EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R1380
Commission Implementing Regulation (EU) 2022/1380 of 8 August 2022 laying down the rules and conditions for verification queries by carriers, provisions for data protection and security for the carriers’ authentication scheme as well as fall back procedures in case of technical impossibility and repealing Implementing Regulation (EU) 2021/1217
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1380 tat-8 ta’ Awwissu 2022 li jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet għat-talbiet għal verifika mit-trasportaturi, id-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data tal-iskema ta’ awtentikazzjoni tat-trasportaturi, kif ukoll il-proċeduri ta’ riżerva f’każ ta’ impossibbiltà teknika u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1217
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1380 tat-8 ta’ Awwissu 2022 li jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet għat-talbiet għal verifika mit-trasportaturi, id-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data tal-iskema ta’ awtentikazzjoni tat-trasportaturi, kif ukoll il-proċeduri ta’ riżerva f’każ ta’ impossibbiltà teknika u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1217
C/2022/4550
ĠU L 207, 9.8.2022, p. 1–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
9.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 207/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1380
tat-8 ta’ Awwissu 2022
li jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet għat-talbiet għal verifika mit-trasportaturi, id-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data tal-iskema ta’ awtentikazzjoni tat-trasportaturi, kif ukoll il-proċeduri ta’ riżerva f’każ ta’ impossibbiltà teknika u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1217
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 45(2), it-tielet paragrafu, u (3) u l-Artikolu 46(4) u (5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2018/1240 jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-viża li jkunu jixtiequ jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri. |
(2) |
L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet għal talba għal verifika mit-trasportaturi kif ukoll li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għas-sigurtà u l-protezzjoni tad-data għall-iskema ta’ awtentikazzjoni tat-trasportaturi, u l-proċeduri ta’ riżerva f’każ ta’ impossibbiltà teknika. L-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament huma applikabbli għat-trasportaturi tal-ajru, it-trasportaturi bil-baħar u t-trasportaturi internazzjonali li jittrasportaw gruppi fuq l-art bil-kowċ, li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri. |
(3) |
Skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240, it-trasportaturi tal-ajru, it-trasportaturi bil-baħar u t-trasportaturi internazzjonali li jittrasportaw gruppi fuq l-art bil-kowċ għandhom jibagħtu talba lill-ETIAS sabiex jivverifikaw jekk il-vjaġġaturi soġġetti għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għandhomx fil-pussess tagħhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida. Tali talba għandha ssir permezz ta’ aċċess sigur għall-gateway tat-trasportaturi. |
(4) |
Jenħtieġ li t-trasportaturi jkollhom aċċess għall-interfaċċa tat-trasportaturi permezz ta’ skema ta’ awtentikazzjoni. Dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li jipprevedi regoli dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data applikabbli għall-iskema ta’ awtentikazzjoni skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240 sabiex it-trasportaturi jkollhom aċċess esklużiv għall-gateway tat-trasportaturi. |
(5) |
Sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom jenħtieġ li t-trasportaturi li joperaw fit-territorju tal-Istati Membri u jittrasportaw il-passiġġieri jingħataw aċċess għall-gateway tat-trasportaturi. |
(6) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli tekniċi dwar il-format tal-messaġġi u l-iskema ta’ awtentikazzjoni sabiex it-trasportaturi jkunu jistgħu jikkonnettjaw u jużaw il-gateway tat-trasportaturi li għandha tiġi speċifikata fil-linji gwida tekniċi, li jkunu parti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2018/1240, li għandhom jiġu adottati mill-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA). |
(7) |
It-trasportaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jindikaw li l-passiġġieri jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1240 u f’dan il-każ it-trasportaturi jenħtieġ li jirċievu tweġiba awtomatika “Mhux applikabbli” mill-gateway tat-trasportaturi, mingħajr ma jikkonsultaw il-bażi tad-data li tinqara biss u mingħajr ma jirreġistraw. |
(8) |
Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għat-trasportaturi tal-ajru, it-trasportaturi bil-baħar u t-trasportaturi internazzjonali li jittrasportaw gruppi fuq l-art bil-kowċ, li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri. Il-kontrolli fuq il-fruntiera għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri jistgħu jippreċedu l-imbarkazzjoni. F’każijiet bħal dawn, it-trasportaturi jenħtieġ li jinħelsu mill-obbligu li jivverifikaw l-istatus tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-vjaġġaturi. |
(9) |
F’konformità mal-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) 2018/1240, matul il-perjodi tranżitorji u ta’ konċessjoni, ir-regoli applikabbli għat-trasportaturi jenħtieġ li jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta’ dawn il-perjodi. Jenħtieġ li l-vjaġġaturi jitħallew jidħlu mingħajr awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar waqt il-perjodu tranżitorju peress li tali awtorizzazzjoni jenħtieġ li tkun fakultattiva. Il-perjodu tranżitorju huwa segwit minn perjodu ta’ konċessjoni, li matulu l-vjaġġaturi jenħtieġ li jitħallew jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri mingħajr awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jekk dan ikun l-ewwel dħul tagħhom matul dan il-perjodu ta’ konċessjoni. |
(10) |
Sabiex jiġi żgurat li t-talba għal verifika tkun ibbażata fuq informazzjoni aġġornata kemm jista’ jkun possibbli, jenħtieġ li ma tiddaħħalx talba qabel 48 siegħa mill-ħin skedat tat-tluq. |
(11) |
Il-passiġġieri li jrid ikollhom fil-pussess tagħhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida jenħtieġ li jitqiesu bħala fil-pussess ta’ tali awtorizzazzjoni meta t-trasportaturi jkunu staqsew fl-interfaċċa tat-trasportaturi u jkunu rċevew “OK” fi żmien 48 siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat. Jista’ jkun hemm ċirkostanzi li fihom trasportatur ma jkunx jista’ jipproċedi bit-talba msemmija fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240 minħabba ħsara teknika li sseħħ fi xi parti tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar. Sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi possibbli li jirriżultaw minn nuqqas bħal dan, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati għall-proċeduri ta’ riżerva kif previst fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2018/1240. |
(12) |
Sabiex jiġi żgurat li d-data aċċessata mit-trasportaturi tkun preċiża u konsistenti mad-data maħżuna fis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar, jenħtieġ li l-bażi tad-data li tinqara biss, imsemmija fl-Artikolu 45(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240, tiġi aġġornata kif meħtieġ. |
(13) |
Il-Kummissjoni, l-eu-LISA u l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jinfurmaw lit-trasportaturi kollha magħrufa dwar kif u meta jistgħu jirreġistraw. Wara li titlesta b’suċċess il-proċedura ta’ reġistrazzjoni kif ukoll, fejn rilevanti, wara li jitlesta b’suċċess l-ittestjar, l-eu-LISA jenħtieġ li tqabbad lit-trasportatur mal-interfaċċa tat-trasportaturi. |
(14) |
It-trasportaturi jenħtieġ li jkollhom aċċess għal formola tal-web minn sit web pubbliku li tippermettilhom jitolbu assistenza. It-trasportaturi, meta jitolbu assistenza, jenħtieġ li jirċievu konferma tar-riċevuta li jkun fiha n-numru tal-biljett, u l-eu-LISA jew l-Unità Ċentrali tal-ETIAS ikunu jistgħu jikkuntattjaw lit-trasportaturi li jkunu rċevew biljett bi kwalunkwe mezz meħtieġ, inkluż bit-telefon, sabiex jipprovdu r-rispons adegwat. |
(15) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1217 (2) stabbilixxa r-regoli u l-kundizzjonijiet għat-talbiet għal verifika mit-trasportaturi, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tal-iskema ta’ awtentikazzjoni tat-trasportaturi, kif ukoll il-proċeduri ta’ riżerva f’każ ta’ impossibbiltà teknika. Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati ulterjorment il-proċeduri ta’ riżerva f’każ ta’ impossibbiltà teknika. Fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li dak ir-Regolament jinbidel. |
(16) |
Billi r-Regolament (UE) 2018/1240 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, innotifikat fil-21 ta’ Diċembru 2018, id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2018/1240 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għalhekk id-Danimarka hija marbuta b’dan ir-Regolament. |
(17) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, peress li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3). Għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
(18) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (4), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (5). |
(19) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (6) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (7). |
