Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2429

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2429 tat-12 ta’ Diċembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    ST/15564/2022/INIT

    ĠU L 318I, 12.12.2022, p. 13–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2429/oj

    12.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 318/13


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2429

    tat-12 ta’ Diċembru 2022

    li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta' Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-30 ta' Awwissu 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1509.

    (2)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Lulju 2017, il-Kunsill iddikjara li l-Unjoni kienet ser tqis rispons xieraq ulterjuri għall-azzjonijiet tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (“RDPK”) li jdgħajfu r-reġim globali tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm, b’mod partikolari permezz ta' miżuri restrittivi awtonomi addizzjonali.

    (3)

    Fit-22 ta' Diċembru 2017, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2397 (2017), fejn afferma mill-ġdid li r-RDPK ma għandhiex twettaq aktar illanċjar bl-użu tat-teknoloġija tal-missili ballistiċi, testijiet nukleari, jew kwalunkwe provokazzjoni oħra; għandha immedjatament tissospendi l-attivitajiet kollha marbuta mal-programm tal-missili ballistiċi tagħha u f'dak il-kuntest tistabbilixxi mill-ġdid l-impenji eżistenti minn qabel għal moratorju fuq l-illanċjar kollu tal-missili; għandha immedjatament tabbanduna l-armi nukleari kollha u l-programmi nukleari eżistenti kollha b'mod sħiħ, verifikabbli u irriversibbli, u immedjatament twaqqaf l-attivitajiet kollha relatati; u għandha tabbanduna kwalunkwe arma eżistenti oħra ta' qerda massiva u programmi ta' missili ballistiċi b'mod sħiħ, verifikabbli u irriversibbli.

    (4)

    Bejn il-5 ta' Jannar u t-18 ta' Novembru 2022, ir-RDPK illanċjat mill-inqas 63 missila ballistika, inkluż diversi missili ballistiċi interkontinentali.

    (5)

    Fil-5 ta' Novembru 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ("ir-Rappreżentant Għoli") ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni fejn ikkundanna ż-żieda sinifikanti tal-isparar ta' missili illegali mir-RDPK, fosthom missila ballistika interkontinentali u missila ballistika ta' medda qasira li waqgħet 'l isfel mil-Linja ta' Demarkazzjoni tat-Tramuntana. Ir-Rappreżentant Għoli ddikjara li dawk l-azzjonijiet irrappreżentaw eskalazzjoni perikoluża fil-ksur mir-RDPK tal-UNSCRs u turija allarmanti tal-intenzjoni tar-RDPK li tkompli ddgħajjef ir-reġim globali tan-nonproliferazzjoni, li hija ta' theddida serja għan-nazzjonijiet kollha u ddgħajjef il-paċi u s-sigurtà internazzjonali u reġjonali. Ir-Rappreżentant Għoli ddikjara wkoll li dawk l-azzjonijiet jitolbu rispons reżolut mill-KSNU u appella għall-implimentazzjoni sħiħa tas-sanzjonijiet li jipprevjenu lir-RDPK milli takkwista finanzjament, għarfien u materjali li jappoġġaw il-programm illegali tagħha għall-armi. Fid-19 ta' Novembru 2022, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni oħra f'isem l-Unjoni, fejn ikkundanna l-illanċjar ta' missila ballistika interkontinentali mir-RDPK li waqgħet fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Ġappun fit-18 ta' Novembru u reġa' appella lir-RDPK biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-UNSCRs. Ir-Rappreżentant Għoli tenna wkoll il-ħtieġa għal rispons xieraq mill-KSNU u fakkar fid-dmir li l-Membri kollha tan-NU għandhom jieħdu azzjoni biex jimplimentaw bis-sħiħ is-sanzjonijiet imposti mill-KSNU.

    (6)

    Fid-dawl tal-fatt li r-RDPK kompliet bl-attivitajiet tagħha marbuta mal-missili ballistiċi, bi ksur tal-UNSCRs rilevanti u b'nuqqas ta' rispett lejhom b'mod sfaċċat, jenħtieġ li tmien individwi u erba' entitajiet (inkluż żewġ bastimenti) jiġu inklużi fil-lista tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbilita fl-Annessi XV u XVI għar-Regolament (PESK) 2017/1509.

    (7)

    Għalhekk ir-Regolament (UE) 2017/1509 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Annessi XV u XVI tar-Regolament (UE) 2017/1509 huma emendati f’konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  ĠU L 224, 31.8.2017, p. 1.


