Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1959

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1959 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu mudell kuntrattwali għall-kuntratti ta’ likwidità għall-ishma ta’ emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/4836

    ĠU L 270, 18.10.2022, p. 4–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1959/oj

    18.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 270/4


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1959

    tat-13 ta’ Lulju 2022

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu mudell kuntrattwali għall-kuntratti ta’ likwidità għall-ishma ta’ emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (ir-Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(13), it-tielet subparagrafu tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 13(12) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jipprevedi li l-emittenti ta’ strumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs jistgħu jidħlu f’kuntratt ta’ likwidità għall-ishma tagħhom meta dawn il-kuntratti jikkonformaw ma’, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ prattiki tas-suq aċċettati stipulati fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-Regolament. Dawn il-kundizzjonijiet jiżguraw li l-kuntratti ta’ likwidità jistabbilixxu livell għoli ta’ salvagwardji għall-operat tal-forzi tas-suq u għall-interazzjoni xierqa tal-forzi tal-provvista u d-domanda, li jkollhom impatt pożittiv fuq il-likwidità u l-effiċjenza tas-suq u ma joħolqux riskji għall-integrità tas-swieq relatati. Il-mudell kuntrattwali għall-kuntratti ta’ likwidità pprovdut fih, li għandu l-għan li jiżgura l-konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet, jistabbilixxi l-elementi minimi li għandu jkun fih kuntratt ta’ likwidità, inkluż fir-rigward tat-trasparenza għas-suq u l-prestazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-likwidità. Il-partijiet huma liberi li jdaħħlu klawżoli addizzjonali biex jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-każ individwali, skont il-libertà kuntrattwali tagħhom.

    (2)

    Ir-riżorsi ta’ emittent ta’ strumenti finanzjarji li huma ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs u li huma allokati għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ likwidità għall-ishma ta’ dan l-emittent jenħtieġ li jkunu immedjatament identifikabbli. Għaldaqstant il-kuntratt ta’ likwidità jenħtieġ li jipprevedi l-ftuħ ta’ kont ta’ likwidità apposta. Tali kont ta’ likwidità apposta huwa meħtieġ biex tiġi mmonitorjata l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ likwidità u biex jiġi żgurat li n-negozjar imwettaq għall-finijiet tal-kuntratt ta’ likwidità jkun separat minn attivitajiet oħra ta’ negozjar imwettqa mill-fornitur tal-likwidità, u b’hekk jiġi minimizzat r-riskju tal-kunflitti ta’ interess. Dan il-kont ta’ likwidità jenħtieġ li jingħata ammont ta’ riżorsi fi flus u f’ishma li jenħtieġ li jiġu speċifikati fil-kuntratt ta’ likwidità. L-uniku skop ta’ dawn ir-riżorsi jenħtieġ li jkun l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ likwidità.

    (3)

    Ir-riżorsi allokati għall-kuntratt ta’ likwidità (il-“limiti tar-riżorsi”) għandhom ikunu proporzjonali għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. Għall-istess raġuni, in-negozjar mill-fornitur tal-likwidità jenħtieġ li jkun soġġett għal limiti ta’ prezz u volum, li, flimkien mal-limiti tar-riżorsi, jimminimizzaw ir-riskju li l-provvista ta’ likwidità tirriżulta f’bidliet artifiċjali fil-prezz tal-ishma u, fl-istess ħin, tippromwovi negozjar regolari tal-ishma illikwidi.

    (4)

    Skont prattiki tas-suq preċedenti aċċettati dwar il-kuntratti ta’ likwidità, l-awtoritajiet kompetenti analizzaw il-fatturat medju tan-negozjar tal-ishma elenkati fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Din l-analiżi wriet li l-limiti tar-riżorsi jenħtieġ li jiddependu fuq il-profil tal-likwidità tal-ishma kkonċernati (likwidi vs mhux likwidi) u jieħdu inkonsiderazzjoni l-attività tan-negozjar li sseħħ fis-suq ikkonċernat. Abbażi ta’ din l-analiżi, huwa xieraq li l-kuntratt ta’ likwidità jipprevedi l-limiti tar-riżorsi li jkunu stabbiliti bħala perċentwal tal-fatturat medju ta’ kuljum għas-sehem ikkonċernat, b’tali perċentwal jkun kkalibrat abbażi tal-profil tal-likwidità tas-sehem u jiġi limitat sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv mill-kuntratt ta’ likwidità fuq l-integrità tas-suq u fuq il-funzjonament ordnat tas-suq. Sabiex ikun hemm provvediment effettiv ta’ likwidità fejn il-fatturat medju ta’ kuljum ikun baxx, jenħtieġ li japplika limitu uniku għar-riżorsi tal-kuntratt ta’ likwidità.