(20) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (9). |
(21) |
Fir-rigward ta’ Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew huwa marbut miegħu mod ieħor, fis-sens, tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011, rispettivament. |
(22) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u ta l-opinjoni tiegħu fit-30 ta’ April 2021. |
(23) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fruntieri Intelliġenti (ETIAS), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi:
(a) |
ir-regoli u l-kundizzjonijiet dettaljati għall-operat tal-gateway tat-trasportaturi u r-regoli dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data applikabbli għall-gateway tat-trasportaturi previsti fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240; |
(b) |
skema ta’ awtentikazzjoni għat-trasportaturi biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240 kif ukoll regoli u kundizzjonijiet dettaljati dwar ir-reġistrazzjoni tat-trasportaturi mal-iskema ta’ awtentikazzjoni; |
(c) |
dettalji tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fejn ikun teknikament impossibbli għat-trasportaturi li jaċċessaw il-gateway tat-trasportaturi, f’konformità mal-Artikolu 46(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“interfaċċa tat-trasportaturi” tfisser il-gateway tat-trasportaturi li għandha tiġi żviluppata mill-eu-LISA f’konformità mal-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240 u li tikkonsisti f’interfaċċa tal-IT konnessa ma’ bażi tad-data li tinqara biss; |
(b) |
“linji gwida tekniċi” tfisser il-parti tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, imsemmija fl-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240, li hija rilevanti għat-trasportaturi għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ awtentikazzjoni u għall-iżvilupp tal-format tal-messaġġi tal-interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament; |
(c) |
“persunal debitament awtorizzat” tfisser impjegati tat-trasportatur jew ingaġġati kuntrattwalment minnu jew minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi oħra li jaġixxu taħt id-direzzjoni jew is-superviżjoni ta’ dan it-trasportatur, li għandhom il-kompitu li jivverifikaw l-istatus tal-vjaġġaturi f’isem it-trasportatur, f’konformità mal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240. |
Artikolu 3
Obbligi tat-trasportaturi
1. It-trasportaturi għandhom jagħmlu talba kif imsemmi fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240 (“talba għal verifika”), permezz tal-interfaċċa tat-trasportaturi.
2. It-talba għal verifika għandha tintbagħat mhux qabel 48 siegħa mill-ħin skedat tat-tluq.
3. It-trasportaturi għandhom jiżguraw li l-persunal debitament awtorizzat biss ikollu aċċess għall-interfaċċa tat-trasportaturi. It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu mill-inqas il-mekkaniżmi li ġejjin:
(a) |
mekkaniżmi għall-kontroll tal-aċċess fiżiku u loġiku, għall-prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat għall-infrastruttura jew għas-sistemi użati mit-trasportaturi; |
(b) |
l-awtentikazzjoni; |
(c) |
l-irreġistrar biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-aċċess; |
(d) |
ir-rieżami regolari tad-drittijiet ta’ aċċess. |
Artikolu 4
Konnessjoni u aċċess għall-interfaċċa tat-trasportaturi
1. It-trasportaturi għandhom jikkonnettjaw mal-interfaċċa tat-trasportaturi permezz ta’ waħda minn dawn li ġejjin:
(a) |
konnessjoni man-netwerk dedikat; |
(b) |
konnessjoni tal-Internet. |
2. It-trasportaturi għandhom jaċċessaw l-interfaċċa tat-trasportaturi permezz ta’ waħda minn dawn li ġejjin:
(a) |
interfaċċa ta’ bejn is-sistemi (Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet); |
(b) |
interfaċċa tal-web (browser); |
(c) |
applikazzjoni għal apparati mobbli. |
Artikolu 5
Talbiet
1. Sabiex tintbagħat it-talba għal verifika, it-trasportatur għandu jipprovdi d-data li ġejja dwar il-vjaġġatur:
(a) |
il-kunjom (isem il-familja); l-ewwel isem jew ismijiet (l-ismijiet mogħtija); |
(b) |
id-data tat-twelid, is-sess u n-nazzjonalità; |
(c) |
it-tip u n-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument tal-ivvjaġġar; |
(d) |
id-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar; |
(e) |
il-jum tal-wasla skedat fil-fruntiera tal-Istat Membru tad-dħul; |
(f) |
waħda minn dawn li ġejjin:
|
(g) |
id-dettalji (id-data u l-ħin lokali tat-tluq skedat, in-numru ta’ identifikazzjoni fejn disponibbli jew mezzi oħra għall-identifikazzjoni tat-trasport) tal-mezzi tat-trasport użati għall-aċċess tat-territorju ta’ Stat Membru. |
2. Għall-finijiet li tingħata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti minn (a) sa (d), it-trasportaturi għandhom jitħallew jiskennjaw il-parti tad-dokument tal-ivvjaġġar li tinqara minn magna.
