Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1456

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1456 tal-10 ta’ Ġunju 2022 li jistabbilixxi deroga mill-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, taħt il-kontroll tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti, u mmanifatturati sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2007

    C/2022/3699

    ĠU L 229, 5.9.2022, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1456/oj

    5.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 229/5


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1456

    tal-10 ta’ Ġunju 2022

    li jistabbilixxi deroga mill-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, taħt il-kontroll tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti, u mmanifatturati sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2007

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2),

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/179 (2) awtorizzat lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għal deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (3) fir-rigward tal-kundizzjonijiet speċjali li jikkonċernaw l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-materjal tal-injam għall-imballaġġ tal-koniferi (Pinopsida) fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, taħt il-kontroll tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti tal-Amerka. Peress li l-validità tad-Deċiżjoni skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2020, jenħtieġ li jiġu adottati regoli ġodda sabiex jippermettu l-introduzzjoni ta’ tali kaxxi tal-munizzjon taħt ċerti kundizzjonijiet anke fil-futur.

    (2)

    L-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jipprevedi rekwiżiti speċifiċi għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-materjal tal-injam għall-imballaġġ, li jenħtieġ li jkun konformi mal-Istandard Internazzjonali tal-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 (ISPM 15): ir-Regolazzjoni tal-Materjal tal-Injam għall-Imballaġġ fil-Kummerċ Internazzjonali (4), li jiggarantixxi li l-materjal tal-injam għall-imballaġġ ikun ġie soġġett għal trattament fitosanitarju approvat.

    (3)

    Ċertu materjal tal-injam għall-imballaġġ tal-koniferi (Pinopsida) fil-forma ta’ kaxxi użati fit-trasport tal-munizzjon u manifatturati fl-Istati Uniti tal-Amerka qabel l-1 ta’ Settembru 2007, kienu soġġetti għal trattamenti li mhumiex konformi mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fl-Anness I tal-ISPM 15 u għalhekk, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

    (4)

    Fis-7 ta’ Settembru 2018, l-Istati Uniti tal-Amerka talbu estensjoni tad-deroga skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/179 għall-materjal tal-injam għall-imballaġġ magħmul minn injam artab u estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga għall-materjal tal-injam għall-imballaġġ magħmul minn injam iebes. L-Istati Uniti tal-Amerka akkumpanjaw it-talba msemmija hawn fuq b’dossier li jirrappreżenta segwitu għal analiżi tal-perkorsi preċedenti tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti fir-rigward tal-kaxxi tal-munizzjon tal-injam artab, filwaqt li kkomplementawha b’analiżi tal-perkorsi għall-kaxxi tal-munizzjon tal-injam iebes.

    (5)

    Il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Uniti tal-Amerka u wara diskussjoni mal-grupp ta’ esperti rilevanti dwar deroga għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon mill-Istati Uniti tal-Amerka, li l-kaxxi msemmija fil-permessa 3 u użati fit-trasport tal-munizzjon, magħmula kemm minn injam artab kif ukoll minn dak iebes, ma jippreżentaw l-ebda riskju għat-tixrid tal-pesti tal-pjanti, dment li jiġu ssodisfati ċertu kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet jikkonċernaw id-data tal-produzzjoni tal-kaxxi tal-munizzjon, fl-assenza, jew fil-preżenza limitata, tal-qoxra tas-siġar, it-trattament u t-tiswija ta’ tali kaxxi, kif ukoll il-ħżin u t-trasport tagħhom.

    (6)

    Jenħtieġ li din id-deroga tapplika biss għall-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, li ġie manifatturat qabel l-1 ta’ Settembru 2007, peress li l-kaxxi mmanifatturati wara dik id-data li għaddew minn trattament f’konformità mal-ISPM 15.

    (7)

    Għalhekk, jenħtieġ li tali materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, magħmula kemm minn injam artab kif ukoll minn dak iebes, ikun jista’ jiġi introdott fit-territorju tal-Unjoni, kif ukoll jinħażen u jiġi ttrasportat fih, dment li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (8)

    Sabiex żgur ikun hemm kontrolli effettivi u żgur ikun hemm stampa sħiħa tar-riskji fitosanitarji potenzjali, jenħtieġ li kwalunkwe operatur li jittrasporta jew li jaħżen il-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, wara l-verifiki rilevanti rispettivi, jinnotifika lill-awtorità kompetenti rispettiva dwar it-trasport jew il-ħżin tal-kaxxi kkonċernati.

    (9)

    Sabiex jiġi żgurat rispons rapidu għal kwalunkwe riskju fitosanitarju potenzjali li jirriżulta mill-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni meta jsiru jafu b’kunsinna li ma tikkonformax mar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni fl-Unjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li, fuq bażi annwali, dawn jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet li jkunu saru, sabiex tiġi vvalutata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (10)

    Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet għad-deroga introdotti b’dan ir-Regolament japplikaw sal-31 ta’ Lulju 2025, biex ikun jista’ jsir ir-rieżami tal-implimentazzjoni tal-miżuri tiegħu, u biex jiġi eżaminat jekk dawn jindirizzawx b’mod effettiv ir-riskju fitosanitarju tal-importazzjoni ta’ dak il-materjal tal-injam għall-imballaġġ.

    (11)

    Peress li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/179 diġà skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2020, jenħtieġ li dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi żgurata l-aktar introduzzjoni rapida possibbli ta’ dan il-materjal tal-injam għall-imballaġġ fl-Unjoni.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Awtorizzazzjoni biex tingħata deroga u l-kundizzjonijiet għall-kaxxi tal-munizzjon

    Il-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi, li attwalment jintuża fit-trasport tal-munizzjon, manifatturat qabel l-1 ta’ Settembru 2007, u li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka taħt il-kontroll tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti (“il-kaxxi”), huwa eżentat mir-rekwiżiti tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, meta:

    (a)

    il-kaxxi jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament; u

    (b)

    r-rekwiżiti f’konformità mal-Artikoli 2, 3 u 4 huma ssodisfati.

