This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R2526
Commission Delegated Regulation (EU) 2022/2526 of 23 September 2022 amending Regulation (EU) 2017/852 of the European Parliament and of the Council as regards the temporary storage of mercury waste in liquid form (Text with EEA relevance)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2526 tat-23 ta’ Settembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ħżin temporanju tal-iskart tal-merkurju f’forma likwida (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2526 tat-23 ta’ Settembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ħżin temporanju tal-iskart tal-merkurju f’forma likwida (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2022/6696
ĠU L 328, 22.12.2022, p. 66–67
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
22.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 328/66 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2526
tat-23 ta’ Settembru 2022
li jemenda r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ħżin temporanju tal-iskart tal-merkurju f’forma likwida
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (1), u partikolarment l-Artikolu 13(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2017/852 jistabbilixxi li l-merkurju u l-komposti tal-merkurju, kemm jekk f’forma pura kif ukoll jekk f’taħlitiet, u li joriġinaw minn erba’ sorsi kbar speċifikati f’dak l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala skart skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li huma destinati għar-rimi finali. |
(2) |
L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/852 jirrikjedi li l-iskart tal-merkurju, inkluż l-iskart prodott mill-erba’ sorsi kbar ikkonċernati, għandu jgħaddi, qabel ir-rimi finali, minn operazzjonijiet speċifiċi ta’ trattament, jiġifieri konverżjoni u, fejn ikun maħsub li jintrema b’mod permanenti f’faċilitajiet fuq l-art, konverżjoni u solidifikazzjoni. |
(3) |
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2017/852 jippermetti, b’deroga mill-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill1999/31/KE (3), li l-iskart tal-merkurju f’forma likwida sakemm isirulu l-konverżjoni u s-solidifikazzjoni jinħażen temporanjament f’landfills dedikati u mgħammra apposta sal-31 ta’ Diċembru 2022, f’konformità mar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem stabbiliti fid-Direttiva 1999/31/KE. |
(4) |
L-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri f’Mejju 2022 indikat li aktar minn 2 000 tunnellata ta’ skart tal-merkurju likwidu għadhom fi ħżin temporanju fl-Unjoni u li l-konverżjoni u s-solidifikazzjoni ta’ dak l-iskart jeħtieġu aktar żmien. L-estensjoni tal-perjodu permess għal tali ħżin sal-31 ta’ Diċembru 2025 hija meqjusa meħtieġa biex jiġi żgurat li l-ħżin temporanju fil-landfills ikompli jseħħ f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fid-Direttiva 1999/31/KE. |
(5) |
Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2017/852 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2017/852, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Id-deroga stabbilita fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex tibqa’ tapplika mill-1 ta’ Jannar 2026.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1.
(2) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill (ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1).