    (5)

    Il-limiti tal-prezzijiet għandhom jiżguraw li l-attività ta’ negozjar tal-fornitur tal-likwidità mwettqa fil-qafas tal-kuntratt ta’ likwidità ma twassalx għal bidliet artifiċjali fil-prezzijiet tal-ishma meta jkun hemm interess kummerċjali indipendenti disponibbli.

    (6)

    Il-limiti tal-volum għandhom jiżguraw li n-negozji mwettqa mill-fornitur tal-likwidità ma jaqbżux il-perċentwal massimu tal-fatturat medju ta’ kuljum għal ishma illikwidi u likwidi. Huwa xieraq li l-kalkolu ta’ tali fatturat medju ta’ kuljum ikun ibbażat fuq l-20 jum ta’ negozjar li jippreċedu l-jum ta’ negozjar. Dan il-kalkolu jirrappreżenta b’mod xieraq in-negozjar fis-sehem ikkonċernat, minħabba li jipprovdi stampa fuq terminu medju, u jassorbi l-effett tan-negozjar massimu fuq sessjoni waħda jew xi sessjonijiet ta’ negozjar.

    (7)

    Sabiex jitnaqqsu r-riskji tal-abbuż tas-suq, f’ċirkostanzi normali tas-suq, il-kuntratt ta’ likwidità għandu jipprevedi li l-fornitur tal-likwidità jdaħħal ordnijiet għan-negozjar fuq iż-żewġ naħat tal-ktieb tal-ordnijiet, ħlief f’każijiet eċċezzjonali li jimpedixxu l-funzjonament normali tas-suq. Għall-istess raġuni, l-ordnijiet li huma ta’ skala kbira u t-tranżazzjonijiet innegozjati jenħtieġ li jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt ta’ likwidità, dment li jiġu ssodisfati ċerti kondizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-ordnijiet u li dawn in-negozji jseħħu f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali. Tali sitwazzjonijiet eċċezzjonali jistgħu jseħħu meta, f’mument speċifiku, il-proporzjon bejn ir-riżorsi fi flus u l-ishma disponibbli għall-fornitur tal-likwidità ma jkunx jippermetti li dan tal-aħħar jipprovdi likwidità skont il-kuntratt.

    (8)

    Il-kuntratt ta’ likwidità jenħtieġ li jobbliga lill-fornitur tal-likwidità biex iwettaq il-kuntratt ta’ likwidità tiegħu indipendentement mill-emittent tas-sehem ikkonċernat u mid-deċiżjonijiet ta’ negozjar ta’ postijiet tan-negozjar, gruppi jew unitajiet oħra fi ħdan il-fornitur tal-likwidità, li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ negozjar fuq dak is-sehem jew fuq strumenti finanzjarji li l-prezz jew il-valur tagħhom jiddependi jew ikollu effett fuq il-prezz jew il-valur tas-sehem ikkonċernat. Tali indipendenza tal-fornitur tal-likwidità hija meħtieġa biex jiġu evitati r-riskji għall-integrità tas-suq.

    (9)

    Sabiex jiġi evitat kull riskju għall-integrità u l-funzjonament ordnat tas-suq tat-tkabbir tal-SMEs ikkonċernat, ir-remunerazzjoni varjabbli tal-fornitur tal-likwidità jenħtieġ li tkun limitata. Barra minn hekk, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, jenħtieġ li tali limiti japplikaw b’mod konsistenti għall-kuntratti ta’ likwidità kollha li jsiru mill-emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom huma ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs. Madankollu, il-limiti massimi għall-parti varjabbli tar-remunerazzjoni jenħtieġ li jkunu ffissati b’perċentwal raġonevoli tar-remunerazzjoni totali, biex ikunu ta’ inċentiv għall-fornitur tal-likwidità biex jeżegwixxi l-kuntratt b’mod xieraq, mingħajr ma jkunu tant sostanzjali li jinċentivaw imġiba li tista’ toħloq riskju għall-integrità u l-funzjonament ordnat tas-suq ikkonċernat.