    ANNESS

    Ir-Regolament (UE) 2017/1509 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Anness XV huwa emendat kif ġej:

    (a)

    taħt l-intestatura "(a) Persuni fiżiċi indikati f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 34(4)", jinżdiedu l-entrati li ġejjin:

     

    Isem (u alternattivi possibbli)

    Psewdonimu

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Data tad-deżinjazzjoni

    Raġunijiet

    “32.

    KIM Kwang Yon 김광연

     

    Data tat-twelid: 30.7.1966

    Ċittadinanza: DPRK

    Sess: raġel

    Numru tal-Passaport: 563210059 (skada fl-2018); 654410104 (skada fl-2019)

    12.12.2022

    Fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant għall-Korea Mining Development Trading Corporation (KOMID) fl-Afrika t'Isfel, KIM Kwang Yon jieħu sehem f'attivitajiet għal entità ddeżinjata fl-24 ta' April 2009 mill-Kumitat stabbilit skont l-UNSCR1718 (2006) bħala involuta fil-programmi tar-RDPK marbuta man-nukleari, ma' missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn ta' qerda massiva, jew li tagħti appoġġ lil tali programmi. Għalhekk, huwa direttament involut fil-forniment ta' fondi u provvisti għall-programmi tar-RDPK marbuta man-nukleari, ma' missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn ta' qerda massiva.

    33.

    KIM Su Il

    김수일

     

    Data tat-twelid: 4.3.1985

    Ċittadinanza: DPRK

    Sess: raġel

    Numru tal-Passaport: 108220348;745220480

    Indirizz: Ho Chi Minh, Vietnam

    12.12.2022

    Sa mill-2016, KIM Su Il kien aġent fil-Vjetnam għad-Dipartiment tal-Industrija tal-Munizzjon, fejn wettaq attivitajiet ekonomiċi, kummerċjali, ta' tħaffir u ta' tbaħħir assoċjati mal-attivitajiet kummerċjali tad-Dipartiment għal introjtu f'munita barranija għar-RDPK. Huwa involut fl-esportazzjoni ta' prodotti tar-RDPK bħall-antraċit u l-konċentrat tat-titanju. Huwa kellu wkoll introjtu f'munita barranija billi importa u esporta materja prima minn u lejn ir-RDPK u esporta oġġetti Vjetnamiżi lejn iċ-Ċina u pajjiżi oħra. Għalhekk huwa responsabbli għall-attivitajiet finanzjarji li jappoġġaw il-programmi nukleari u ballistiċi tar-RDPK.

    34.

    PAK Kwang Hun 박광훈

    BAK Gwang Hun

    Data tat-twelid: 1970

    Ċittadinanza: DPRK

    Sess: raġel

    12.12.2022

    Fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant għall-Korea Ryonborg General Corporation (Ryonborg), PAK Kwang Hun jieħu sehem f'attivitajiet għal entità ddeżinjata fl-24 ta' April 2009 mill-Kumitat stabbilit skont l-UNSCR1718 (2006) bħala involuta fil-programmi tar-RDPK marbuta man-nukleari, ma' missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn ta' qerda massiva, jew li tagħti appoġġ lil tali programmi. Għalhekk, huwa direttament involut fil-forniment ta' fondi u provvisti għall-programmi tar-RDPK marbuta man-nukleari, ma' missili ballistiċi jew armi oħrajn ta' qerda massiva.

    35.

    KIM Ho Kyu 김호규

    KIM Ho Gyu

    Data tat-twelid: 15.9.1970

    Ċittadinanza: DPRK

    Sess: raġel

    Indirizz: DPRK Consulate General in Nakhodka, Russian Federation

    Funzjoni jew professjoni: Rappreżentant għall-Korea Ryonbong General Corporation (Ryonbong)

    Viċi Konslu fil-Konsolat Ġenerali tar-RDPK f'Nakhodka, Federazzjoni Russa

    12.12.2022

    Fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant għall-Korea Ryonborg General Corporation (Ryonborg), KIM Ho Kyu jieħu sehem f'attivitajiet għal entità ddeżinjata fl-24 ta' April 2009 mill-Kumitat stabbilit skont l-UNSCR 1718 (2006) bħala involuta fil-programmi tar-RDPK marbuta man-nukleari, ma' missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn ta' qerda massiva, jew li tagħti appoġġ lil tali programmi. Għalhekk, huwa direttament involut fil-forniment ta' fondi u provvisti għall-programmi tar-RDPK marbuta man-nukleari, ma' missili ballistiċi jew armi oħrajn ta' qerda massiva.

    36.

