Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1637

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1637 tal-5 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 fir-rigward tal-użu ta’ dokumenti fil-kuntest tal-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u ta’ moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa wara r-rilaxx għall-konsum, u tiġi stabbilita l-formola li għandha tintuża għaċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni

    C/2022/4497

    ĠU L 247, 23.9.2022, p. 57–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 13/02/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1637/oj

    23.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 247/57


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1637

    tal-5 ta’ Lulju 2022

    li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 fir-rigward tal-użu ta’ dokumenti fil-kuntest tal-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u ta’ moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa wara r-rilaxx għall-konsum, u tiġi stabbilita l-formola li għandha tintuża għaċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 12(3), 29(2), u 43(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva (UE) 2020/262 jirrikjedi li l-oġġetti soġġetti għas-sisa li jiċċaqalqu bejn l-Istati Membri taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u soġġetti għall-eżenzjoni mill-ħlas tad-dazju tas-sisa jkunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ eżenzjoni. Il-formula taċ-ċertifikat jenħtieġ li tiġi stabbilita.

    (2)

    F’konformità mal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva (UE) 2020/262, l-Istati Membri jistgħu jużaw iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni biex ikopru oqsma oħra ta’ tassazzjoni indiretta. Sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni uniformi bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri qabel il-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa eżentata mill-ħlas tad-dazju tas-sisa mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar in-notifika tal-użu taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni mis-sisa għal oqsma oħra ta’ tassazzjoni indiretta.

    (3)

    Peress li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 31/96 (2) jistabbilixxi regoli dwar iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni mid-dazju tas-sisa, dan jeħtieġ li jiġi sostitwit.

    (4)

    Id-Direttiva (UE) 2020/262 tirrikjedi li l-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju jkunu koperti mid-dokument amministrattiv elettroniku, skambjat permezz tas-sistema kompjuterizzata, imsemmija fid-Deċiżjoni (UE) 2020/263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Dik id-Direttiva tirrikjedi wkoll l-użu ta’ dokumenti ta’ riżerva f’każijiet fejn dik is-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli fl-Istat Membru tad-dispaċċ. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri għall-iskambji tad-dokumenti amministrattivi elettroniċi permezz tas-sistema kompjuterizzata fil-kuntest tal-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa u tad-dokumenti ta’ riżerva.

    (5)

    Id-Direttiva (UE) 2020/262 tirrikjedi li l-movimenti ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa rrilaxxati għall-konsum fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u li jiġu trasferiti lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jitwasslu hemmhekk għal finijiet kummerċjali, ikunu koperti mid-dokument amministrattiv elettroniku simplifikat, skambjat permezz tas-sistema kompjuterizzata, imsemmija fid-Deċiżjoni (UE) 2020/263. Dik id-Direttiva tirrikjedi wkoll l-użu ta’ dokumenti ta’ riżerva f’każijiet fejn dik is-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli fl-Istat Membru tad-dispaċċ. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri għall-iskambji tad-dokumenti amministrattivi elettroniċi simplifikati permezz tas-sistema kompjuterizzata fil-kuntest tal-moviment ta’ oġġetti li għandhom jiġu kkonsenjati għal finijiet kummerċjali u d-dokumenti ta’ riżerva.

    (6)

    L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 12, l-Artikoli 20 sa 22 u l-Artikoli 36 sa 37 tad-Direttiva (UE) 2020/262 mit-13 ta’ Frar 2023. Peress li dan ir-Regolament jimplimenta d-Direttiva (UE) 2020/262, jenħtieġ li japplika wkoll minn dik id-data.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ċertifikat ta’ eżenzjoni

    1.   Il-formola li trid tintuża għaċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni msemmi fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva (UE) 2020/262 (“iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni”) hija stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Meta jużaw iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva (UE) 2020/262, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan u jipprovdulha l-informazzjoni meħtieġa.

    3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom responsabbli għat-timbrar taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni mit-taxxa.