    (10)

    It-trasparenza fir-rigward tal-kuntratti ta’ likwidità tiżgura l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investituri. Sabiex parteċipanti oħra tas-suq ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata dwar l-ishma soġġetti għall-kuntratt ta’ likwidità, il-kuntratt ta’ likwidità jenħtieġ li jipprevedi obbligi ta’ trasparenza li jkopru l-istadji varji tal-forniment ta’ likwidità, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ta’ likwidità, kemm idum fis-seħħ u wara t-terminazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tiġi identifikata parti waħda li se tkun inkarigata mill-obbligi ta’ trasparenza. Sabiex ikun aktar faċli għall-pubbliku li jiġbor informazzjoni dwar l-ishma kkonċernati, din il-parti jenħtieġ li tkun l-emittent, u dan jenħtieġ li jippubblika l-informazzjoni rilevanti fuq is-sit web tiegħu.

    (11)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

    (12)

    L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Mudell għall-kuntratt ta’ likwidità

    Għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ likwidità kif imsemmi fl-Artikolu 13(12) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-emittenti ta’ strumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs wieħed jew aktar għandhom jużaw il-mudell stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    ANNESS

    Mudell għal kuntratt ta’ likwidità

    KUNTRATT TA’ LIKWIDITÀ

    Dan il-kuntratt ta’ likwidità (il-“kuntratt”) sar fi [data]

    bejn

    [isem il-kumpanija],

    kumpanija b’kapital tal-ishma ta’ […] [EUR/munita nazzjonali], li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi [indirizz], mdaħħla fir-reġistru tal-kumpaniji ta’ [belt/pajjiz] bin-numru […], irrappreżentata minn […],

    (“emittent”)

    kif ukoll

    [l-isem tal-kumpanija], kumpanija b’kapital tal-ishma ta’ […] [EUR/munita nazzjonali], li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi [indirizz], awtorizzata mill-[awtorità kompetenti nazzjonali], in-numru ta’ referenza […] u mdaħħla fir-reġistru tal-kumpaniji ta’ [belt/pajjiż] bin-numru […], irrappreżentata minn […],

    (“fornitur tal-likwidità”)

    (minn hawn ’il quddiem konġuntement imsejħin il-“partijiet”)

    Il-Partijiet qegħdin jiftiehmu kif ġej:

    1.   DEFINIZZJONIJIET

    F’dan il-kuntratt [u fl-emendi kollha tiegħu], il-kliem u l-espressjonijiet li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin:

    (a)

    “suq” tfisser is-Suq tat-Tkabbir tal-SMEs li fih l-ishma tal-emittent huma ammessi għall-elenkar u n-negozjar u li fih jiġi eżegwit il-kuntratt, jiġifieri [l-isem tas-Suq/Swieq tat-Tkabbir tal-SMEs];

    (b)

    “ishma” tfisser il-kapital azzjonarju tal-emittent ta’ [EUR/munita nazzjonali], […], ammess għall-elenkar u għan-negozjar fis-suq u maqsum f’[…] ishma b’valur pari ta’ […] bl-ISIN(s) li ġej(jin): […];

    (c)

    “kont tal-likwidità”: kont apposta [numru …] miftuħ mill-fornitur tal-likwidità f’isem l-emittent;

    (d)

    “fatturat medju ta’ kuljum” tfisser il-fatturat totali tal-ishma rilevanti diviż b’20 fejn il-fatturat totali tal-ishma kkonċernati għandu jiġi kkalkulat billi jingħaddu flimkien ir-riżultati tal-multiplikazzjoni, għal kull tranżazzjoni mwettqa matul l-20 jum ta’ negozjar preċedenti fis-suq tat-tkabbir tal-SMEs ikkonċernat, l-għadd ta’ ishma skambjati bejn ix-xerrejja u l-bejjiegħa bil-prezz unitarju applikabbli għal tali tranżazzjoni;

    (e)

    “ishma likwidi” tfisser ishma li għandhom suq likwidu kif imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/567 (1).

