Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D01608

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2023 li tapprova metodoloġija għall-valutazzjoni teknika tal-prodotti għall-ittestjar li tassisti biex jiġu ddeterminati l-prodotti tat-tabakk b’benna karatterizzanti u li tħassar id-Deċiżjoni 2021/C 89 I/01

C/2023/9092

ĠU C, C/2023/1608, 27.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1608/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1608/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1608

27.12.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta’ Diċembru 2023

li tapprova metodoloġija għall-valutazzjoni teknika tal-prodotti għall-ittestjar li tassisti biex jiġu ddeterminati l-prodotti tat-tabakk b’benna karatterizzanti u li tħassar id-Deċiżjoni 2021/C 89 I/01

(C/2023/1608)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/786 tat-18 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi l-proċedura għall-istabbiliment u t-tħaddim ta’ bord konsultattiv indipendenti li jassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiddeterminaw jekk il-prodotti tat-tabakk għandhomx aroma karatterizzanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tipprojbixxi l-introduzzjoni fis-suq ta’ ċerti prodotti tat-tabakk (is-sigaretti, it-tabakk tal-brim u l-prodotti tat-tabakk imsaħħna) b’benniet karatterizzanti.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/779 (3) stabbilixxa regoli uniformi dwar il-proċeduri biex jiġi ddeterminat jekk prodott tat-tabakk għandux benna karatterizzanti.

(3)

F’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/786, il-bord konsultattiv indipendenti (“il-bord”) għandu jispeċifika u, skont il-każ, jaġġorna l-metodoloġija għall-valutazzjoni teknika tal-prodotti tat-tabakk riferuti lilu minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni għal opinjoni dwar jekk għandhomx benna karatterizzanti (“il-prodotti għall-ittestjar”).

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2021/C 89 I/01 (4), il-Kummissjoni approvat metodoloġija għall-valutazzjoni teknika tal-prodotti għall-ittestjar li jassistu fid-determinazzjoni tal-prodotti tat-tabakk b’benna karatterizzanti applikabbli għas-sigaretti u għat-tabakk tal-brim.

(5)

Wara l-adozzjoni tad-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni 2022/2100 (5) li emendat l-Artikolu 7(12) tad-Direttiva 2014/40/UE sabiex tirtira l-eżenzjonijiet mill-projbizzjonijiet tal-introduzzjoni fis-suq tal-prodotti tat-tabakk b’benna karatterizzanti jew li fihom aromatizzanti f’wieħed mill-komponenti tagħhom bħal pereżempju l-filtri, il-karti, il-pakketti, il-kapsuli jew kwalunkwe karatteristika teknika li tippermetti l-modifika tar-riħa jew tat-togħma tal-prodotti tat-tabakk ikkonċernati jew l-intensità tad-duħħan tagħhom, għall-prodotti tat-tabakk imsaħħna, il-bord aġġorna l-metodoloġija msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2021/C 89 I/01, filwaqt li estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-prodotti tat-tabakk imsaħħna.

(6)

Konsegwentement, fil-31 ta’ Awwissu 2023, il-bord adotta, wara proċedura bil-miktub, abbozz ta’ metodoloġija aġġornat għall-valutazzjoni teknika tal-prodotti għall-ittestjar sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prodotti tat-tabakk għandhomx benna karatterizzanti, bit-titolu “Metodoloġija biex tappoġġa d-deċiżjoni dwar jekk prodott tat-tabakk għandux benna karatterizzanti. Applikazzjoni għas-sigaretti, għat-tabakk tal-brim u għall-prodotti tat-tabakk imsaħħna.”

(7)

F’konformità mal-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/786 l-abbozz ta’ metodoloġija għall-valutazzjoni teknika tal-prodotti għall-ittestjar sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prodotti tat-tabakk għandhomx benna karatterizzanti għandu jiġi ppreżentat, flimkien ma’ kull aġġornament sussegwenti, lid-Direttur Ġenerali għall-approvazzjoni, u dan l-abbozz ta’ metodoloġija jkun applikabbli biss wara li jkun ġie approvat.

