This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R2038
Regulation (EU) 2022/2038 of the European Parliament and of the Council of 19 October 2022 amending Council Regulation (EEC) No 95/93 as regards temporary relief from the slot utilisation rules at Union airports due to an epidemiological situation or military aggression (Text with EEA relevance)
Regolament (UE) 2022/2038 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tas-solliev temporanju mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Unjoni minħabba sitwazzjoni epidemjoloġika jew aggressjoni militari (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament (UE) 2022/2038 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tas-solliev temporanju mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Unjoni minħabba sitwazzjoni epidemjoloġika jew aggressjoni militari (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
PE/47/2022/REV/1
ĠU L 275, 25.10.2022, p. 14–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
25.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 275/14 |
REGOLAMENT (UE) 2022/2038 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-19 ta’ Ottubru 2022
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tas-solliev temporanju mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Unjoni minħabba sitwazzjoni epidemjoloġika jew aggressjoni militari
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 (3) ġie emendat kemm-il darba mill-bidu tal-kriżi tal-COVID-19 ’l hawn peress li r-rekwiżit stabbilit b’dak ir-Regolament li joperaw mill-inqas 80 % ta’ serje ta’ slots biex jinżamm id-dritt għall-istess serje ta’ slots fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li kien imiss ma baqax sostenibbli għat-trasportaturi tal-ajru fid-dawl ta’ tnaqqisiet qawwijin fil-livelli tat-traffiku tal-ajru. |
(2) |
Iċ-ċifri ppubblikati mill-Eurocontrol, li hija l-maniġer tan-network għall-funzjonijiet tan-network tat-traffiku tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew, juru li t-traffiku tal-ajru rkupra bil-kbir mill-bidu tal-perjodu ta’ skedar tas-sajf 2022, u li t-traffiku tal-ajru fil-bidu tal-perjodu ta’ skedar tax-xitwa 2022/2023 mistenni jkun madwar 90 % tal-livelli fl-2019 skont il-previżjoni bażi. Dawk iċ-ċifri jiġġustifikaw ritorn għar-rekwiżit tal-użu tas-slots ta’ 80 % bħala regola ġenerali għall-perjodu ta’ skedar tas-sajf 2023, flimkien ma’ tnaqqis speċifiku fl-użu tas-slots meta jkun hemm nuqqas ġustifikat ta’ użu ta’ slots. |
(3) |
Madankollu, minħabba l-kriżi tal-COVID-19, is-sitwazzjoni fis-settur tal-avjazzjoni għadha inċerta ħafna. Kif ġara fl-aħħar tal-2021, jaf ifeġġu varjanti ġodda tal-COVID-19 u jikkawżaw reazzjonijiet għal għarrieda kemm mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll mill-konsumaturi li min-naħa tagħhom jistgħu jaffettwaw ħażin lit-traffiku tal-ajru. Barra minn hekk, ċerti swieq fuq distanzi twal għadhom qed jintlaqtu minn miżuri sanitarji li jxekklu serjament it-traffiku tal-ajru. |
(4) |
Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna qed tħalli wkoll impatt fuq it-traffiku tal-ajru u fuq il-kapaċità tat-trasportaturi tal-ajru li joperaw is-slots tagħhom peress li t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni mhumiex jitħallew jidħlu fl-ispazju tal-ajru tal-Belarussja, tar-Russja u tal-Ukrajna. |
(5) |
Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti mill-istat għal raġunijiet sanitarji u l-impossibbiltà li wieħed jidħol fl-ispazju tal-ajru ta’ dik li saret żona tal-gwerra huma lil hinn mill-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru. Dawn iċ-ċirkostanzi jistgħu jwasslu għall-kanċellazzjoni volontarja jew obbligatorja tas-servizzi tal-ajru tagħhom jew għall-aġġustament tal-iskedi. B’mod partikolari, il-kanċellazzjonijiet volontarji jħarsu s-saħħa finanzjarja tat-trasportaturi tal-ajru u fl-istess ħin jevitaw l-impatt ambjentali negattiv ikkawżat mit-titjiriet operati biss biex iżommu s-slots tagħhom. |
(6) |