    (f)

    “ishma illikwidi” tfisser ishma li ma għandhomx suq likwidu skont l-Artikoli 1 u 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/567;

    2.   OBBLIGI TAL-FORNITUR TAL-LIKWIDITÀ

    2.1.   Awtorizzazzjoni

    Il-fornitur tal-likwidità, b’dan, jirrappreżenta u jiggarantixxi li l-emittent huwa debitament awtorizzat mill-[awtorità kompetenti nazzjonali] biex iwettaq l-attività ta’ [servizz finanzjarju] u li huwa membru rreġistrat tas-suq. Il-fornitur tal-likwidità jintrabat li jżomm l-awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti u s-sħubija fis-suq għat-tul kollu tal-kuntratt.

    [Obbligi addizzjonali]

    2.2.   Indipendenza tal-fornitur tal-likwidità

    2.2.1.

    Il-fornitur tal-likwidità għandu, fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, jaġixxi indipendentement mill-emittent.

    2.2.2.

    Il-fornitur tal-likwidità għandu jkollu fis-seħħ miżuri biex jiżgura li d-deċiżjonijiet ta’ negozjar relatati ma’ dan il-kuntratt jibqgħu indipendenti mid-deċiżjonijiet ta’ negozjar ta’ postijiet, gruppi jew unitajiet oħra ta’ negozjar li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tal-likwidità, involuti f’attivitajiet ta’ negozjar fuq ishma jew fuq strumenti finanzjarji li l-prezz jew il-valur tagħhom jiddependi jew ikollu effett fuq il-prezz jew il-valur tal-ishma taħt il-mandat tal-fornitur tal-likwidità skont dan il-kuntratt, inklużi ordnijiet għal negozjar li jaslu mingħand klijenti, mill-maniġment tal-portafolji jew ordnijiet magħmula f’ismu stess.

    2.2.3.

    Il-fornitur tal-likwidità għandu jżomm struttura u kontrolli interni xierqa li jiżguraw l-indipendenza tal-persunal tiegħu inkarigat min-negozjar skont dan il-kuntratt minn postijiet, gruppi jew unitajiet oħra tan-negozjar involuti f’attivitajiet ta’ negozjar imwettqa mill-fornitur tal-likwidità.

    2.3.   Kunflitti ta’ interess

    Il-fornitur tal-likwidità għandu jkollu fis-seħħ miżuri xierqa biex jipprevjeni u jiġġestixxi kunflitti ta’ interess li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

    2.4.   Il-kont tal-likwidità

    2.4.1.

    Il-fornitur tal-likwidità għandu jiftaħ kont tal-likwidità b’riżorsi fi flus u/jew ishma allokati mill-emittent għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ likwidità.

    2.4.2.

    Il-fornitur tal-likwidità għandu jirreġistra t-tranżazzjonijiet kollha mwettqa skont dan il-kuntratt, u dawk it-tranżazzjonijiet biss fil-kont tal-likwidità.

    2.4.3.

    Il-fornitur tal-likwidità għandu juża r-riżorsi allokati għall-kont tal-likwidità esklussivament għall-fini tal-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu skont dan il-kuntratt ta’ likwidità.

    2.4.4.

    Il-fornitur tal-likwidità ma għandux il-faċilità ta’ overdraft mill-kont tal-likwidità, la fir-rigward ta’ flus u lanqas ta’ ishma, u għandu jiżgura li dawn ir-riżorsi jkunu konformi mal-limiti msemmija fil-punt 3.3 tat-tieni paragrafu.

    2.4.5.

    Il-fornitur tal-likwidità għandu jagħlaq il-kont tal-likwidità meta l-kuntratt ikun skada jew ġie terminat, wara li jkun ittrasferixxa immedjatament il-flus jew l-ishma kollha miżmuma fil-kont ta’ likwidità lejn il-kont(ijiet) magħżul(in) mill-emittent.

    2.5.   Ordnijiet għax-xiri u l-bejgħ

    2.5.1.

