambjent proposti minn Franza huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024.

    (22)

    Il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali tagħha, Franza ppreżentat miżuri għall-ilħuq tal-miri ambjentali lokali li jinkludu disponibbiltà mtejba tar-rotot, l-użu ta’ navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni u operazzjonijiet ta’ nżul kontinwu, it-titjib tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru kif ukoll l-implimentazzjoni tal-ispazju tal-ajru b’rotot liberi. Il-Kummissjoni tistieden ukoll lil Franza biex tistabbilixxi l-miżuri rakkomandati kollha mill-ERNIP biex ittejjeb it-trajettorji en route.

    (23)

    Għalhekk, fid-dawl tal-premessi 20, 21 u 22, il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

    Valutazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità

    (24)

    Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, il-konsistenza tal-miri ppreżentati minn Franza rigward id-dewmien medju fil-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) en route għal kull titjira ġie vvalutat f’konformità mal-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network disponibbli fit-2 ta’ Ġunju 2021, id-data tal-adozzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni riveduti għall-Unjoni kollha għall-RP3.

    (25)

    Fir-rigward tas-sena 2020, il-mira ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, ma ġietx riveduta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu għall-applikazzjoni ta’dik il-mira kien skada u li, b’hekk, l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva, b’mod li ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Bl-istess mod, mhuwiex possibbli li jiġu mmodifikati b’mod retroattiv, fl-abbozz rivedut tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni, il-miri ta’ prestazzjoni tal-kapaċità lokali għas-sena 2021 stabbiliti mill-Istati Membri fl-abbozz tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni ppreżentati f’Ottubru 2021. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi vvalutata l-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kapaċità lokali mal-miri ta’ prestazzjoni korrispondenti għall-Unjoni kollha fir-rigward tas-snin 2022, 2023 u 2024.

    (26)

    Il-miri tal-kapaċità en route proposti minn Franza għall-RP3, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira, kif ukoll il-valuri referenzjarji korrispondenti mill-Pjan Operazzjonali tan-Network, huma kif ġej:

    Franza

    2022

    2023

    2024

    Il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-AFTM għal kull titjira

    0,25

    0,25

    0,25

    Valuri referenzjarji

    0,25

    0,25

    0,25

    (27)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-miri tal-kapaċità proposti minn Franza huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għas-snin 2022, 2023 u 2024.

    (28)

    Il-Kummissjoni tinnota li Franza ppreżentat, fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali, miżuri għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità lokali en route. Dawk il-miżuri jinkludu l-modernizzazzjoni tas-sistemi u tal-għodod tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, numru akbar ta’ ekwivalenti full-time tal-kontrollur tat-traffiku tal-ajru (“ATCO”), titjib fl-organizzazzjoni tat-taħriġ u r-roster tal-ATCO, u flessibbiltà akbar fir-rigward tas-sigħat tax-xogħol tal-ATCO.

    (29)

    Għalhekk, fid-dawl tal-premessi 26, 27 u 28, il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

    Rieżami tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

    (30)

    Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikolu 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-miri tal-kapaċità en route billi rrieżaminat il-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1.(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Instab li dawk il-miri ma joħolqux tħassib fir-rigward ta’ Franza.

    Valutazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

    (31)

    Il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri tal-kosteffiċjenza proposti fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali f’konformità mal-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (32)

    Il-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti minn Franza għall-RP3 huma kif ġej:

    Żona tal-imposti en route ta’ Franza

    Valur ta’ bażi tal-2014

    Valur ta’ bażi tal-2019

    2020-2021

    2022

    2023

    2024

    Miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

    65,24 EUR

    59,43 EUR

    132,06 EUR

    76,14 EUR

    62,09 EUR

    58,56 EUR

    (33)

    Fir-rigward tal-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tal-kost unitarju determinat (“DUC”) en route fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ -0,4 % matul l-RP3 għandha prestazzjoni aħjar mix-xejra għall-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu.

    (34)

    Fir-rigward tal-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tad-DUC en route fil-livell taż-żona tal-imposti matul it-tieni perjodu referenzjarju (“RP2”) u l-RP3 ta’ -1,2 % għandha prestazzjoni aktar baxxa mix-xejra fit-tul għall-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu.

    (35)

    Fir-rigward tal-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur ta’ bażi għad-DUC ta’ EUR 59,43 ta’ Franza, espress fi prezzijiet tal-2017 (“EUR 2017”) huwa 1,8 % aktar baxx mill-valur ta’ bażi medju ta’ EUR 60,53 fl-EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti.

