Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2367

Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2367 tat-3 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

ST/14252/2022/REV/1

ĠU L 311I, 3.12.2022, pp. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2367/oj

3.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 311/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/2367

tat-3 ta’ Diċembru 2022

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2369 tat-3 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament(UE) Nru 833/2014 (2), dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK (3).

(3)

Fis-6 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1909 (4), li introduċiet eżenzjoni mill-projbizzjoni li jiġi pprovdut trasport marittimu u mill-projbizzjoni li tingħata assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, f’rabta mat-trasport marittimu lejn pajjiżi terzi ta’ żejt mhux maħdum jew prodotti tal-petroleum li joriġinaw mir-Russja jew li jiġu esportati minnha, mixtrija bi prezz li jkun ekwivalenti jew anqas minn dak massimu stabbilit minn qabel miftiehem mill-Koalizzjoni għal-Limitu Massimu tal-Prezzijiet. Dik l-eżenzjoni hija maħsuba biex ittaffi l-konsegwenzi negattivi fuq il-provvista tal-enerġija għal pajjiżi terzi u tnaqqas iż-żieda qawwija f’daqqa fil-prezzijiet ikkawżati minn kondizzjonijiet straordinarji tas-suq, filwaqt li jiġi limitat id-dħul Russu miż-żejt.

(4)

Fit-3 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2369, li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK. Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2369 tistabbilixxi l-limitu massimu tal-prezz, jiġifieri meta barmil żejt mhux maħdum mir-Russja jinbiegħ b’dan il-livell massimu, jew irħas minnu, ikun eżenti mill-projbizzjoni li jiġi pprovdut trasport marittimu u mill-projbizzjoni li tingħata assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, relatata mat-trasport marittimu lejn pajjiżi terzi.

(5)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2369 tikkjarifika l-projbizzjoni eżistenti fuq il-kummerċ u s-senserija taż-żejt mhux maħdum u tal-prodotti tal-petroleum Russi u testendi l-eżenzjoni tal-limitu massimu tal-prezz meta tali oġġetti jiġu nnegozjati bil-limitu massimu tal-prezz jew taħtu.

(6)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2369 testendi wkoll il-perjodu ta’ tranżizzjoni applikabbli għat-trasport taż-żejt mhux maħdum u ta’ ċerti prodotti tal-petroleum wara kull bidla sussegwenti fil-limitu massimu tal-prezz għal perjodu ta’ 90 jum għall-forniment, dirett jew indirett, ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, relatati mat-trasport, soġġett għall-istess kundizzjonijiet. Din il-miżura hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tal-limitu massimu tal-prezzijiet mill-operaturi kollha.

(7)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2369 tintroduċi perjodu tranżitorju ta’ 45 jum għall-bastimenti li jġorru żejt mhux maħdum li joriġina mir-Russja, li jkun inxtara u tgħabba fuq il-bastiment qabel il-5 ta’ Diċembru 2022 u li jkun inħatt fil-port ta' destinazzjoni finali qabel id-19 ta’ Jannar 2023.

(8)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2369 tiċċara li l-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi relatati mat-trasport taż-żejt mhux maħdum Russu jew prodotti tal-petroleum Russi minn bastiment li jtajjar bandiera ta’ pajjiż terz tapplika fir-rigward ta’ bastimenti li fil-passat ittrasportaw tali oġġetti mixtrija ’l fuq mil-limitu tal-prezz, dment li l-operatur responsabbli għal dak it-trasport kien jaf jew kellu raġuni valida biex jissuspetta li dan kien il-każ. Dan huwa neċessarju biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali.

(9)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2369 tintroduċi eżenzjoni mill-projbizzjoni li jiġi pprovdut trasport marittimu u mill-projbizzjoni li tingħata assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, b’rabta mat-trasport marittimu lejn pajjiżi terzi, fejn meħtieġ għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ xi avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent, jew bħala reazzjoni għal diżastri naturali.