    4.   L-Istati Membri, li jiddispensaw mill-obbligu tad-destinatarju li jkollu ċ-ċertifikat ittimbrat, kif stabbilit fil-punt (14) tan-noti ta’ spjegazzjoni tal-Anness, għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri l-informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafi 2, 3 u 4, mhux aktar tard minn xahar (1) mid-data tal-wasla tal-informazzjoni msemmija.

    Artikolu 2

    Formalitajiet qabel il-bidu tal-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa skont ftehim ta’ sospensjoni tad-dazju

    Konsenjatur li jixtieq jibgħat oġġetti soġġetti għas-sisa skont arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju għandu jimla l-kampijiet tal-abbozz tad-dokument amministrattiv elettroniku, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1636 (4), u jressqu quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ kif imsemmi fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva (UE) 2020/262.

    Dak l-abbozz tad-dokument amministrattiv għandu jitressaq mhux qabel 7 ijiem qabel id-data indikata f’dak id-dokument bħala d-data tad-dispaċċ tal-oġġetti soġġetti għas-sisa kkonċernati.

    Artikolu 3

    Kanċellazzjoni tad-dokument amministrattiv elettroniku

    1.   Konsenjatur li jixtieq jikkanċella d-dokument amministrattiv elettroniku, f’konformità mal-Artikolu 20(6) tad-Direttiva (UE) 2020/262, għandu jressaq il-messaġġ ta’ kanċellazzjoni tal-abbozz msemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1636 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ għandhom iwettqu verifika elettronika tad-data fl-abbozz tal-messaġġ ta’ kanċellazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.

    Meta d-data fl-abbozz tal-bidla tal-messaġġ fid-destinazzjoni tkun valida, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-dispaċċ għandhom iżidu d-data u l-ħin tal-validazzjoni mal-messaġġ ta’ kanċellazzjoni, jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-kunsinjatur u jgħaddu l-messaġġ tal-kanċellazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni.

    Meta d-data fl-abbozz tal-messaġġ ta’ kanċellazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ma tkunx valida, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ għandhom jinfurmaw lill-konsenjatur b’dan mingħajr dewmien.

    Meta l-konsenjatur ikun magazzinier awtorizzat jew konsenjatur irreġistrat, malli jirċievi l-messaġġ ta’ kanċellazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandhom jibagħtu l-messaġġ ta’ kanċellazzjoni lid-destinatarju.

    Artikolu 4

    Messaġġi li jikkonċernaw bidla fid-destinazzjoni jew bidla tad-destinatarju matul il-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa skont arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju

    1.   Meta konsenjatur ikun jixtieq jibdel id-destinazzjoni jew id-destinatarju kif imsemmi fl-Artikolu 20(7) tad-Direttiva (UE) 2020/262, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ għandhom iwettqu verifika elettronika tad-data fl-abbozz tal-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1636.

    Meta d-data tal-abbozz tal-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni tkun valida, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ għandhom:

    (a)

    iżidu d-data u l-ħin tal-validazzjoni u numru tas-sekwenza għall-abbozz tal-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni u jinfurmaw lill-konsenjatur b’dan;

    (b)

    jaġġornaw id-dokument amministrattiv elettroniku inizjali skont l-informazzjoni fl-abbozz tal-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni.

    2.   Meta l-aġġornament imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jinkludi bidla fl-Istat Membru tad-destinazzjoni jew bidla tad-destinatarju, l-Artikolu 20(4) jew 21(1) tad-Direttiva (UE) 2020/262 għandhom japplikaw fir-rigward tad-dokument amministrattiv elettroniku aġġornat.

    3.   Meta l-aġġornament imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jinkludi bidla fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ għandhom jibagħtu l-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni msemmi fid-dokument amministrattiv elettroniku oriġinali.

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandhom imbagħad jibagħtu l-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni lid-destinatarju msemmi fid-dokument amministrattiv elettroniku inizjali.