F’dawk iċ-ċirkostanzi, it-trasportaturi tal-ajru li jonqsu milli jużaw is-slots tagħhom skont ir-rata tal-użu tas-slots stabbilita fir-Regolament (KEE) Nru 95/93 jenħtieġ li ma jitilfux awtomatikament il-preċedenza fir-rigward tas-serje ta’ slots stipulata fl-Artikoli 8(2) u 10(2) ta’ dak ir-Regolament, li setgħu jgawdu minnhom f’ċirkostanzi oħra. Għal dan il-għan, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi. |
(7) |
Fl-istess ħin, hu importanti li jitfakkru l-objettivi tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, li huma b’mod partikolari li jkun aċċertat l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruporti u li jkun aċċertat aċċess ġust għat-trasportaturi tal-ajru kollha għal kapaċità limitata tal-ajruporti, biex b’hekk tiġi promossa l-kompetizzjoni. Jenħtieġ li l-aġġustament tar-rekwiżiti tal-użu normali tas-slots billi tonqos ir-rata tal-użu jew billi jiġu estiżi xi eċċezzjonijiet tan-nuqqas ġustifikat ta’ użu jkun limitat strettament għal sitwazzjonijiet meta s-solliev mill-użu tas-slots ikun neċessarju u jenħtieġ li ma joħloqx vantaġġi kompetittivi inġusti lil dawk it-trasportaturi tal-ajru li jkollhom slots storiċi. |
(8) |
B’mod partikolari, huwa neċessarju li jkun aċċertat li t-trasportaturi tal-ajru li huma disposti li jipprovdu s-servizzi, jitħallew jużaw kapaċità mhux użata u jkollhom il-possibbiltà li jżommu dawk is-slots fit-tul. Jenħtieġ li jinżammu l-inċentivi tat-trasportaturi tal-ajru ħalli tintuża l-kapaċità tal-ajruporti, li min-naħa tagħha hija ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. |
(9) |
Għalhekk huwa neċessarju li jiġu stipulati, f’konformità ma’ dawk il-prinċipji u għal perjodu limitat, il-kundizzjonijiet li skonthom it-trasportaturi tal-ajru jibqgħu intitolati għas-serje tas-slots skont l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, u jiġu stabbiliti rekwiżiti għat-trasportaturi tal-ajru kkonċernati biex jirrilaxxaw il-kapaċità mhux użata. Il-perjodu jenħtieġ li jibda jiddekorri mit-30 ta’ Ottubru 2022 sat-28 ta’ Ottubru 2023 bi qbil mal-irkupru previst mill-Eurocontrol. |
(10) |
Waqt dan il-perjodu, id-definizzjoni tat-terminu “membru ġdid” jenħtieġ li tinżamm wiesgħa sabiex jiżdied l-għadd ta’ trasportaturi tal-ajru koperti, u b’hekk aktar trasportaturi tal-ajru jingħataw l-opportunità li jistabbilixxu u jespandu l-operazzjonijiet tagħhom. |
(11) |
Mit-30 ta’ Ottubru 2022 sat-28 ta’ Ottubru 2023, is-sistema tal-allokazzjoni tas-slots jenħtieġ li tibqa’ tirrikonoxxi l-isforzi tat-trasportaturi tal-ajru li jkunu operaw titjiriet bl-użu ta’ slots li huma parti minn serje li trasportatur tal-ajru ieħor huwa intitolat għaliha skont l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, iżda li jkunu ngħataw lill-koordinatur tas-slots għal riallokazzjoni temporanja. Għalhekk, it-trasportaturi tal-ajru li jkunu operaw mill-inqas ħames slots ta’ serje jenħtieġ li jingħataw prijorità għall-allokazzjoni ta’ dawk is-serje fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss, soġġetta għad-disponibbiltà tal-kapaċità tal-ajruport. |
(12) |
Biex jiġu indirizzati l-effetti tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u biex jiġi appoġġat l-irkupru tal-konnettività bejn l-Unjoni u l-Ukrajna, huwa neċessarju li jiġi estiż il-perjodu li matulu l-operaturi jkunu jistgħu jiddependu fuq ir-raġuni stipulata fl-Artikolu 10(4), il-punt (a), tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 biex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ użu tas-serje tas-slots fir-rotot bejn l-Unjoni u l-Ukrajna. |
(13) |
Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari mar-regoli stipulati fit-Trattati u fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-konsegwenzi negattivi fuq il-kapaċità tal-passiġġieri li jivvjaġġaw minħabba r-restrizzjonijiet possibbli adottati mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi terzi biex jindirizzaw sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi, diżastri naturali jew taqlib politiku, bħal rewwixti, irvellijiet jew diżordni pubbliku severi, ma jistgħux jiġu attribwiti lit-trasportaturi tal-ajru u jenħtieġ li jiġu mitigati meta dawk il-miżuri jħallu impatt sinifikanti fuq il-vijabbiltà jew il-possibbiltà tal-ivvjaġġar jew fuq id-domanda għar-rotot ikkonċernati. Il-miżuri ta’ mitigazzjoni jenħtieġ li jaċċertaw li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux penalizzati għan-nuqqas tal-użu tas-slots meta dak in-nuqqas jiġri minħabba restrizzjonijiet bħal dawk. |
