Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2503

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2503 tad-19 ta’ Diċembru 2022 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 fir-rigward tal-arranġamenti prattiċi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq molluski bivalvi ħajjin, fuq prodotti tas-sajd, jew ta’ dawk relatati mar-radjazzjoni UV (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/9329

    ĠU L 325, 20.12.2022, p. 58–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2503/oj

    20.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 325/58


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2503

    tad-19 ta’ Diċembru 2022

    li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 fir-rigward tal-arranġamenti prattiċi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq molluski bivalvi ħajjin, fuq prodotti tas-sajd, jew ta’ dawk relatati mar-radjazzjoni UV

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(8) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi r-regoli għall-kontrolli uffiċjali u għal attivitajiet uffiċjali oħra li jwettqu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, fost oħrajn fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel f’kull stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni. B’mod partikolari, jipprevedi kontrolli uffiċjali relatati ma’ prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

    (2)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 (2) jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem skont ir-Regolament (UE) 2017/625.

    (3)

    L-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jistabbilixxi l-obbligi għall-veterinarju uffiċjali fir-rigward tal-kontrolli tad-dokumenti, b’mod partikolari biex jitqiesu ċ-ċertifikati uffiċjali previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/628 (3). Madankollu, saret referenza għaċ-ċertifikat żbaljat, u għalhekk jenħtieġ li dik ir-referenza tiġi kkoreġuta. Billi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/628 tħassar u ċ-ċertifikati ġew sostitwiti b’dawk fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 (4), jixraq ukoll li r-referenzi kollha għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/628 jiġu sostitwiti bir-referenzi korretti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235.

    (4)

    L-Artikolu 45, il-punt (l) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jistabbilixxi li l-laħam frisk għandu jiġi ddikjarat mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem jekk ikun ġie ttrattat illegalment b’radjazzjoni jonizzanti, inkluża r-radjazzjoni UV. Il-biċċa l-kbira tar-radjazzjoni UV ma għandhiex titqies bħala radjazzjoni jonizzanti kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (46) tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom (5), u għalhekk jenħtieġ li l-Artikolu 45, il-punt (l) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jiġi emendat.

    (5)

    Ir-rekwiżiti speċifiċi għall-kontrolli uffiċjali li jikkonċernaw il-molluski bivalvi ħajjin minn żoni ta’ produzzjoni u minn żoni ta’ żamma ma japplikawx għall-Holothuroidea ħajjin li mhumiex organiżmi filtraturi, f’konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627.

    (6)

    Ir-Regolament (UE) 2021/1756 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) emenda l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/625, u estenda għall-ekinodermi kollha li mhumiex organiżmi filtraturi, u mhux biss għall-Holothuroidea, il-possibbiltà ta’ deroga mir-rekwiżit li jiġu kklassifikati ż-żoni ta’ produzzjoni u ż-żoni ta’ żamma, stabbiliti fl-Artikolu 18(7), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2017/625. Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 18(7)(g) tar-Regolament (UE) 2017/625, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2258 (7) emenda l-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/624 (8), billi l-klassifikazzjoni taż-żoni ta’ produzzjoni u ta’ żamma mhijiex meħtieġa fir-rigward tal-ħsad tal-ekinodermi li mhumiex organiżmi filtraturi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 jiġi emendat skont dan.

    (7)

    L-Artikolu 71 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jistabbilixxi regoli dwar id-deċiżjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu wara l-kontrolli fuq il-prodotti tas-sajd. Il-punt (a) ta’ dak l-Artikolu bi żball jirreferi għas-Sezzjoni VII minflok għas-Sezzjoni VIII dwar il-prodotti tas-sajd tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, jenħtieġ li dik ir-referenza fl-Artikolu 71 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 tiġi kkoreġuta.

    (8)

    L-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jistabbilixxi arranġamenti prattiċi għall-kontrolli uffiċjali fuq il-prodotti tas-sajd skont l-Artikolu 70 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. B’mod partikolari, dan jiddefinixxi l-metodi analitiċi li għandhom jiġu applikati meta l-eżami organolettiku jagħti lok għal kwalunkwe dubju dwar il-freskezza tal-prodotti tas-sajd. Fl-opinjoni xjentifika tagħha (9), l-EFSA identifikat metodi li kapaċi jiddistingwu bejn ħut “superimkessaħ” u ħut li qabel kien iffriżat ippreżentat kummerċjalment bħala “imkessaħ ħafna”. Peress li dawk il-metodi analitiċi jenħtieġ li jiżdiedu mal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627, jenħtieġ li dak l-Anness jiġi emendat.