    4.   Meta l-aġġornament imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jinkludi bidla fid-destinatarju fl-istess Stat Membru tad-destinazzjoni bħal fid-dokument amministrattiv elettroniku inizjali, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandhom jinfurmaw lid-destinatarju msemmi fid-dokument amministrattiv elettroniku inizjali dwar il-bidla.

    5.   Meta l-aġġornament msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkun jinkludi bidla fil-post tal-konsenja msemmi fid-dokument elettroniku amministrattiv inizjali, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1636 mingħajr ma jkun hemm bidla la tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni u lanqas tad-destinatarju, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ għandhom jibagħtu l-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni msemmi fid-dokument amministrattiv elettroniku oriġinali. Malli jirċievu l-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni, l-awtoritajiet tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandhom jibagħtu l-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni lid-destinatarji.

    6.   Meta d-data fl-abbozz tal-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni ma tkunx valida, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ għandhom jinfurmaw lill-konsenjatur b’dan mingħajr dewmien.

    Artikolu 5

    Messaġġi dwar il-qsim tal-moviment ta’ prodotti tal-enerġija li jiċċaqalqu skont arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju

    1.   Konsenjatur li jixtieq jaqsam il-moviment tal-prodotti tal-enerġija skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva (UE) 2020/262 għandu jissottometti l-abbozz ta’ messaġġ tal-operazzjoni tal-qsim imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1636 għal kull destinazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ għandhom iwettqu verifika elettronika tad-data fl-abbozzi tal-messaġġi tal-operazzjonijiet tal-qsim.

    Fejn dik id-data hija valida, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-kunsinja għandhom:

    (a)

    jiġġeneraw dokument amministrattiv ġdid għal kull destinazzjoni, li għandu jissostitwixxi d-dokument amministrattiv elettroniku inizjali;

    (b)

    jiġġeneraw notifika ta’ qsim għad-dokument amministrattiv elettroniku inizjali;

    (c)

    jibagħtu n-notifika tal-qsim lill-kunsinjatur u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni msemmi fid-dokument amministrattiv elettroniku inizjali.

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(3), l-Artikolu 20(4), (5) u l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva (UE) 2020/262 għandhom japplikaw fir-rigward ta’ kull dokument amministrattiv elettroniku ġdid imsemmi fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni msemmija fid-dokument amministrattiv elettroniku inizjali għandhom jgħaddu n-notifika tal-qsim lid-destinatarju msemmi fid-dokument amministrattiv elettroniku inizjali.

    4.   Meta d-data fl-abbozz tal-messaġġ tal-operazzjoni tal-qsim ma tkunx valida, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ għandhom jinfurmaw lill-konsenjatur b’dan mingħajr dewmien.

    Artikolu 6

    Formalitajiet qabel il-bidu tal-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa wara r-rilaxx għall-konsum

    1.   Il-konsenjatur għandu jressaq l-abbozz tad-dokument amministrattiv elettroniku simplifikat imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1636 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ.

    2.   L-abbozz tad-dokument elettroniku amministrattiv simplifikat għandu jitressaq mhux aktar tard minn 7 ijiem qabel id-data indikata f’dak id-dokument bħala d-data tal-konsenja tal-oġġetti soġġetti għas-sisa kkonċernati

    Artikolu 7

    Messaġġi li jirrigwardaw bidla tad-destinazzjoni tal-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa wara r-rilaxx għall-konsum

    1.   Konsenjatur li jixtieq jibdel id-destinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 36(5) tad-Direttiva (UE) 2020/262, għandu jissottometti l-abbozz tal-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni msemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1636 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ għandhom iwettqu verifika elettronika tad-data fl-abbozz tal-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.

    Meta d-data tal-abbozz tal-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni tkun valida, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ għandhom:

    (a)

    iżidu d-data u l-ħin tal-validazzjoni u numru tas-sekwenza għall-abbozz tal-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni u jinfurmaw lill-konsenjatur b’dan;

    (b)

    jaġġornaw id-dokument amministrattiv elettroniku inizjali skont l-informazzjoni fl-abbozz tal-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni;

    (c)

    jibagħtu l-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni msemmi fid-dokument amministrattiv elettroniku simplifikat inizjali.

