EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1450

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1450 tas-27 ta’ Ġunju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-għalf tal-proteini mhux organiku għall-produzzjoni tal-bhejjem organiċi minħabba l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/4275

ĠU L 228, 2.9.2022, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1450/oj

2.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/8


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1450

tas-27 ta’ Ġunju 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-għalf tal-proteini mhux organiku għall-produzzjoni tal-bhejjem organiċi minħabba l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(1)(b) u (c) tiegħu,

Billi:

(1)

L-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022 qed ikollha konsegwenzi serji fuq il-provvista tal-għalf tal-proteini organiku f’diversi Stati Membri peress li l-Ukrajna kienet waħda mill-fornituri ewlenin ta’ tali għalf għall-annimali porċini u t-tjur organiċi f’dawk l-Istati Membri.

(2)

In-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-għalf tal-proteini organiku f’dawk l-Istati Membri jhedded il-kontinwità tal-produzzjoni organika ta’ annimali porċini organiċi u tjur ta’ età kbira li mhumiex koperti mid-derogi previsti fl-Anness II, tal-Parti II, tal-punti 1.9.3.1(c) u 1.9.4.2(c) tar-Regolament (UE) 2018/848 li jippermettu li l-annimali ta’ età żgħira jingħalfu sa 5 % għalf tal-proteini mhux organiku.

(3)

Għalhekk huwa xieraq li l-Istati Membri li rrikonoxxew din is-sitwazzjoni bħala ċirkostanza katastrofika f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2146 (2) jitħallew jidderogaw temporanjament mill-Anness II tal-Parti II tal-punt 1.4.1(b) tar-Regolament (UE) 2018/848 li jirrikjedi li l-bhejjem organiċi jenħtieġ li jingħalfu b’għalf organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni, billi jiġu estiżi d-derogi stabbiliti fl-Anness II, tal-Parti II, tal-punti 1.9.3.1(c) u 1.9.4.2(c) tar-Regolament (UE) 2018/848 għal annimali porċini u tjur ta’ kategoriji ta’ età kbira.

(4)

Għall-fini tat-trasparenza u tal-kontrolli, huwa meħtieġ li t-tagħrif dwar id-derogi mogħtija jinqasam b’mod armonizzat bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni permezz ta’ sistema tal-kompjuter.

(5)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-operaturi li ngħatawlhom tali derogi jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta’ dawk id-derogi.

(6)

Għall-fini ta’ kontrolli, l-operaturi jenħtieġ li jżommu prova dokumentata li tixhed li dawn ingħataw dawk id-derogi u li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet relatati magħhom.

(7)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika retroattivament mill-24 ta’ Frar 2022, id-data tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Fl-Istati Membri li rrikonoxxew in-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-għalf tal-proteini organiku wara l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022 bħala ċirkostanza katastrofika f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2146, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jestendu d-derogi stabbiliti fl-Anness II, il-Parti II, il-punti 1.9.3.1(c) u 1.9.4.2(c) tar-Regolament (UE) 2018/848 għall-annimali porċini u tjur ta’ kategoriji ta’ età ikbar minn dawk imsemmija f’dawk il-punti, dment li japplikaw dawk id-derogi:

(a)

għal perjodu ta’ żmien limitat u mhux itwal milli meħtieġ, u fl-ebda każ għal aktar minn 12-il xahar;

(b)

għall-operaturi kollha affettwati li jipproduċu annimali porċini jew tjur organiċi.

2.   L-applikazzjoni tad-derogi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-validità taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/848 matul il-perjodu li fih japplikaw id-derogi, dment li l-operaturi kkonċernati jissodisfaw il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom ikunu ngħataw dawk id-derogi.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar id-derogi mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont l-Artikolu 1(1) permezz ta’ sistema tal-kompjuter li se tagħmel disponibbli l-Kummissjoni u li tiffavorixxi l-iskambju ta’ dokumenti elettroniċi u ta’ tagħrif.

2.   Kwalunkwe operatur li għalih japplikaw id-derogi mogħtija għandu jżomm prova dokumentata ta’ dawk id-derogi kif ukoll dwar l-użu ta’ dawk id-derogi tul il-perjodu li japplikaw fih.

3.   L-awtoritajiet kompetenti, jew fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll tal-Istati Membri, għandhom jivverifikaw il-konformità tal-operaturi mal-kundizzjonijiet tad-derogi mogħtija.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-24 ta’ Frar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2146 tal-24 ta’ Settembru 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli ta’ produzzjoni eċċezzjonali fil-produzzjoni organika (ĠU L 428, 18.12.2020, p. 5).


Top