(14) |
Biex jonqos ir-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u biex ikun aċċertat l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruporti, jenħtieġ li s-solliev speċifiku mill-effetti tal-impożizzjoni ta’ dawk ir-restrizzjonijiet ikollu tul ta’ żmien u ambitu limitati, b’hekk ikun aċċertat li l-effett tal-miżuri ta’ mitigazzjoni jkun limitat għall-perjodu meta kienu ġustifikati. Slots koperti minn tali miżuri li jtaffu l-effett tar-restrizzjonijiet jenħtieġ li jitqiesu li ġew operati għall-finijiet tar-Regolament (KEE) Nru 95/93. |
(15) |
Huwa neċessarju li jiġi ċċarat li d-dispożizzjonijiet dwar in-nuqqas ġustifikat ta’ użu tal-eċċezzjonijiet tas-slots ma japplikawx għat-trasportaturi tal-ajru li huma l-oġġett ta’ miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jew l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jew għat-trasportaturi tal-ajru soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni li huma elenkati fl-Anness A jew B tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006 (5). Biex tkun aċċertata l-applikazzjoni effettiva ta’ dawk il-miżuri, l-impossibbiltà li jiġu invokati d-dispożizzjonijiet dwar in-nuqqas ġustifikat ta’ użu tas-slots jenħtieġ li tapplika wkoll għat-trasportaturi tal-ajru li diġà huma l-oġġett ta’ miżuri restrittivi bħal dawn fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
(16) |
Il-kooperazzjoni bejn il-koordinaturi jenħtieġ li tissaħħaħ biex tkun aċċertata implimentazzjoni uniformi tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 madwar l-Unjoni. |
(17) |
Jenħtieġ li l-koordinaturi jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, inkluż permezz tal-Assoċjazzjoni tal-Koordinaturi tal-Ajruporti (EUACA). L-EUACA hija mħeġġa tkompli toħroġ gwida biex tiġi aċċertata implimentazzjoni armonizzata tar-regoli tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjoni dwar il-mitigazzjoni tar-restrizzjonijiet. Barra minn hekk, jekk il-mitigazzjoni tiġix applikata jew le hija biċċa informazzjoni importanti għat-trasportaturi tal-ajru meta jkunu qed jippjanaw l-iskedi tagħhom. Għalhekk, huwa neċessarju li tiġi aċċertata komunikazzjoni trasparenti mill-koordinaturi. |
(18) |
Filwaqt li miżuri li jtaffu r-restrizzjonijiet jenħtieġ li jiġu interpretat b’mod strett peress li dawn jirrappreżentaw eċċezzjoni għar-rekwiżiti tal-użu normali tas-slots, f’ċerti każijiet jenħtieġ li jkun possibbli li tintalab azzjoni komuni mill-koordinaturi kollha biex ikunu aċċertati kundizzjonijiet ekwivalenti madwar l-Unjoni. Skont ċerti kundizzjonijiet u abbażi ta’ deċiżjoni unanima, il-koordinaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw dik id-dispożizzjoni għas-slots kollha miżmuma fl-ajruporti kkoordinati. |
(19) |
Ir-robustezza tal-previżjonijiet tat-traffiku għall-perjodu ta’ skedar tax-xitwa 2022/2023 hija affettwata b’mod negattiv mill-inċertezza dwar l-evoluzzjoni ta’ diversi kriżijiet, b’mod partikolari s-sitwazzjoni fl-Ukrajna u l-kriżi tal-COVID-19. Konsegwentement, it-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jiġu rilaxxati, sa fejn ikun meħtieġ, mir-rekwiżiti li joperaw slots sabiex jinżamm id-dritt għall-istess slots fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss. Dan jippermetti lit-trasportaturi tal-ajru jżidu l-forniment ta’ servizzi meta ċ-ċirkostanzi jippermettu, bil-ħsieb li jiġu applikati r-regoli normali għall-operat tas-slots mill-perjodu ta’ skedar tas-sajf 2023, soġġett għal dawk l-adattamenti magħmula mill-Kummissjoni f’ċirkostanzi speċifiċi biex tirreaġixxi għal ċerti sfidi għas-settur tat-trasport bl-ajru. |