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandhom jibagħtu l-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni lid-destinatarju.

    3.   Meta d-data fl-abbozz tal-messaġġ tal-bidla fid-destinazzjoni ma tkunx valida, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ għandhom jinfurmaw lill-konsenjatur b’dan mingħajr dewmien.

    Artikolu 8

    Tħassir

    Ir-Regolament (KE) Nru 31/96 huwa mħassar.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mit-13 ta’ Frar 2023.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 31/96 tal-10 ta’ Jannar 1996 dwar iċ-ċertifikat tal-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa (ĠU L 8, 11.1.1996, p. 11).

    (3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 43).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1636 tal-5 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 billi jistabbilixxi l-istruttura u l-kontenut tad-dokumenti skambjati fil-kuntest tal-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa, u jistabbilixxi livelli limitu għat-telf minħabba n-natura tal-oġġetti (Ara paġna 2 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    ANNESS

    L-Unjoni Ewropea

    Ċertifikat ta’ Eżenzjoni mid-Dazju tas-Sisa

    L-Artikolu 12 tad-DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2020/262  (1)

    Nru tas-serje (fakultattiv, skont ir-rekwiżiti nazzjonali)…

    1.

    ISTITUZZJONI/INDIVIDWU ELIĠIBBLI

    Deżinjazzjoni/Isem…

    Triq u Numru…

    Kodiċi postali, Belt/post…

    L-Istat Membru ospitanti…

    Indirizz elettroniku…

    Indirizz tal-konsenja (għandu jimtela jekk ikun differenti minn dak ta’ hawn fuq)

    Triq u Numru…

    Kodiċi postali, Belt/post…

    indirizz elettroniku…

    2.

    AWTORITÀ KOMPETENTI GĦALL-ĦRUĠ TAT-TIMBRU

    Isem…

    Indirizz…

    Numru tat-telefown…

    Indirizz elettroniku…

    3.

    DIKJARAZZJONI MILL-ISTITUZZJONI JEW MILL-INDIVIDWU ELIĠIBBLI

    L-istituzzjoni jew l-individwu eliġibbli (ħassar kif xieraq) b’dan jiddikjara li:

    (a)

    L-oġġetti stipulati fil-kaxxa 5 huma maħsuba:

    (jekk jogħġbok immarka l-kaxxa adatta)

    għall-użu uffiċjali ta’

    għall-użu personali ta’

    missjoni diplomatika barranija

    membru ta’ missjoni diplomatika barranija

    rappreżentanza konsulari barranija

    membru ta’ rappreżentanza konsulari barranija

    organizzazzjoni internazzjonali

    membru tal-persunal ta’ organizzazzjoni internazzjonali

    forza militari ta’ Stat li huwa parti kontraenti tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (forza tan-NATO)

     

    il-forzi armati tar-Renju Unit stazzjonati stazzjonati f’Ċipru

     

    il-forzi armati ta’ Stat Membru li qed jieħu sehem f’attività tal-Unjoni taħt il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni

     

    għall-konsum skont ftehim konkluż ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bil-kondizzjoni li tali ftehim ikun permess jew awtorizzat fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud

     

    Deżinjazzjoni tal-istituzzjoni eliġibbli (ara l-kaxxa 4)

    (b)

    l-oġġetti deskritti fil-kaxxa 5 huma konformi mal-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li japplikaw għall-eżenzjoni fl-Istat Membru ospoitanti msemmi fil-kaxxa 1; u

    (c)

    li l-informazzjoni ta’ hawn fuq hija fornuta in bona fide. L-istituzzjoni jew individwu eliġibbli b’dan qiegħed jintrabat li jħallas lill-Istat Membru li minnu telqu l-oġġetti, id-dazju tas-sisa li jkun dovut jekk dawn l-oġġetti ma kinux konformi mal-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni, jew jekk l-oġġetti ma ntużawx bil-mod oriġinalment maħsub.

    Post, data

    Isem u status tal-firmatarju

     

     

    Firma

    4.