3. Meta l-passiġġier ikun eżentat mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1240 f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament jew ikun fi tranżitu fl-ajruport, it-trasportatur għandu jkun jista’ jispeċifika dan fit-talba għal verifika.
4. It-trasportaturi għandhom ikunu jistgħu jibagħtu talba għal verifika għal passiġġier wieħed jew aktar. L-interfaċċa tat-trasportaturi għandha tinkludi t-tweġiba msemmija fl-Artikolu 6 għal kull passiġġier inkluż fit-talba.
Artikolu 6
Tweġiba
1. Meta l-passiġġier ikun eżentat mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1240 f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament jew ikun fi tranżitu fl-ajruport, it-tweġiba għandha tkun “Mhux applikabbli”. Fil-każijiet l-oħra kollha, it-tweġiba għandha tkun “OK” jew “Mhux OK”. Meta talba għal verifika jkollha t-tweġiba “Mhux OK”, it-tweġiba għandha tispeċifika li dan ir-rispons ġej mis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar.
2. Matul il-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 83(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240, it-tweġibiet għat-talbiet għal verifika għandhom jiġu ddeterminati skont ir-regoli li ġejjin:
(a) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul: OK; |
(b) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollu l-ebda awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul: OK; |
(c) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollu l-ebda awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul, iżda t-trasportatur jindika li waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 hija ssodisfata: Mhux applikabbli; |
(d) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul b’Validità Territorjali Limitata (“LTV, Limited Territorial Validity”) u l-Istat Membru tad-dħul jikkorrispondi għall-Istat Membru tal-LTV: OK; |
(e) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul b’LTV u l-Istat Membru tad-dħul ma jikkorrispondix għall-Istat Membru tal-LTV: OK. |
3. Matul il-perjodu ta’ konċessjoni msemmi fl-Artikolu 83(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240, it-tweġibiet għat-talbiet għandhom jiġu ddeterminati skont ir-regoli li ġejjin:
(a) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul: OK; |
(b) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollux awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul, u din tkun l-ewwel darba minn tmiem il-perjodu tranżitorju li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun dieħel fit-territorju ta’ Stat Membru li japplika r-Regolament ETIAS: OK; |
(c) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul b’LTV, u din tkun l-ewwel darba minn tmiem il-perjodu tranżitorju li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun dieħel fit-territorju ta’ Stat Membru li japplika r-Regolament ETIAS u l-Istat Membru tad-dħul jikkorrispondi għall-Istat Membru tal-LTV: OK; |
(d) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul b’LTV, u din tkun it-tieni darba jew aktar minn tmiem il-perjodu tranżitorju li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun dieħel fit-territorju ta’ Stat Membru li japplika r-Regolament ETIAS u l-Istat Membru tad-dħul jikkorrispondi għall-Istat Membru tal-LTV: OK; |
(e) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollu l-ebda awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul u din tkun it-tieni darba jew aktar minn tmiem il-perjodu tranżitorju li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun dieħel fit-territorju ta’ Stat Membru li japplika r-Regolament ETIAS: Mhux OK; |
(f) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollu l-ebda awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul iżda t-trasportatur jikkonferma fit-talba għal verifika li waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 hija ssodisfata: Mhux applikabbli; |
(g) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul b’LTV, u din tkun l-ewwel darba minn tmiem il-perjodu tranżitorju li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun dieħel fit-territorju ta’ Stat Membru li japplika r-Regolament ETIAS u l-Istat Membru tad-dħul ma jkunx jikkorrispondi għall-Istat Membru tal-LTV: OK; |