    Il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li jdaħħal l-ordnijiet biex jixtri u jbigħ l-ishma fis-suq bl-uniku għan li jtejjeb il-likwidità tagħhom u jtejjeb ir-regolarità tan-negozjar f’dawn l-ishma, jew biex jevita bidliet fil-prezzijiet li mhumiex ġustifikati mix-xejra attwali tas-suq. Il-fornitur tal-likwidità għandu jdaħħal l-ordnijiet għan-negozjar fuq iż-żewġ naħat tar-reġistru tal-ordnijiet.

    2.5.2.

    Il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li ma jdaħħalx ordnijiet li permezz tagħhom jitqarrqu partijiet terzi.

    2.5.3.

    Il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li ma jbiddilx il-prezzijiet fis-suq fejn ikun hemm interess ta’ negozjar minn postijiet, gruppi jew unitajiet ta’ negozjar indipendenti involuti f’attivitajiet ta’ negozjar oħra tal-fornitur tal-likwidità, jew minn partijiet terzi indipendenti. Għal ordnijiet ta’ xiri, il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li jagħmel ordnijiet relatati mal-ishma li huma bi prezz li ma jaqbiżx l-ogħla ordni ta’ offerta indipendenti fir-reġistru jew fl-aħħar negozjar indipendenti, skont liema minnhom ikun l-ogħla. Għal ordnijiet ta’ bejgħ, il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li jagħmel ordnijiet relatati mal-ishma li jkunu bi prezz li ma jkunx inqas mill-ordni ta’ rikjesta indipendenti l-aktar baxxa fir-reġistru jew fl-aħħar negozjar indipendenti, skont liema minnhom tkun l-inqas.

    2.5.4.

    L-obbligu li jiddaħħlu l-ordnijiet għan-negozjar fuq iż-żewġ naħat tar-reġistru tal-ordnijiet imsemmi fil-punt 2.5.1 ma għandu japplika fl-ebda waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a)

    f’sitwazzjoni ta’ volatilità li tikkawża mekkaniżmi ta’ volatilità għas-sehem li jkun soġġett għall-kuntratt ta’ likwidità, jew f’sitwazzjoni ta’ volatilità estrema li tikkawża mekkaniżmi ta’ volatilità għall-biċċa l-kbira tal-istrumenti finanzjarji nnegozjati fis-suq;

    (b)

    fi gwerra, azzjoni industrijali, inkwiet ċivili jew sabotaġġ ċibernetiku;

    (c)

    għal kundizzjonijiet diżordinati ta’ negozjar fejn iż-żamma ta’ eżekuzzjoni ġusta, ordnata u trasparenti ta’ negozjar tkun kompromessa u fejn il-fornitur tal-likwidità jkun jista’ jipprovdi evidenza ta’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    il-prestazzjoni tas-sistema tas-suq ġiet affettwata b’mod sinifikanti minn dewmien u interruzzjonijiet;

    (ii)

    li seħħew diversi ordnijiet jew tranżazzjonijiet żbaljati;

    (iii)

    li l-kapaċità tas-suq li jipprovdi servizzi saret insuffiċjenti.

    2.6.   Attività ta’ negozjar ta’ kuljum

    2.6.1.

    Il-fornitur tal-likwidità, meta jkun qed jinnegozja, ma għandux jaqbeż dawn il-volumi ta’ kuljum li ġejjin:

    (a)

    għall-ishma illikwidi: 25 % tal-fatturat medju ta’ kuljum;

    (b)

    għall-ishma likwidi: 15 % tal-fatturat medju ta’ kuljum.

    Meta l-volum stabbilit fil-punt (a) ma jippermettix li l-fornitur tal-likwidità jipprovdi likwidità b’mod effettiv, il-fornitur tal-likwidità jista’ japplika limitu massimu wieħed ta’ EUR 20 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali ddeterminat bl-applikazzjoni tar-rata tal-kambju ta’ referenza tal-euro tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti.

    2.6.2.

    L-ordnijiet il-kbar u t-tranżazzjonijiet innegozjati kif imsemmi fl-Artikolu 4(1), il-punti (b) u (c), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u fl-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 (3) għandhom ikunu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ likwidità, dment li dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    jiġu eżegwiti fuq il-post;

    (b)

    ikunu konformi mar-regoli tas-suq;

    (c)

    iseħħu f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

    Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c), il-fornitur tal-likwidità jista’ jaqbeż il-limiti stabbiliti fil-punt 2.6.1 għal dak il-jum ta’ negozjar.