    JONG Yong Nam

    정영남

     

    Data tat-twelid: 26.1.1966

    Ċittadinanza: DPRK

    Sess: raġel

    Numru tal-Passaport: PS 927120050

    Indirizz: Minsk, Belarus

    Funzjoni jew professjoni: Rappreżentant f'Minsk tas-Second Academy of Natural Sciences tar-RDPK

    12.12.2022

    Fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant f'Minsk, il-Belarussja, ta' organizzazzjoni b'rabtiet diretti mas-Second Academy of Natural Sciences fir-RDPK, JONG Yong Nam jieħu sehem f'attivitajiet għal entità sanzjonata kif jinsab fil-UNSCR 2094 (2013). Din l-entità hija magħrufa għall-attivitajiet ta' proliferazzjoni tagħha li huma ta' benefiċċju fil-programmi tar-RDPK marbuta man-nukleari, ma' missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn ta' qerda massiva. Għalhekk, huwa direttament involut fil-forniment ta' fondi u provvisti għall-programmi tar-RDPK marbuta man-nukleari, ma' missili ballistiċi jew armi oħrajn ta' qerda massiva.”

    (b)

    taħt l-intestatura "(b). Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi indikati f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 34(4)", tinżdied l-entrata li ġejja:

     

    Isem (u alternattivi possibbli)

    Psewdonimu

    Post

    Data tad-deżinjazzjoni

    Raġunijiet

    "6.

    Ministry of Rocket Industry (Ministeru għall-Industrija tar-Rokits)

    1. 로케트공업부

    Rocket Industry Department (Dipartiment tal-Industrija tar-Rokits)

    Pyongchon, DPRK

    12.12.2022

    Il-Bord ta' Esperti tan-NU rċieva informazzjoni dwar individwu impjegat mal-kumpaniji marbuta mal-Ministeru għall-Industrija tar-Rokits li huwa involut fl-akkwist ta' fondi permezz tal-bejgħ ta' applikazzjonijiet ta' hacking permezz tal-voice-phishing. Il-Bord ta' Esperti tan-NU rċieva wkoll informazzjoni minn diversi Stati Membri tan-NU dwar individwu li qed jakkwista trab tal-aluminju u komoditajiet oħrajn magħrufa li jintużaw fi propellant tal-fjuwil solidu għall-Ministeru għall-Industrija tar-Rokits. Il-Bord tan-NU jirrapporta li l-Ministeru għall-Industrija tar-Rokits huwa aġenzija tad-Dipartiment tal-Industrija tal-Munizzjon. Billi d-Dipartiment tal-Industrija tal-Munizzjon huwa responsabbli għall-iżvilupp tat-teknoloġija nukleari u tal-missili, il-finanzjament akkwistat mill-Ministeru għall-Industrija tar-Rokits jista' jintuża biex jappoġġa l-iżvilupp tat-teknoloġija nukleari u tal-missili pprojbita mill-UNSCRs."

    (c)

    jinżdiedu l-intestaturi li ġejjin:

    "(d)

    Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi indikati f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 34(4)

    (e)

    Persuni fiżiċi indikati f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 34(4)";

    (d)

    jinżdiedu l-intestaturi u l-entrati li ġejjin:

    "(f)

    Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 34(4)

     

    Isem

    Magħruf ukoll bħala

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Data tad-deżinjazzjoni

    Raġunijiet

    1.

    Unica

     

    Tip ta' bastiment: bastiment ta' kunsinna, tanker taż-żejt

    Post prinċipali tan-negozju: Ir-RDPK, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    OMI: 8514306

    12.12.2022

    It-tanker taż-żejt u l-bastiment ta' kunsinna Unica jipparteċipa b'mod attiv fit-trasferimenti ta' żejt raffinat minn vapur għal ieħor u fil-ħasil tal-identità ta' bastimenti sabiex effettivament jikkonsenja żejt raffinat lir-RDPK, bi ksur tal-UNSCR 2397 (2017). L-Unica huwa regolarment ikkwotat mill-Bord ta' Esperti tan-NU skont l-UNSCR 1874 (2009) għad-deżinjazzjoni mill-Kumitat.

    Għalhekk, l-Unica huwa involut fi provvisti li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn ta' qerda massiva.

    2.

    New Konk

     

    Tip ta' bastiment: bastiment ta' kunsinna, tanker taż-żejt

    Sid: New Konk Ocean International Company Limited

    Post prinċipali tan-negozju: Ir-RDPK, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    OMI: 9036387

    12.12.2022

    It-tanker taż-żejt u l-bastiment ta' kunsinna New Konk jipparteċipa b'mod attiv fit-trasferimenti ta' żejt raffinat minn vapur għal ieħor u fil-ħasil tal-identità ta' bastimenti sabiex effettivament jikkonsenja żejt raffinat lir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, bi ksur tal-UNSCR 2397 (2017). In-New Konk huwa regolarment ikkwotat mill-Bord ta' Esperti tan-NU skont l-UNSCR 1874 (2009) għad-deżinjazzjoni mill-Kumitat.