(10)

Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2369 tintroduċi rieżami regolari tal-mekkaniżmu tal-limitu massimu tal-prezzijiet biex titqies l-effettività tal-miżura f’termini tar-riżultati mistennija tagħha, l-implimentazzjoni tagħha, l-aderenza internazzjonali mal-mekkaniżmu tal-limitu massimu tal-prezzijiet u l-allinjament informali miegħu, u l-impatt potenzjali tagħha fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u biex twieġeb għall-iżviluppi fis-suq, inkluż it-turbolenzi possibbli. Tali rieżami jeħtieġ li jqis l-objettivi tal-limitu massimu tal-prezzijiet, inkluż il-kapaċità tiegħu li jnaqqas id-dħul tar-Russja miż-żejt, kif ukoll il-prinċipju li l-limitu massimu tal-prezzijiet għandu jkun mill-inqas 5 % taħt il-prezz medju tas-suq għaż-żejt u l-prodotti petroliferi Russi. Il-prezz medju tas-suq għandu jiġi kkalkulat f’kooperazzjoni mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija. Kwalunkwe kunsiderazzjoni li potenzjalment taffettwa l-funzjonament u t-termini tal-limitu massimu tal-prezzijiet titressaq fi ħdan il-Koalizzjoni għal-Limitu Massimu tal-Prezzijiet, wara diskussjoni fil-Kunsill. Sabiex l-iżviluppi tas-suq jiġu evalwati fil-ħin, jenħtieġ li rieżami bħal dan jitwettaq minn nofs Jannar 2023 u jenħtieġ li l-Kunsill jerġa' lura għall-kwistjoni kull xahrejn minn hemm 'il quddiem.

(11)

B'kont meħud taċ-ċirkostanzi attwali, li huma ta' sfida għall-kompetittività tal-industrija tat-tbaħħir tal-UE, kif ukoll tal-fatt li l-industrija tat-tbaħħir hija settur tal-ekonomija li qed jirkupra bil-mod, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tadotta b'mod urġenti miżuri ta' appoġġ xierqa, inkluż billi, sa mhux aktar tard mill-5 ta' Frar 2023, tiżviluppa aktar l-istrumenti eżistenti bl-għan li tippreserva l-kredibbiltà u l-importanza strateġika tal-industrija tat-tbaħħir tal-Unjoni, iżżomm u tkompli ssaħħaħ il-kompetittività tat-tbaħħir tal-UE, filwaqt li tipproteġi l-interessi tal-operat kompetittiv ta' bastimenti li jtajru l-bnadar tal-Istati Membri, kif ukoll tinkoraġġixxi l-bdil tal-bandiera ta' bastimenti għal waħda fir-reġistri tal-bastimenti tal-Istati Membri.

(12)

Dawn il-miżuri huma fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hemm bżonn ta’ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 833/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 3n tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, relatat mal-kummerċ, is-senserija jew it-trasport, inkluż dak permezz ta’ trasferimenti minn vapur għal vapur, lejn pajjiżi terzi, ta’ żejt maħdum jew prodotti tal-petroleum kif elenkati fl-Anness XXV li joriġinaw mir-Russja jew li jkunu ġew esportati mir-Russja.”

;

(2)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Għandu jkun ipprojbit il-kummerċ, is-senserija jew it-trasport, inkluż permezz ta’ trasferimenti minn vapur għal vapur, lejn pajjiżi terzi, ta’ żejt mhux maħdum li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2709 00, mill-5 ta’ Diċembru 2022, jew prodotti tal-petroleum li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2710, mill-5 ta’ Frar 2023, kif elenkati fl-Anness XXV, li joriġinaw mir-Russja jew li ġew esportati mir-Russja.”

;

(3)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ewwel Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda l-Anness XI għad-Deċiżjoni 2014/512/PESK f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 4p(9) ta’ dik id-Deċiżjoni.

Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ kull Deċiżjoni tal-Kunsill sussegwenti li temenda l-Anness XI għad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw, għal perjodu ta’ 90 jum, għat-trasport ta’ prodotti elenkati fl-Anness XXV għal dan ir-Regolament li joriġinaw mir-Russja jew li ġew esportati mir-Russja, u għall-forniment, dirett jew indirett, ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, relatati mat-trasport, sakemm:

(a)

it-trasport, jew l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja b’rabta mat-trasport, ikunu bbażati fuq kuntratt konkluż qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ kull Deċiżjoni tal-Kunsill sussegwenti li temenda l-Anness XI għad-Deċiżjoni 2014/512/PESK; kif ukoll

(b)

il-prezz tax-xiri għal kull barmil ma jkunx qabeż il-prezz stabbilit fl-Anness XXVIII għal dan ir-Regolament fid-data tal-konklużjoni ta’ dak il-kuntratt.”