    2.7.   Iż-żamma tar-rekords

    2.7.1.

    Il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li jżomm rekords adegwati tal-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet relatati mal-kuntratt għal ħames snin.

    2.7.2.

    Il-fornitur tal-likwidità jimpenja ruħu li jżomm għal ħames snin id-dokumentazzjoni li turi li l-ordnijiet introdotti qed jiddaħħlu separatament u individwalment mingħajr l-aggregazzjoni ta’ ordnijiet minn klijenti oħra jew mill-attività ta’ negozjar tiegħu f’ismu stess, u li jivverifika tali dokumentazzjoni permezz tal-funzjoni ta’ konformità jew ta’ funzjoni oħra ta’ kontroll intern.

    2.8.   Verifika u konformità

    Il-fornitur tal-likwidità jiggarantixxi li jkollu riżorsi ta’ konformità u awditjar biex jimmonitorja u jiżgura f’kull ħin il-konformità mal-qafas leġiżlattiv applikabbli u mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kuntratt.

    2.9.   Trasparenza

    Il-fornitur tal-likwidità jintrabat li jipprovdi lill-emittent bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex l-emittent ikun jista’ jikkonforma mal-obbligi ta’ trasparenza tiegħu fir-rigward tal-pubbliku u tal-[awtorità kompetenti nazzjonali].

    3.   OBBLIGI TAL-EMITTENT

    3.1.   Indipendenza tal-fornitur tal-likwidità

    L-emittent ma għandu jeżerċita l-ebda influwenza fuq il-fornitur tal-likwidità fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ likwidità.

    3.2.   Trasparenza

    3.2.1.

    L-emittent għandu minnufih jipprovdi lill-[awtorità kompetenti nazzjonali] rilevanti b’kopja ta’ dan il-kuntratt fuq talba tagħha.

    3.2.2.

    L-emittent jimpenja ruħu li jiżvela u li jaġġorna regolarment fuq is-sit web tiegħu l-informazzjoni kollha li ġejja. [L-informazzjoni se tiġi żvelata wkoll fuq is-sit web tal-fornitur tal-likwidità u/jew fuq is-sit web tas-suq jew b’mezzi oħra].

    (a)

    qabel ma jibda japplika dan il-kuntratt:

    (i)

    l-identità tal-emittent u l-fornitur tal-likwidità;

    (ii)

    l-identifikazzjoni tal-ishma li huma s-suġġett ta’ dan il-kuntratt;

    (iii)

    id-data ta’ meta jibda dan il-kuntratt u t-tul ta’ żmien tiegħu, u s-sitwazzjonijiet jew il-kundizzjonijiet li jwasslu għall-interruzzjoni temporanja, is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tiegħu;

    (iv)

    l-identifikazzjoni tas-suq li fih se jitwettqu l-obbligi stabbiliti f’dan il-kuntratt, u, fejn applikabbli, indikazzjoni tal-possibbiltà li jiġu eżegwiti tranżazzjonijiet skont il-punt 2.6.2 ta’ dan il-kuntratt;

    (v)

    riżorsi fi flus kontanti u ishma allokati għal dan il-kuntratt fil-kont tal-likwidità;

    (b)

    waqt l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt:

    (i)

    fuq bażi semiannwali, ċifri aggregati għal kull jum tal-attività ta’ negozjar eżegwita skont dan il-kuntratt, inkluż:

    l-għadd ta’ tranżazzjonijiet eżegwiti;

    il-volum innegozjat;

    id-daqs medju tat-tranżazzjonijiet u l-firxiet medji kkwotati;

    il-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet eżegwiti;

    (ii)

    kwalunkwe bidla fl-informazzjoni żvelata preċedentement dwar il-kuntratt ta’ likwidità, bidliet relatati mal-ammont ta’ flus u l-għadd ta’ ishma allokati mill-emittent;

    (c)

    wara t-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt:

    (i)

    il-fatt li l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt tkun waqfet;

    (ii)

    id-deskrizzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt;

    (iii)

    ir-raġunijiet għal din it-terminazzjoni;

    (iv)

    meta jiskadi l-kuntratt, l-informazzjoni relatata mal-iskadenza tiegħu.