(8)

Ladarba l-metodoloġija aġġornata tiġi approvata, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2021/C 89 I/01 titħassar u tiġi sostitwita kif xieraq,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-metodoloġija għall-valutazzjoni teknika tal-prodotti għall-ittestjar li tassisti biex jiġu ddeterminati l-prodotti tat-tabakk b’benna karatterizzanti, stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2021/C 89 I/01 titħassar.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Sandra GALLINA

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari


(1)   ĠU L 131, 20.5.2016, p. 79.

(2)  Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1) emendata bid-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/2100 tad-29 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-irtirar ta’ ċerti eżenzjonijiet fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk imsaħħna (ĠU L 283, 3.11.2022, p. 4).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/779 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-proċeduri biex jiġi ddeterminat jekk prodott tat-tabakk għandux aroma karatterizzanti (ĠU L 131, 20.5.2016, p. 48).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2021 li tapprova metodoloġija għall-valutazzjoni teknika tal-prodotti tat-test li tassisti biex tiddetermina l-prodotti tat-tabakk b’aroma karatterizzanti (2021/C 89 I/01) (ĠU C 89I , 16.3.2021, p. 1).

(5)  Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/2100 tad-29 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-irtirar ta’ ċerti eżenzjonijiet fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk imsaħħna (ĠU L 283, 3.11.2022, p. 4).


ANNESS

Metodoloġija biex tappoġġa d-deċiżjoni dwar jekk prodott tat-tabakk għandux benna karatterizzanti

Applikazzjoni għas-sigaretti, għat-tabakk tal-brim u għall-prodotti tat-tabakk imsaħħna

Approvata mill-Bord Konsultattiv Indipendenti dwar il-benniet karatterizzanti fil-prodotti tat-tabakk fil-31 ta’ Awwissu 2023 wara l-proċedura bil-miktub.

Dan ir-rapport jipprovdi l-metodoloġija biex tappoġġa d-deċiżjoni dwar jekk prodott tat-tabakk għandux benna karatterizzanti. Il-metodoloġija hija applikabbli għas-sigaretti, għat-tabakk tal-brim u għall-prodotti tat-tabakk imsaħħna, f’konformità mad-Direttiva 2014/40/UE, kif emendata bid-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/2100.

Din il-metodoloġija tħejjiet mill-Bord Konsultattiv Indipendenti dwar il-benniet karatterizzanti fil-prodotti tat-tabakk, li ġie stabbilit mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/786 tat-18 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi l-proċedura għall-istabbiliment u t-tħaddim ta’ bord konsultattiv indipendenti li jassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiddeterminaw jekk il-prodotti tat-tabakk għandhomx aroma karatterizzanti, filwaqt li tqis il-kontribut tal-Grupp Tekniku (stabbilit f’konformità mal-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/786) u l-aħjar prattiki disponibbli f’dan il-qasam.

F’konformità mal-Artikolu 19(1)(f) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/786, il-Kummissjoni se tippubblika l-metodoloġija fuq is-sit web li ġej li nħoloq apposta għall-Bord Konsultattiv Indipendenti, u se tipprovdi link għal dan is-sit web mir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni. Għal iktar informazzjoni:

 

Is-sit web tal-Bord Konsultattiv Indipendenti: https://ec.europa.eu/health/tobacco/products/characterising_flavours/panel_en

Ir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni:

 

https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&groupID=3452

DIKJARAZZJONI TA’ ĊAĦDA TA’ RESPONSABBILTÀ

Ir-rapporti/l-opinjonijiet tal-Bord Konsultattiv Indipendenti dwar il-benniet karatterizzanti fil-prodotti tat-tabakk jippreżentaw il-fehmiet tax-xjenzati indipendenti li huma membri tal-Bord Konsultattiv Indipendenti. Ir-rapporti/l-opinjonijiet jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea bil-lingwa oriġinali biss.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1608/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top