    (36)

    Huwa ċar li x-xejra tad-DUC ta’ Franza matul l-RP3 għandha prestazzjoni aħjar mix-xejra korrispondenti għall-Unjoni kollha u li l-valur ta’ bażi ta’ Franza għall-2019 huwa taħt il-medja tal-grupp komparatur. Barra minn hekk, Franza turi tnaqqis notevoli fid-DUC matul l-RP2 u l-RP3. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, fir-rigward ta’ Franza, id-devjazzjoni minuri mix-xejra tad-DUC fit-tul għall-Unjoni kollha msemmija fil-premessa (34) ma tipprekludix lill-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza milli jkunu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha.

    (37)

    Għalhekk, fid-dawl tal-premessi 32 sa 36, il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

    Rieżami tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

    (38)

    Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikolu 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-miri tal-kosteffiċjenza en route billi rrieżaminat il-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1.(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Instab li dawk il-miri ma joħolqux tħassib fir-rigward ta’ Franza.

    Rieżami tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li jikkomplementa l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-miri tal-kapaċità

    (39)

    F’konformità mal-punt 2.1(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-miri tal-kapaċità billi rrieżaminat l-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-iskemi ta’ inċentivi proposti jissodisfawx ir-rekwiżiti sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (40)

    Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728, il-Kummissjoni kkonkludiet li Franza għandha tirrevedi l-iskemi ta’ inċentivi tagħha biex jintlaħqu miri tal-kapaċità en route u fit-terminal b’tali mod li l-akbar żvantaġġ finanzjarju li jirriżulta minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġi stabbilit f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li Franza ma għamlet l-ebda bidla f’dawk l-iskemi ta’ inċentivi meta mqabbla mal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC ippreżentat fl-2021 u mal-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2022.

    (41)

    Għalhekk, fid-dawl tal-premessa 40, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskemi ta’ inċentivi stabbiliti fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali għadhom joħolqu tħassib. Għalhekk, il-Kummissjoni ttenni l-fehma tagħha li Franza jenħtieġ li tirrevedi, b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan ta’ prestazzjoni finali tagħha f’konformità mal-Artikolu 16(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-iskemi ta’ inċentivi tagħha għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità en route u fit-terminal b’tali mod li l-akbar żvantaġġi finanzjarji li jirriżultaw minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġu stabbiliti f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif espressament meħtieġ mill-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li fil-fehma tal-Kummissjoni jenħtieġ li jwassal għal żvantaġġ finanzjarju massimu li jkun daqs jew akbar minn 1 % tal-kostijiet iddeterminati.

    KONKLUŻJONIJIET

    (42)

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali ppreżentat minn Franza huma konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miri ta’ prestazzjoni, inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni ppreżentat minn Franza fit-28 ta’ Ottubru 2022, skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Adina-Ioana VĂLEAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

    (2)  ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1.

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 tad-29 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 (ĠU L 144, 3.6.2019, p. 49).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 7).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 (ĠU L 195, 3.6.2021, p. 3).

    (6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/728 tat-13 ta’ April 2022 dwar l-inkonsistenza ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-blokok ta’ spazju tal-ajru nazzjonali u funzjonali ppreżentati mill-Belġju, mill-Ġermanja, mill-Greċja, minn Franza, minn Ċipru, mil-Latvja, mil-Lussemburgu, minn Malta, min-Netherlands, mir-Rumanija, u mill-Iżvezja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju u li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri (ĠU L 135, 12.5.2022, p. 4).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2255 tal-24 ta’ Ottubru 2022 dwar il-bidu tal-eżami dettaljat ta’ ċerti miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni għat-tielet perjodu ta’ referenza sottomess fil-livell tal-blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali mill-Belġju, mill-Ġermanja, minn Franza, mil-Lussemburgu, u min-Netherlands skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 297, 17.11.2022, p. 71).

    (8)  Regolament 1/1958 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw fil-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).


    ANNESS

    Miri ta’ prestazzjoni inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni ppreżentati minn Franza skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, li nstab li huma konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju

    QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAS-SIKUREZZA

    Effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza

    Franza

    Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

    Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

    Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

    2022

    2023

    2024

    DSNA

    Politika u objettivi tas-sikurezza

    C

    C

    C

    Ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza

    D

    D

    D

    Aċċertament tas-sikurezza

    C

    C

    C

    Promozzjoni tas-sikurezza

    C

    C

    C

    Kultura ta’ sikurezza

    C

    C

    C

    QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-AMBJENT

    Effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

    Franza

    2022

    2023

    2024

    Il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

    2,83  %

    2,83  %

    2,83  %

    QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ

    Dewmien medju tal-ATFM en route f’minuti għal kull titjira

    Franza

    2022

    2023

    2024

    Il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

    0,25

    0,25

    0,25

    QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

    Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

    Żona tal-imposti en route ta’ Franza

    Valur ta’ bażi tal-2014

    Valur ta’ bażi tal-2019

    2020-2021

    2022

    2023

    2024

    Miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

    65,24 EUR

    59,43 EUR

    132,06 EUR

    76,14 EUR

    62,09 EUR

    58,56 EUR


    Top