    3.3.   Il-limiti tar-riżorsi allokati għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt

    L-emittent għandu jalloka riżorsi fi flus jew ishma fil-kont tal-likwidità li jkunu proporzjonati u adattati għall-objettiv biex tittejjeb il-likwidità. Dak l-ammont għandu jkun [XXX u XXX, rispettivament fi flus u ishma],

    L-emittent għandu jiżgura li l-allokazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi ma taqbiżx il-limiti li ġejjin:

    (a)

    għall-ishma illikwidi: 500 % tal-fatturat medju ta’ kuljum tas-sehem, b’limitu massimu ta’ EUR 1 miljun;

    (b)

    għall-ishma likwidi: 200 % tal-fatturat medju ta’ kuljum tas-sehem, b’limitu massimu ta’ EUR 20 miljun.

    Fejn il-limitu ta’ 500 % stabbilit fil-punt (a) ma jippermettix li l-fornitur tal-likwidità jipprovdi likwidità b’mod effettiv, jista’ jiġi applikat limitu wieħed ta’ EUR 500 000.

    Għal emittenti li jinsabu fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali għandu jiġi ddeterminat bl-applikazzjoni tar-rata tal-kambju ta’ referenza tal-euro tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-31 ta’ Diċembru tas-sena li tippreċedi d-data ta’ dan il-kuntratt.

    3.4.   Remunerazzjoni tal-fornitur tal-likwidità

    Bħala remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti f’dan il-kuntratt, l-emittent jimpenja ruħu li jħallas lill-fornitur tal-likwidità [speċifika l-ammont] u [speċifika l-perċentwal] ta’ [speċifika r-remunerazzjoni, il-kriterji għall-kalkolu tar-remunerazzjoni varjabbli, li ma tistax taqbeż il-15 % tar-remunerazzjoni totali, kif ukoll it-tariffi u l-frekwenza tal-pagamenti].

    4.   IS-SOSPENSJONI TEMPORANJA JEW IR-RESTRIZZJONI TA’ DAN IL-KUNTRATT

    4.1.   [Is-sitwazzjonijiet li fihom, jew il-kundizzjonijiet li fihom, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tista’ tiġi sospiża jew ristretta temporanjament]

    5.   TERMINI U KUNDIZZJONIJIET KUNTRATTWALI OĦRAJN

    5.1.   [Il-partijiet huma liberi li jdaħħlu klawżoli addizzjonali fil-mudell kuntrattwali biex jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-każ individwali, f’konformità mal-libertà kuntrattwali tal-partijiet (pereż. il-liġi li tirregola l-kuntratt, il-kunfidenzjalità, it-tul ta’ żmien, it-terminazzjoni, it-tiġdid, il-ġurisdizzjoni u kwalunkwe dispożizzjoni addizzjonali oħra li tkopri l-ispeċifiċitajiet tal-każ individwali)]

    6.   SOTTOMISSJONI TAL-ABBOZZ TAL-KUNTRATT

    L-emittent issottometta abbozz ta’ dan il-kuntratt lil [operatur tas-suq], li aċċetta t-termini u l-kundizzjonijiet tal-abbozz tal-kuntratt. L-emittent b’dan jikkonferma li t-termini u l-kundizzjonijiet li jinsabu f’dan il-kuntratt huma identiċi għal dawk fl-abbozz tal-kuntratt li [l-operatur tas-suq] jkun aċċetta.

    B’xhieda ta’ dan, dan il-kuntratt daħal fis-seħħ nhar [jum], [month] u [sena].

    IFFIRMAT MINN

    L-emittent

    [isem]

    għal u f’isem

    [isem]

    Il-fornitur tal-likwidità

    [isem]

    għal u f’isem

    [isem]


    (1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/567 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-definizzjonijiet, it-trasparenza, il-kompressjoni ta’ portafolli u l-miżuri superviżorji fuq l-intervent fuq prodotti u pożizzjonijiet (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 90).

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta’ trasparenza għaċ-ċentri tan-negozjar u ditti ta’ investiment fir-rigward ta’ ishma, irċevuti depożitarji, fondi nnegozjati fil-boroż, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħrajn u dwar obbligi ta’ eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni fir-rigward ta’ ċertu ishma f’ċentru tan-negozjar jew minn internalizzaturi sistematiċi (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 387).


    Top