    Timbru tal-istituzzjoni (f’każ ta’ eżenzjoni għall-użu personali)

    Firma…

    Isem…

    Status/pożizzjoni tal-firmatarju…

    Post, data…

    Timbru

    5.

    DESKRIZZJONI TAL-OĠĠETTI MIBGĦUTA, LI GĦALIHOM HIJA MITLUBA L-EŻENZJONI MID-DAZJU TAS-SISA

    (a)

    Informazzjoni dwar il-konsenjatur (magazzinier awtorizzat, konsenjatur irreġistrat, fornitur)

    Isem…

    Triq u Numru…

    Kodiċi Postali, Belt…

    Stat Membru…

    Numru tas-sisa uniku (meħtieġ) …

    Indirizz tal-posta elettronika…

    (b)

    Informazzjoni dwar l-oġġetti (żid il-linji kif meħtieġ)

    Numru tal-linja

    Deskrizzjoni tal-oġġetti

    jew referenza għall-formola tal-ordni mehmuża (2)

    Kwantità

    Unità ta’ kejl

    Valur tal-unità eskluż id-dazju tas-sisa

    Valur totali eskluż id-dazju tas-sisa

    Munita

     

     

     

     

     

     

     

    Ammont totali

     

     

     

    6.

    ĊERTIFIKAZZJONI MILL-AWTORITÀ KOMPETENTI TAL-ISTAT MEMBRU OSPITANTI

    Il-konsenja tal-oġġetti deskritti fil-kaxxa 5 tissodisfa:

    Totalment

    Sa kwantità ta’ … (numru) (3)

    il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni mid-dazju tas-sisa

    Firma…

    Isem…

    Status/pożizzjoni tal-firmatarju…

    Post, data…

    Timbru (jekk applikabbli)

    7.

    PERMESS GĦAD-DISPENSA MIT-TIMBRU (fil-każ biss ta’ eżenzjoni għall-użu uffiċjali)

    Permezz ta’ ittra nru (referenza għall-fajl): …

    Bid-data: …

    deżinjazzjoni tal-istituzzjoni eliġibbli

    ġie permess minn: …

    L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti

    dispensa mit-timbru taħt il-kaxxa 6.

    Firma…

    Isem…

    Status/pożizzjoni tal-firmatarju…

    Post, data…

    Timbru

    Noti ta’ spjega

    (1)

    Għall-konsenjatur, iċ-Ċertifikat ta’ Eżenzjoni mid-Dazju tas-Sisa (“iċ-ċertifikat”) iservi bħala dokument ta’ sostenn għall-eżenzjoni mit-taxxa tal-konsenja ta’ oġġetti lill-istituzzjonijiet jew lill-individwi eliġibbli msemmija fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2020/262. Għandu jitfassal ċertifikat wieħed għal kull konsenjatur u għal kull moviment. Il-konsenjaturi huma rikjesti li jżommu ċ-ċertifikat fil-fajls tagħhom b’konformità mad-dispożizzjonijiet legali li japplikaw fl-Istat Membru tagħhom. Id-destinatarju għandu jagħti lill-konsenjatur ċertifikat ta’ eżenzjoni, li jkun ġie ttimbrat kif xieraq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

    (2)

    Il-formola li fuqha jinħareġ iċ-ċertifikat għandha tkun ta’ qies ta’ 210 × 297 mm. Meta l-formola tiġi stampata, din għandha ssir fuq karta bajda li ma jkunx fiha polpa mekkanika.

    (3)

    Kopja waħda taċ-ċertifikat għandha tinżamm mill-konsenjatur u kopja waħda għandha tintuża biex takkumpanja l-moviment tal-oġġetti soġġetti għad-dazju tas-sisa u d-dokument amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2020/262. Stati Membri jistgħu jeħtieġu kopja addizzjonali għal skopijiet amministrattivi.

    (4)

    Kwalunkwe spazju mhux użat fil-punt (b) tal-kaxxa 5, taċ-ċertifikat għandu jiġi maqtugħ jew imħassar biex ma jkun jista’ jiżdied xejn.

