Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2203

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2203 tal-11 ta’ Novembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tal-applikabbiltà tar-rekwiżiti għal-lokalizzazzjoni ta’ inġenju tal-ajru f’diffikultà

    C/2022/7934

    ĠU L 293, 14.11.2022, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2203/oj

    14.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 293/3


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2203

    tal-11 ta’ Novembru 2022

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tal-applikabbiltà tar-rekwiżiti għal-lokalizzazzjoni ta’ inġenju tal-ajru f’diffikultà

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Istandard 6.18.1 tal-ICAO ġie inkorporat fil-punt CAT.GEN.MPA.210 tal-Anness IV (il-Parti-CAT) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (2), li jirrikjedi li ċerti ajruplani jkunu mgħammra b’mezzi robusti u awtomatiċi, biex wara aċċident li matulu l-ajruplan ikollu ħsara serja jiddeterminaw b’mod akkurat fejn inkun jinsab il-punt tat-tmiem tat-titjira.

    (2)

    Il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Emenda 48 għall-Parti I tal-Anness 6 tal-ICAO fis-16-il Laqgħa tal-226 Sessjoni tiegħu fit-18 ta’ Lulju 2022. Dik l-emenda tipposponi d-data tal-applikabbiltà tal-Istandard 6.18.1 tal-ICAO għall-1 ta’ Jannar 2025 u tirrestrinġi l-applikabbiltà tiegħu għal ajruplani li nħarġilhom Ċertifikat tal-Ajrunavigabbiltà (ĊtA) individwali għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara.

    (3)

    Dik l-emenda għandha l-għan (i) li tindirizza d-dewmien sinifikanti, iffaċċjat mill-manifatturi kollha tal-inġenji tal-ajru kkonċernati madwar id-dinja, fl-installazzjoni tat-tagħmir meħtieġ fl-ajruplani, u fl-istabbiliment tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni meħtieġa bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha (inkluż il-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (ATS) u ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni tas-salvataġġ (RCCs)), u (ii) li tipprovdi iktar żmien għall-RCCs u għall-unitajiet tal-ATS biex iħejju u jadattaw il-proċeduri tagħhom.

    (4)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 965/2012 jiġi emendat skont dan.

    (5)

    L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ħejjiet abbozz ta’ regoli ta’ implimentazzjoni u ppreżentatu lill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Opinjoni Nru 5/2022 f’konformità mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

    (6)

    Ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-applikazzjoni ta’ regoli komuni tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti mill-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-punt CAT.GEN.MPA.210 tal-Anness IV (il-Parti-CAT) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “CAT.GEN.MPA.210 Fejn ikun jinsab inġenju tal-ajru f’diffikultà — Ajruplani

    Mill-1 ta’ Jannar 2025, l-ajruplani li ġejjin għandhom ikunu mgħammra b’mezzi robusti u awtomatiċi, biex wara aċċident li matulu l-ajruplan ikollu ħsara serja jiddeterminaw b’mod akkurat fejn ikun jinsab il-punt tat-tmiem tat-titjira:

    (a)

    l-ajruplani kollha b’MCTOM ta’ iktar minn 27 000 kg, b’MOPSC ta’ iktar minn 19 u li jkun inħarġilhom ĊtA individwali għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara; u

    (b)

    l-ajruplani kollha b’MCTOM ta’ iktar minn 45 500 kg u li jkun inħarġilhom ĊtA individwali għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).


    Top