    Artikolu 2

    Obbligu ta’ notifika

    1.   L-importatur għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-punt tad-dħul dwar l-intenzjoni tiegħu li jintroduċi l-kunsinna mill-inqas ħamest ijiem ta’ xogħol qabel tiġi introdotta l-kunsinna bħalma ppjanat, kif imsemmi fl-Artikolu 1. Fl-istess perjodu, l-importatur għandu jipprovdi wkoll l-istess notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru bl-ewwel post tal-ħżin, meta dak il-post ikun differenti mill-punt tad-dħul.

    2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    id-data prevista tal-introduzzjoni;

    (b)

    l-inventarju tal-kunsinna kkonċernata li jidentifika l-kaxxi li jagħmlu parti minnha;

    (c)

    l-isem u l-indirizz tal-importatur;

    (d)

    l-indirizz tal-punt tad-dħul tal-introduzzjoni prevista;

    (e)

    l-indirizz tal-ewwel post tal-ħżin, meta dan ikun differenti mill-punt tad-dħul.

    Artikolu 3

    Kontrolli mill-awtoritajiet kompetenti

    1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-punt tad-dħul għandhom jivverifikaw id-disponibbiltà u l-kompletezza tad-dokument deskritt fil-punt 7 tal-Anness. Huma għandhom jivverifikaw ukoll il-konformità ta’ kampjun rappreżentattiv minn kull kunsinna mal-punti li ġejjin tal-Anness:

    (a)

    il-punti (1) u (2) dwar il-wiri tal-marki rispettivi;

    (b)

    il-punt (3) dwar il-kaxxi msewwija;

    (c)

    il-punt (4) dwar l-assenza tal-qoxra tas-siġar;

    (d)

    il-punt (5) dwar il-livell tal-kontenut tal-umdità;

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, fejn l-ewwel post tal-ħżin ikun differenti mill-punt tad-dħul, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-ewwel post tal-ħżin għandhom iwettqu l-verifika deskritta f’dak il-paragrafu.

    Artikolu 4

    Ħżin u ċaqliq tal-kaxxi

    1.   Qabel u wara t-twettiq tal-kontrolli msemmija fl-Artikolu 3, il-kaxxi għandhom jibqgħu maħżuna f’bini magħluq.

    2.   Kwalunkwe trasport tal-kaxxi jista’ jsir biss f’kontenituri magħluqa, jew b’għata protettiva sħiħa.

    Artikolu 5

    Notifika ta’ nuqqas ta’ konformità

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull kunsinna li ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

    Dik in-notifika għandha ssir sa mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol minn dakinhar li l-awtorità kompetenti ssir taf b’kunsinna bħal din.

    Artikolu 6

    Rappurtar dwar l-importazzjonijiet

    Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-Istat Membru tal-ewwel post tal-ħżin għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-informazzjoni dwar l-għadd ta’ kunsinni introdotti fit-territorji tagħhom u b’rapport dwar il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 3, imwettqa bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel.

    Artikolu 7

    Data ta’ skadenza

    Dan ir-Regolament għandu jiskadi fil-31 ta’ Lulju 2025.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/179 tal-4 ta’ Frar 2015 li tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għal deroga minn ċerta dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE rigward il-materjal tal-injam tal-koniferi (Coniferales) għall-ippakkjar fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka taħt il-kontroll tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 30, 6.2.2015, p. 38).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

    (4)  Standard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 (ISPM 15): ir-Regolazzjoni tal-Materjal tal-Injam għall-Imballaġġ fil-Kummerċ Internazzjonali. https://www.ippc.int/en/core-activities/standards-setting/ispms/#614.


    ANNESS

    Kundizzjonijiet għall-introduzzjoni tal-kaxxi tal-munizzjon, kif imsemmi fl-Artikolu 1

    Il-kaxxi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    juru marka li tikkonferma li ġew manifatturati sal-31 ta’ Awwissu 2007;

    (2)

    juru marka li tindika li ġew trattati bi preżervattiv tal-injam approvat mill-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Istati Uniti tal-Amerka.

    (3)

    f’każ li dawn il-kaxxi jkunu ssewwew minn meta ġew manifatturati, l-injam użat għal dak il-għan jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031;

    (4)

    il-kaxxi jkunu magħmula mill-injam. Dak l-injam irid jew tkun tneħħietlu kompletament il-qoxra tas-siġra jew ikun fih biss biċċiet żgħar tal-qoxra li jidhru separati u distinti minn xulxin. Dawk il-biċċiet tal-qoxra tas-siġra jridu jikkonformaw ma’ wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    ikunu anqas minn 3 cm fil-wisa’ (irrispettivament mit-tul);

    (b)

    meta jkunu akbar minn 3 cm fil-wisa’, l-erja tas-superfiċe totali ta’ kull biċċa qoxra tas-siġra tkun anqas minn 50 cm2;

    (5)

    il-livell tal-kontenut tal-umdità tagħhom ma jkunx aktar minn 20 %;

    (6)

    kienu nħażnu f’bini magħluq u trasportati f’kontenituri magħluqa, jew b’għata protettiva sħiħa;

    (7)

    ikunu akkumpanjati minn dokument maħruġ mid-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti tal-Amerika li jikkonferma l-konformità tal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (4), (5) u (6).


    Top