    (5)

    Iċ-ċertifikat għandu jimtela b’mod li jinqara u b’mod li l-entrati ma jkunux jistgħu jitħassru. L-ebda tħassir jew kitba mill-ġdid ma huwa permess. Għandu jimtela b’lingwa rikonoxxuta mill-Istat Membru ospitanti.

    (6)

    Jekk id-deskrizzjoni tal-oġġetti fil-punt (b) tal-kaxxa 5, taċ-ċertifikat tirreferi għal formola tal-ordni tax-xiri li saret f’lingwa oħra għajr lingwa rikonoxxuta mill-Istat Membru ospitanti, trid tiġi mehmuża traduzzjoni mill-istituzzjoni jew individwu eliġibbli.

    (7)

    Jekk iċ-ċertifikat ikun tfassal b’lingwa għajr lingwa rikonoxxuta mill-Istat Membru tal-konsenjatur, trid tiġi mehmuża traduzzjoni tal-informazzjoni li tikkonċerna l-oġġetti fil-punt (b) tal-kaxxa 5 mill-istituzzjoni/individwu eliġibbli. L-Istat Membru ospitanti jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu, jagħti dispensa mill-obbligu li tinhemeż it-traduzzjoni.

    (8)

    Lingwa rikonoxxuta tfisser waħda mil-lingwi li jitntużaw uffiċjalment fl-Istat Membru jew kwalunkwe lingwa oħra uffiċjali tal-Unjoni, li l-Istat Membru jiddikjara li tista’ tintuża għal dan il-fini.

    (9)

    Permezz tad-dikjarazzjoni fil-kaxxa 3 taċ-ċertifikat, l-istituzzjoni jew individwu eliġibbli għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni tat-talba għal eżenzjoni fl-Istat Membru ospitanti.

    (10)

    Permezz tad-dikjarazzjoni tagħha fil-kaxxa 4 taċ-ċertifikat, l-istituzzjoni tikkonferma d-dettalji fil-punt (a) tal-kaxxi 1 u 3 tad-dokument u tiċċertifika li l-individwu eliġibbli huwa membru tal-persunal tal-istituzzjoni.

    (11)

    Ir-referenza għall-formola tal-ordni fil-punt (b) tal-kaxxa 5 taċ-ċertifikat għandu jkun fiha d-data u n-numru tal-ordni. Il-formola tal-ordni għandu jkollha fiha l-elementi kollha li jidhru fil-kaxxa 5 taċ-ċertifikat. Jekk iċ-ċertifikat ikollu jkun ittimbrat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, il-formola tal-ordni għandha tkun ittimbrata wkoll.

    (12)

    Fil-punt (a) tal-kaxxa 5, hija meħtieġa l-indikazzjoni tan-numru tas-sisa kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 (4).

    (13)

    Il-munita jenħtieġ li tkun indikata permezz ta’ kodiċi bi tliet ittri b’konformità mal-istandard internazzjonali ISO 4217 li ġie stabbilit mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni.

    (14)

    Meta l-eżenzjoni tkun għal użu uffiċjali, l-awtoritajiet kompetenti tista’ tiddispensa mill-obbligu għall-istituzzjoni eliġibbli li titlob it-timbru fil-kaxxa 6 taċ-ċertifikat. L-istituzzjoni eliġibbli għandha ssemmi din id- fil-kaxxa 7 taċ-ċertifikat.

    (15)

    Meta l-eżenzjoni tkun għal użu individwali, iċ-ċertifikat għandu jiġi awtentikat fil-kaxxa 6 bit-timbru tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

    (1)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabblixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4).

    (2)  Ħassar l-ispazju mhux użat. Dan l-obbligu japplika wkoll jekk jiġu mehmuża l-formoli tal-ordni.

    (3)  Jenħtieġ li oġġetti mhux eliġibbli jitħassru fil-kaxxa 5.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 tat-2 ta’ Mejju 2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004 (ĠU L 121, 8.5.2012, p. 1).


    Top