(20) |
Biex jiġi indirizzat l-impatt li qed jevolvi tal-kriżi tal-COVID-19 jew ta’ sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi oħra, kif ukoll l-impatt devastanti dirett tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russa kontra l-Ukrajna fuq it-traffiku tal-ajru u biex tiġi appoġġata l-konnettività mill-Ukrajna u lejha, u biex ikun hemm rispons flessibbli, meta strettament neċessarju u ġustifikat, għall-isfidi li s-settur tat-trasport bl-ajru qed jiffaċċa bħala konsegwenza, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-valuri perċentwali tar-rata minima tal-użu f’ċerta firxa u għal kwalunkwe perjodu ta’ skedar fil-perjodu mit-30 ta’ Ottubru 2022 sat-28 ta’ Ottubru 2023 bi qbil mal-irkupru previst mill-Eurocontrol u fir-rigward tal-emendar tal-valuri perċentwali tar-rata minima tal-użu f’ċerta firxa għar-rotot bejn l-Unjoni u l-Ukrajna u għal kwalunkwe perjodu ta’ skedar mit-30 ta’ Ottubru 2022 sat-28 ta’ Ottubru 2023. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (6). B’mod partikolari, biex tkun aċċertata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin mal-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati. |
(21) |
L-ajruporti, il-fornituri tas-servizzi tal-ajruport u t-trasportaturi tal-ajru jeħtieġ li jiġu informati dwar il-kapaċità disponibbli għall-finijiet ta’ ppjanar adegwat. It-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jibqgħu jagħmlu disponibbli lill-koordinatur kull slot li ma jkunx beħsiebhom jużaw, minn kmieni kemm jista’ jkun u sa tliet ġimgħat qabel id-data ppjanata tal-operat tas-slots, ħalli l-koordinatur ikun jista’ jirriallokahom lil trasportaturi tal-ajru oħrajn. Meta t-trasportaturi tal-ajru jonqsu ripetutament milli jikkonformaw ma’ dak ir-rekwiżit, jenħtieġ li ma jibbenefikawx minn rata mnaqqsa tal-operat tas-slots. |
(22) |
Meta koordinatur ikun sodisfatt li trasportatur tal-ajru jkun waqaf jopera f’ajruport, il-koordinatur jenħtieġ li jieħu minnufih is-slots mingħand it-trasportatur tal-ajru inkwistjoni u jqegħedhom fil-ġabra tas-slots għal riallokazzjoni lil trasportaturi oħra. |
(23) |
Il-projbizzjoni fuq it-trasportaturi tal-ajru milli jtiru fl-ispazju tal-ajru tal-Unjoni bl-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 29 TUE jew l-Artikolu 215 TFUE jew ta’ projbizzjoni fuq l-operat skont ir-Regolament (KE) Nru 474/2006 tista’ tikkawża l-imblukkar mhux ġustifikat ta’ slots fl-ajruporti tal-Unjoni. Filwaqt li s-slots użati qabel minn trasportaturi tal-ajru bħal dawn jistgħu jiġu riallokati fuq bażi ad hoc tul il-perjodu ta’ skedar, dan ma jħeġġiġx biżżejjed l-użu effiċjenti tas-slots li jippermetti lil-linji tal-ajru jżidu l-kompetizzjoni u l-konnettività fit-tul għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Għalhekk, is-slots jenħtieġ li jiġu rtirati minnufih mit-trasportaturi tal-ajru kkonċernati. |
(24) |
Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi u s-solliev mir-regoli ġenerali dwar l-użu tas-slots għal perjodu ta’ żmien limitat, ħalli jittaffew l-effetti ta’ kriżi epidemjoloġika u tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq it-traffiku bl-ajru, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv. |
(25) |
Minħabba l-urġenza taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali relatati mal-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa meqjus xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
(26) |
Biex tkun aċċertata l-applikazzjoni malajr tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li bħala kwistjoni ta’ urġenza, dan jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 huwa emendat kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
|
(2) |
L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:
|
(3) |
L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:
|
(4) |
L-Artikolu 10a huwa emendat kif ġej:
|
(5) |
fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ appell taħt il-liġi nazzjonali, l-ilmenti li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2), l-Artikoli 8, 8a u 10, l-Artikolu 10a(7), l-Artikolu 14(1) sa (4) u l-Artikolu 14(6) għandhom jintbagħtu lill-kumitat ta’ koordinazzjoni. Il-kumitat għandu, fi żmien perjodu ta’ xahar wara s-sottomissjoni tal-ilment, jikkunsidra l-kwistjoni u jekk possibbli jagħmel proposti lill-koordinatur biex jipprova jsolvi l-problema. Jekk l-ilment ma jkunx jista’ jiġi solvut, l-Istat Membru responsabbli jista’, f’perjodu ieħor ta’ xahrejn, jipprevedi medjazzjoni permezz ta’ organizzazzjoni rappreżentattiva tat-trasportaturi tal-ajru jew tal-ajruport jew parti terza oħra.”; |
(6) |
fl-Artikolu 12a, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Is-setgħa li tadotta atti delegati kif imsemmi fl-Artikolu 10a għandha tingħata lill-Kummissjoni sat-28 ta’ Ottubru 2023.”; |
(7) |
fl-Artikolu 14, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej: “6. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(4) u (4a), jekk ir-rata ta’ użu ta’ 80 % kif definita fl-Artikolu 8(2) ma tkunx tista’ tinkiseb minn trasportatur tal-ajru, il-koordinatur jista’ jiddeċiedi li jirtira mingħand dak it-trasportatur tal-ajru s-serje tas-slots inkwistjoni għall-bqija tal-perjodu tal-iskedar u jqegħedhom fil-ġabra tas-slots li jkun sema’ lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(4) u (4a), jekk wara ħin allokat li jikkorrispondi għal 20 % tal-perjodu tal-validità tas-serje, ma tintuża ebda slot ta’ dik is-serje, il-koordinatur għandu jqiegħed is-serje tas-slots inkwistjoni fil-ġabra tas-slots għall-bqija tal-perjodu ta’ skedar wara li jkun sema’ lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat. Matul il-perjodu mit-30 ta’ Ottubru 2022 sat-28 ta’ Ottubru 2023, meta koordinatur jiddetermina, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu, li trasportatur tal-ajru waqqaf l-operat tiegħu f’ajruport u ma għadux jista’ jopera s-slots li jkunu ġew allokati lilu, il-koordinatur għandu jirtira s-serje tas-slots inkwistjoni mingħand dak it-trasportatur tal-ajru għall-bqija tal-perjodu ta’ skedar u jqegħedhom fil-ġabra tas-slots, wara li jkun sema’ lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat. Matul il-perjodu mit-30 ta’ Ottubru 2022 sat-28 ta’ Ottubru 2023, meta koordinatur jiddetermina, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu, li trasportatur tal-ajru li jkun soġġett għall-miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 29 TUE jew l-Artikolu 215 TFUE, inkluż dawk fis-seħħ fis-26 ta’ Ottubru 2022, jew li trasportatur tal-ajru li jkun soġġett għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni u jkun elenkat fl-Anness A jew B tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, ma jkunx jista’ jopera slots għal parti sostanzjali tal-perjodu ta’ skedar, il-koordinatur għandu, wara li jkun sema’ lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat, jirtira s-serje tas-slots inkwistjoni mingħand dak it-trasportatur tal-ajru għall-bqija tal-perjodu ta’ skedar u jqegħedhom fil-ġabra tas-slots. Madankollu, meta trasportatur tal-ajru jkun soġġett għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni u jkun elenkat fl-Anness A jew B tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, u jitħalla jopera inġenji tal-ajru mikrija bl-ekwipaġġ ta’ trasportatur tal-ajru li l-operat tiegħu ma jkunx imfixkel minn tali miżuri restrittivi u li ma jkunx soġġett għal tali projbizzjoni fuq l-operat, ir-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika għas-slots ta’ dak it-trasportatur, dment li jkun hemm konformità mar-regoli tas-sikurezza applikabbli fl-Unjoni.”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Ottubru 2022.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. BEK
(1) Opinjoni tat-22 ta’ Settembru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Ottubru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2022.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006 tat-22 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità skont il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 84, 23.3.2006, p. 14).