(h) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul b’LTV, u din tkun it-tieni darba jew aktar minn tmiem il-perjodu tranżitorju li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun dieħel fit-territorju ta’ Stat Membru li japplika r-Regolament ETIAS u l-Istat Membru tad-dħul ma jikkorrispondix għall-Istat Membru tal-LTV: Mhux OK; |
(i) |
jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollu l-ebda awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida għad-data tad-dħul u jkun dieħel fit-territorju ta’ Stat Membru li japplika r-Regolament ETIAS: Mhux OK; |
4. Wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ konċessjoni msemmi fl-Artikolu 83(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240, it-tweġibiet għat-talbiet għandhom jiġu ddeterminati skont ir-regoli li ġejjin:
(a) |
Sakemm jibdew l-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża msemmija fir-Regolament (KE) Nru 767/2008,
|
(b) |
Mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża:
|
Artikolu 7
Format tal-messaġġi
L-eu-LISA għandha tispeċifika l-formati tad-data u l-istruttura tal-messaġġi li għandhom jintużaw għat-trażmissjoni ta’ talbiet għal verifika u t-tweġibiet għal dawn it-talbiet permezz tal-interfaċċa tat-trasportaturi fil-linji gwida tekniċi. L-eu-LISA għandha tipprevedi l-użu ta’ minn tal-inqas il-formati tad-data li ġejjin:
(a) |
UN/EDIFACT; |
(b) |
PAXLST/CUSRES; |
(c) |
XML; |
(d) |
JSON. |
Artikolu 8
Rekwiżiti għall-estrazzjoni tad- data għall-interfaċċa tat-trasportaturi u għall-kwalità tad- data
1. Id-data dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar maħruġa, annullati u rrevokati għandha tiġi estratta b’mod awtomatiku mis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar minn tal-inqas kuljum u għandha tiġi trażmessa lill-bażi tad-data li tinqara biss.
2. L-estrazzjonijiet kollha tad-data fil-bażi tad-data li tinqara biss skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati.
3. L-eu-LISA għandha tkun responsabbli mis-sigurtà tal-interfaċċa tat-trasportaturi, mis-sigurtà tad-data personali li jkun fiha u mill-proċess ta’ estrazzjoni mis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar u mit-trażmissjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għall-bażi tad-data li tinqara biss. Id-dettalji tal-implimentazzjoni teknika għandhom jinsiltu mill-pjan ta’ sigurtà wara l-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju.
4. Ma għandux ikun possibbli li d-data mill-bażi tad-data li tinqara biss tiġi trażmessa lis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar.
Artikolu 9
Skema ta’ awtentikazzjoni
1. L-eu-LISA għandha tiżviluppa skema ta’ awtentikazzjoni, filwaqt li tqis l-informazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mit-tfassil u b’mod prestabbilit u l-prinċipji ta’ kontroll fuq l-aċċess inkluż l-obbligu ta’ rendikont, u li tippermetti li min jitlob il-verifika jiġi ntraċċat.
2. Id-dettalji tal-iskema ta’ awtentikazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-linji gwida tekniċi.
3. L-iskema ta’ awtentikazzjoni għandha tiġi ttestjata f’konformità mal-Artikolu 12.
4. Meta t-trasportaturi jaċċessaw l-interfaċċa tat-trasportaturi bl-użu tal-Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), l-iskema ta’ awtentikazzjoni għandha tiġi implimentata permezz tal-awtentikazzjoni reċiproka.
Artikolu 10
Reġistrazzjoni mal-iskema ta’ awtentikazzjoni
1. It-trasportaturi msemmija fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240 li joperaw u jittrasportaw passiġġieri fit-territorju tal-Istati Membri għandu jkollhom l-obbligu li jirreġistraw qabel ma jiksbu aċċess għall-iskema ta’ awtentikazzjoni.
2. L-eu-LISA għandu jkollha disponibbli formola ta’ reġistrazzjoni fuq sit web pubbliku li għandha timtela online. Is-sottomissjoni tal-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tkun possibbli biss meta l-kampijiet tad-data kollha jkunu mtlew b’mod korrett.
3. Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tinkludi kampijiet tad-data li jirrikjedu li t-trasportaturi jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
l-isem legali tat-trasportatur kif ukoll id-dettalji ta’ kuntatt tiegħu (l-indirizz tal-posta elettronika, in-numru tat-telefon u l-indirizz postali); |
(b) |
id-dettalji ta’ kuntatt tar-rappreżentant legali tal-kumpanija li titlob ir-reġistrazzjoni u tal-punti ta’ kuntatt ta’ riżerva (l-ismijiet, in-numri tat-telefon, l-indirizzi tal-posta elettronika u postali) kif ukoll l-indirizz tal-posta elettronika funzjonali u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni li t-trasportatur ikun beħsiebu juża għall-finijiet tal-Artikoli 13 u 14; |
(c) |
l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li jkun ħareġ ir-reġistrazzjoni uffiċjali tal-kumpanija msemmija fil-paragrafu 6 u n-numru ta’ reġistrazzjoni, fejn disponibbli; |
(d) |
meta t-trasportatur ikun hemeż, skont il-paragrafu 6, ir-reġistrazzjoni uffiċjali ta’ kumpanija maħruġa minn pajjiż terz, l-Istati Membri li fihom it-trasportatur jopera jew ikun beħsiebu jopera sas-sena ta’ wara. |
4. Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tinforma lit-trasportaturi dwar ir-rekwiżiti minimi tas-sigurtà. It-trasportaturi għandhom jiżguraw il-konformità mal-objettivi li ġejjin:
(a) |
l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà relatati mal-konnessjoni mal-interfaċċa tat-trasportaturi; |
(b) |
il-protezzjoni tal-ambjenti u tal-apparati konnessi mal-interfaċċa tat-trasportaturi; |
(c) |
id-detezzjoni u l-analiżi tal-inċidenti taċ-ċibersigurtà, ir-rispons għalihom u l-irkupru minnhom. |
5. Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tirrikjedi li t-trasportaturi jiddikjaraw:
(a) |
li huma joperaw u jittrasportaw passiġġieri fit-territorju tal-Istati Membri jew li biħsiebhom jagħmlu dan fis-sitt xhur li ġejjin; |
(b) |
li huma se jaċċessaw u jagħmlu użu mill-interfaċċa tat-trasportaturi f’konformità mar-rekwiżiti minimi tas-sigurtà stabbiliti fil-formola ta’ reġistrazzjoni, f’konformità mal-paragrafu 4; |
(c) |
li l-persunal debitament awtorizzat biss ikollu aċċess għall-interfaċċa tat-trasportaturi. |
6. Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tirrikjedi li t-trasportaturi jehmżu kopja elettronika tal-istrumenti tat-twaqqif tagħhom, inklużi l-istatuti, kif ukoll kopja elettronika ta’ estratt tar-reġistrazzjoni uffiċjali tal-kumpanija tagħhom minn tal-anqas Stat Membru wieħed, fejn applikabbli, jew minn pajjiż terz, b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni jew bl-Iżlandiż jew in-Norveġiż, jew tradotti uffiċjalment f’waħda minnhom. Kopja elettronika ta’ awtorizzazzjoni sabiex kumpanija topera fi Stat Membru wieħed jew aktar, bħaċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru, tista’ tissostitwixxi r-reġistrazzjoni uffiċjali tal-kumpanija.
7. Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tinnotifika lit-trasportaturi:
(a) |
li huma meħtieġa jinformaw lill-eu-LISA bi kwalunkwe bidla rigward l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu jew f’każ ta’ bidliet tekniċi li jaffettwaw il-konnessjoni tagħhom, “minn sistema għal oħra”, mal-interfaċċa tat-trasportaturi u li jistgħu jirrikjedu ttestjar addizzjonali f’konformità mal-Artikolu 12, permezz ta’ dettalji ta’ kuntatt speċifiċi tal-eu-LISA li għandhom jintużaw għal dan il-għan; |
(b) |
li huma awtomatikament jiġu dereġistrati mill-iskema ta’ awtentikazzjoni jekk ir-reġistrazzjonijiet juru li t-trasportatur ma jkunx uża l-interfaċċa tat-trasportaturi għal perjodu ta’ sena; |
(c) |
li jistgħu jiġu dereġistrati mill-iskema ta’ awtentikazzjoni f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, tar-rekwiżiti tas-sigurtà msemmija fil-paragrafu 4 jew il-linji gwida tekniċi, inkluż f’każ ta’ abbuż mill-interfaċċa tat-trasportaturi; |
(d) |
li huma obbligati jinformaw lill-eu-LISA dwar kwalunkwe ksur ta’ data personali li jista’ jseħħ u jirrieżaminaw regolarment id-drittijiet ta’ aċċess tal-persunal apposta tagħhom. |
8. Meta l-formola ta’ reġistrazzjoni tkun ġiet ippreżentata b’mod korrett, l-eu-LISA għandha tirreġistra t-trasportatur u tinnotifika lit-trasportatur li jkun ġie rreġistrat. Meta l-formola ta’ reġistrazzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata b’mod korrett, l-eu-LISA għandha tirrifjuta r-reġistrazzjoni u tinnotifika lit-trasportatur bir-raġunijiet.
