This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R2496
Council Regulation (EU, Euratom) 2022/2496 of 15 December 2022 amending Regulation (EU, Euratom) 2020/2093 laying down the multiannual financial framework for the years 2021 to 2027
Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2022/2496 tal-15 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027
Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2022/2496 tal-15 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027
ST/14471/2022/REV/1
ĠU L 325, 20.12.2022, p. 11–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
20.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 325/11 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2022/2496
tal-15 ta’ Diċembru 2022
li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1) |
Wara l-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Unjoni appoġġat lill-Ukrajna b’sensiela ta’ miżuri finanzjarji. L-appoġġ ingħata fuq bażi ad hoc għal perjodu ta’ żmien limitat u kien jeħtieġ proviżjonament sinifikanti mill-baġit tal-Unjoni u mill-garanziji tal-Istati Membri. |
(2) |
L-Ukrajna teħtieġ assistenza kontinwa biex issostni l-funzjonament tal-Istat. Flimkien ma’ sħab internazzjonali oħra, l-Unjoni hija mistennija tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzajment urġenti tal-Ukrajna. Għal dak l-għan, l-Unjoni stabbiliet strument ġdid skont ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Skont dak l-istrument, parti sinifikanti mill-assistenza finanzjarja prevista tiġi pprovduta fil-forma ta’ self. |
(3) |
Fil-kuntest ta’ instabbiltà esterna akbar, huwa xieraq li tiġi prevista soluzzjoni ta’ finanzjament strutturata għas-snin 2023 u 2024 biex jiġi żgurat appoġġ finanzjarju kontinwu għall-Ukrajna. |
(4) |
Għaldaqstant huwa xieraq li l-Unjoni titħalla tipprovdi r-riżorsi baġitarji meħtieġa b’mod sostenibbli u sod. Dan jenħtieġ li jsir billi jiġi estiż il-mekkaniżmu eżistenti fil-forma ta’ garanzija tal-baġit tal-Unjoni biex ikopri l-assistenza finanzjarja li ssir disponibbli għall-Ukrajna fis-snin 2023 u 2024. Jenħtieġ li dak il-mekkaniżmu jippermetti mobilizzazzjoni sa 100 % tal-ammonti ta’ obbligazzjonijiet finanzjarji meħtieġa biex jiġu onorati l-obbligi ta’ ripagament tal-Unjoni taħt l-operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self fil-każ li l-Unjoni ma tirċevix il-pagament dovut fil-ħin mill-Ukrajna. |
(5) |
Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu mobilizzati l-approprjazzjonijiet meħtieġa fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-Istati Membri, kif ukoll għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna disponibbli għas-snin 2023 u 2024. Jenħtieġ li dik il-possibbiltà tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jiġi rispettat il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (3). |
(6) |
Fil-prinċipju, u sakemm ma jinħolqux żviluppi eċċezzjonali oħra, dik il-garanzija tal-baġit tal-Unjoni jenħtieġ li tkopri għajnuna finanzjarja b’terminu qasir għal-Ukrajna għal ammont sa EUR 18 000 000 000 kif speċifikat fir-Regolament (UE) 2022/2463 u l-użu tal-assistenza makro-finanzjarja matul l-2024 jenħtieġ li jkun limitat għal żborżi fl-ewwel kwart ta’ dik is-sena kif speċifikat f’dak ir-Regolament. |
(7) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss għall-programmi ta’ assistenza finanzjarja lill-Ukrajna disponibbli għas-snin 2023 u 2024. |
(8) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (4) jiġi emendat skont dan. |
(9) |
Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa meqjus xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
(10) |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093, jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“Fejn ikun meħtieġ li tiġi mobilizzata garanzija għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna li tkun disponibbli għas-snin 2023 u 2024 u tiġi awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 220(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-ammont meħtieġ għandu jiġi mobilizzat lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-15 ta’ Diċembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BEK
(1) Approvazzjoni tal-24 ta’ Novembru 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi strument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja +) (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).