;

(4)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 4 ma għandhomx japplikaw:

(a)

mill-5 ta’ Diċembru 2022, fil-każ ta’ żejt mhux maħdum li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2709 00, u mill-5 ta’ Frar 2023, fil-każ ta’ prodotti tal-petroleum li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2710, li joriġinaw mir-Russja jew li ġew esportati mir-Russja dment li l-prezz tax-xiri għal kull barmil ta' dawn il-prodotti ma jaqbiżx il-prezz stabbilit fl-Anness XXVIII;

(b)

fil-każ ta’ żejt mhux maħdum jew prodotti tal-petroleum kif elenkati fl-Anness XXV meta dawk l-oġġetti joriġinaw f’pajjiż terz u jkunu biss qed jitgħabbew fir-Russja, jitilqu minnha jew jgħaddu minnha, dment li kemm l-oriġini kif ukoll is-sid ta’ dawk l-oġġetti ma jkunux Russi;

(c)

fil-każ ta’ trasport, jew assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ tali trasport, tal-prodotti msemmija fl-Anness XXIX lill-pajjiżi terzi msemmija fih, għat-tul ta’ żmien speċifikat f’dak l-Anness;

(d)

mill-5 ta’ Diċembru 2022, fil-każ ta’ żejt mhux maħdum li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2709 00, li joriġina mir-Russja jew li ġie esportat mir-Russja u jkun inxtara bi prezz ogħla minn dak stabbilit fl-Anness XXVIII, li jkun tgħabba fuq bastiment fil-port tat-tagħbija qabel il-5 ta’ Diċembru 2022 u li jkun inħatt fil-port tad-destinazzjoni finali qabel id-19 ta’ Jannar 2023.”

;

(5)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Fil-każ li, wara d-dħul fis-seħħ ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda l-Anness XI għad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, bastiment ikun ittrasporta żejt mhux maħdum jew prodotti tal-petroleum Russi msemmija fil-paragrafu 4, u l-operatur responsabbli għat-trasport kien jaf jew kellu raġuni raġonevoli li jissuspetta li tali prodotti taż-żejt mhux maħdum jew tal-petroleum kienu nxtraw bi prezz ogħla minn dak stabbilit fl-Anness XXVIII ta' dan ir-Regolament fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt għal tali xiri, għandu jkun ipprojbit li jipprovdi s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu b’rabta mat-trasport taż-żejt mhux maħdum jew tal-prodotti tal-petroleum li joriġinaw mir-Russja jew li huma esportati mir-Russja kif imsemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu minn dak il-bastiment għal 90 jum wara d-data tal-ħatt tal-merkanzija mixtrija li jkollha prezz ogħla mil-limitu massimu tal-prezz.”

;

(6)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“9.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 4 ma għandhomx japplikaw għat-trasport jew l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, b’rabta mat-trasport meħtieġ għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent, jew bħala reazzjoni għal diżastri naturali, dment li l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun ġiet innotifikata immedjatament ladarba l-avveniment ikun ġie identifikat.

10.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar każijiet ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża għall-finijiet li għalihom ġiet ipprovduta jew riċevuta, inkluż l-iżgurar tal-effettività tal-miżura.”.

11.   Il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-limitu massimu tal-prezzijiet, inkluż l-Anness XXVIII kif ukoll il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 4 ta' dan l-Artikolu, għandu jiġi rieżaminat minn nofs Jannar 2023 u kull xahrejn minn hemm 'il quddiem.

Ir-rieżami għandu jqis l-effettività tal-miżura f’termini tar-riżultati mistennija tagħha, l-implimentazzjoni tagħha, l-aderenza internazzjonali u l-allinjament informali mal-mekkaniżmu tal-limitu massimu tal-prezzijiet, u l-impatt potenzjali tagħha fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Għandu jwieġeb għall-iżviluppi fis-suq, inkluż it-turbolenzi possibbli.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-limitu massimu tal-prezzijiet, inkluż il-kapaċità tiegħu li jnaqqas id-dħul tar-Russja miż-żejt, il-limitu massimu tal-prezzijiet għandu jkun mill-inqas 5 % taħt il-prezz medju tas-suq għaż-żejt u l-prodotti petroliferi Russi, ikkalkulat abbażi tad-data pprovduta mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija.”

.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)   ĠU L 311 I, 3.12.2022.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1909 tas-6 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 259I , 6.10.2022, p. 122).


Top