    Għalhekk, in-New Konk huwa involut fi provvisti li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn ta' qerda massiva."

    (2)

    L-Anness XVI huwa emendat kif ġej:

    (a)

    taħt l-intestatura "(a) Persuni fiżiċi", jinżdiedu l-entrati li ġejjin:

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Data tad-deżinjazzjoni

    Raġunijiet

    "29.

    KIL Jong Hun

    Data tat-twelid: 7.8.1965 / 20.2.1972

    Numru tal-passaport: 563410081 / 472410022

    Ċittadinanza: DPRK

    Sess: raġel

    12.12.2022

    Fil-kapaċità tiegħu ta' rappreżentant għall-Korea Mining Development Trading Corporation (KOMID), Kil Jong Hun huwa responsabbli għall-għajnuna mogħtija fl-akkwist tal-armi mill-Guinea Ekwatorjali, u b'hekk qed jevita l-embargo internazzjonali fuq l-armi kif jinsab fil-UNSCRs rilevanti. Ilu taħt sanzjonijiet tal-Istati Uniti mill-2015. Qabel kien impjegat bħala r-rappreżentant tal-entità deżinjata KOMID fin-Namibja taħt status diplomatiku, huwa fetaħ kont bankarju fl-Afrika t'Isfel. Bis-saħħa tal-pożizzjoni tiegħu, għadu għaddej bl-attivitajiet tiegħu ta' proliferazzjoni għall-KOMID, u qed jipprovdi fondi siewja lir-RDPK minkejja s-sanzjonijiet internazzjonali.

    30.

    PYON Kwang Chol

    Data tat-twelid: 16.9.1964

    Ċittadinanza: DPRK

    Sess: raġel

    12.12.2022

    Fil-kapaċità tiegħu bħala viċi rappreżentant għal kumpanija suspettata fittizja għas-Second Academy of Natural Sciences f'Dalian (iċ-Ċina), PYON Kwang Chol jieħu sehem f'attivitajiet għal entità sanzjonata kif jinsab fil-UNSCR 2094 (2013). Din l-entità hija magħrufa għall-attivitajiet ta' proliferazzjoni tagħha li huma ta' benefiċċju għall-programmi tar-RDPK marbuta man-nukleari, ma' missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn ta' qerda massiva. Għalhekk, huwa direttament involut fil-forniment ta' fondi u provvisti għall-programmi tar-RDPK marbuta man-nukleari, ma' missili ballistiċi jew armi oħrajn ta' qerda massiva.

    31.

    O Yong Ho

    Data tat-twelid: 25.12.1961

    Numru tal-passaport: 108410041

    Ċittadinanza: DPRK

    Sess: raġel

    12.12.2022

    Fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant f'Moska, il-Federazzjoni Russa, b'rabtiet diretti mas-Second Academy of Natural Sciences, O Yong Ho, bi status diplomatiku, jieħu sehem f'attivitajiet għal entità sanzjonata kif jinsab fil-UNSCR 2094 (2013). Din l-entità hija magħrufa għall-attivitajiet ta' proliferazzjoni tagħha li huma ta' benefiċċju għall-programmi tar-RDPK marbuta man-nukleari, ma' missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn ta' qerda massiva. Għalhekk, huwa direttament involut fil-forniment ta' fondi u provvisti għall-programmi tar-RDPK marbuta man-nukleari, ma' missili ballistiċi jew armi oħrajn ta' qerda massiva."

    (b)

    taħt l-intestatura "Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi", tinżdied l-entrata li ġejja:

     

    Isem (u ismijiet oħrajn possibbli)

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Data tad-deżinjazzjoni

    Raġunijiet

    "9.

    Korea Rounsan Trading Corporation

    로은산무역회사

     

    12.12.2022

    Il-Korean Rounsan Trading Corporation hija kumpanija subordinata tal-Ministeru għall-Industrija tar-Rokits tar-RDPK. Għalhekk, l-entità hija direttament involuta fl-għajnuna li tagħti għall-programmi tar-RDPK marbuta man-nukleari, ma' missili ballistiċi jew armi oħrajn ta' qerda massiva. Il-kumpanija hija partikolarment involuta fl-istabbiliment ta' impriżi konġunti fir-RDPK, billi tippromwovi proġetti fuq skala kbira ma' kumpaniji Ċiniżi, tibgħat ħaddiema mir-RDPK, u timmaniġġa l-akkwist ta' tagħmir kbir Ewropew."


    Top