    (9)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jiġi emendat u kkoreġut skont dan.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 10:

    “(a)

    Fil-paragrafu 2, “skont l-Artikolu 29 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/628(9)” hija sostitwita b’dan li ġej: “f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 (*1)

    (*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali u mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali, għad-dħul fl-Unjoni u l-movimenti fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti, ċertifikazzjoni uffiċjali dwar dawn iċ-ċertifikati u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 599/2004, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 636/2014 u (UE) 2019/628, id-Direttiva 98/68/KE u d-Deċiżjonijiet 2000/572/KE, 2003/779/KE u 2007/240/KE (ĠU L 442, 30.12.2020, p. 1)”;"

    (b)

    Fil-paragrafu 3, “skont l-Artikolu 29 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/628” hija sostitwita b’dan li ġej: “f’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235”

    (2)

    Fl-Artikolu 45, il-punt (l) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(l)

    ikun ġie ttrattat illegalment bir-radjazzjoni jonizzanti jew bir-radjazzjoni UV;”

    ;

    (3)

    L-Artikolu 51 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 51

    Esklużjoni

    Dan it-Titolu japplika għall-molluski bivalvi ħajjin, għall-ekinodermi ħajjin, għat-tunikati ħajjin u għall-gastropodi marini ħajjin. Dan it-Titolu ma japplikax għall-gastropodi marini ħajjin mhux filtraturi u għall-ekinodermi ħajjin mhux filtraturi.”

    ;

    (4)

    fl-Artikolu 71, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    il-kontrolli uffiċjali mwettqa f’konformità mal-Artikolu 70 jiżvelaw li mhumiex konformi mar-rekwiżiti organolettiċi, kimiċi, fiżiċi jew mikrobijoloġiċi jew mar-rekwiżiti għall-parassiti kif stabbilit fis-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u/jew tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005”

    ;

    (5)

    fl-Artikolu 72, il-punt 1, “il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fil-Kapitolu B tal-Parti II tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/628.” huwa sostitwit b’dan li ġej: “il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fil-Kapitolu 29 tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235.”

    (6)

    fl-Anness VI, fil-Kapitolu I, fil-punt B, “Indikaturi ta’ freskezza”, jiddaħħal il-paragrafu li ġej bejn l-ewwel u t-tieni paragrafi:

    “Meta l-eżami organolettiku jagħti lok għal kwalunkwe dubju li ħut li qabel kien iffriżat qed jiġi ppreżentat kummerċjalment bħala frisk, għal skopijiet ta’ verifika jistgħu jittieħdu kampjuni u dawn jiġu soġġettati għal testijiet fil-laboratorju bħat-test tal-Idrossiaċil-koenżima A deidroġenażi (HADH), l-istoloġija, l-ispettroskopija tal-ultravjola–viżibbli–viċin–tal-infraaħmar (UV-VIS/NIR) u t-teħid ta’ immaġnijiet iperspettrali.”

    .

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 tal-15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 51).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/628 tat-8 ta’ April 2019, dwar mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali għal ċerti annimali u oġġetti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/759 fir-rigward ta’ dawn il-mudelli taċ-ċertifikati (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 101).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali u mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali, għad-dħul fl-Unjoni u l-movimenti fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti, ċertifikazzjoni uffiċjali dwar dawn iċ-ċertifikati u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 599/2004, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 636/2014 u (UE) 2019/628, id-Direttiva 98/68/KE u d-Deċiżjonijiet 2000/572/KE, 2003/779/KE u 2007/240/KE (ĠU L 442, 30.12.2020, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1756 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali fuq annimali u prodotti li joriġinaw mill-annimali li jiġu esportati minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-projbizzjoni ta’ ċerti użi ta’ antimikrobiċi u r-Regolament (KE) Nru 853/2004 fir-rigward tal-provvista diretta ta’ laħam tal-pollam u tal-lagomorfi (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 27).

    (7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2258 tad-9 ta’ Settembru 2022 li jemenda u jikkoreġi l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali fir-rigward ta’ prodotti tas-sajd, ta’ bajd u ta’ ċerti prodotti raffinati ħafna, u li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/624 fir-rigward ta’ ċerti molluski bivalvi (ĠU L 299, 18.11.2022, p. 5).

    (8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/624 tat-8 ta’ Frar 2019 rigward ir-regoli speċifiċi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq il-produzzjoni tal-laħam u għaż-żoni ta’ produzzjoni u fejn jinżammu l-molluski bivalvi ħajjin skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 1).

    (9)  EFSA Journal 2021;19(1):6378.


    Top