9. L-eu-LISA għandha żżomm reġistru aġġornat tat-trasportaturi rreġistrati. Id-data personali tar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi għandha titħassar mhux aktar tard minn sena wara li t-trasportatur ikun ġie dereġistrat.
Artikolu 11
Dereġistrazzjoni mill-iskema ta’ awtentikazzjoni
1. Meta t-trasportatur jinforma lill-eu-LISA li ma għadux jopera jew jittrasporta passiġġieri fit-territorju tal-Istati Membri, l-eu-LISA għandha tneħħi r-reġistrazzjoni tat-trasportatur.
2. Meta r-reġistrazzjonijiet juru li t-trasportatur ma jkunx uża l-interfaċċa tat-trasportaturi għal perjodu ta’ sena, dan għandu jiġi awtomatikament dereġistrat.
3. Meta trasportatur ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(5), jew ikun kiser b’xi mod ieħor id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 10(4) jew il-linji gwida tekniċi, inkluż f’każ ta’ abbuż mill-interfaċċa tat-trasportaturi, l-eu-LISA tista’ tneħħi r-reġistrazzjoni tat-trasportatur.
4. L-eu-LISA għandha tinforma lit-trasportatur bl-intenzjoni tagħha li tneħħilu r-reġistrazzjoni skont il-paragrafi 1, 2 jew 3, flimkien mar-raġuni għad-dereġistrazzjoni, xahar qabel ma tneħħilu r-reġistrazzjoni. Qabel ma tneħħi r-reġistrazzjoni, l-eu-LISA għandha tagħti lit-trasportatur l-opportunità li jipprovdi kummenti bil-miktub.
5. F’każ ta’ tħassib urġenti dwar is-sigurtà tal-IT, inkluż meta t-trasportatur ma jkunx qed jikkonforma mar-rekwiżiti tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 10(4), jew mal-linji gwida tekniċi, l-eu-LISA tista’ minnufih tneħħi l-konnessjoni tat-trasportatur, u l-eu-LISA għandha tinforma lit-trasportatur li neħħietlu l-konnessjoni filwaqt li tagħtih ir-raġuni għal dan.
6. Sa fejn ikun xieraq, l-eu-LISA għandha tassisti lit-trasportaturi li jkunu rċevew notifika ta’ dereġistrazzjoni jew ta’ skonnessjoni biex jirrimedjaw għan-nuqqasijiet li wasslu għan-notifika u, fejn possibbli, għal żmien limitat u taħt kundizzjonijiet stretti, tipprovdi l-opportunità lit-trasportaturi skonnessi li jibagħtu t-talbiet għal verifika b’mezzi oħra differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 4.
7. It-trasportaturi skonnessi jistgħu jerġgħu jiġu konnessi mal-interfaċċa tat-trasportaturi wara li ma jkunx għad baqa’ tħassib dwar is-sigurtà li kien wassal għall-iskonnessjoni. It-trasportaturi dereġistrati jistgħu jippreżentaw talba ġdida għar-reġistrazzjoni.
8. Fi kwalunkwe ħin wara r-reġistrazzjoni tat-trasportaturi skont l-Artikolu 10, l-eu-LISA tista’, b’mod partikolari fejn ikun hemm suspett motivat li trasportatur wieħed jew aktar qed jabbużaw mill-interfaċċa tat-trasportaturi, jew li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(4), titlob informazzjoni mill-Istati Membri jew minn pajjiżi terzi.
9. Meta l-formola ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) ma tkunx disponibbli għal perjodu ta’ żmien twil, l-eu-LISA għandha tiżgura li r-reġistrazzjoni, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, tkun possibbli permezz ta’ mezzi oħra.
Artikolu 12
L-iżvilupp, l-ittestjar u l-konnessjoni tal-interfaċċa tat-trasportaturi
1. L-eu-LISA għandha tagħmel disponibbli l-linji gwida tekniċi għat-trasportaturi sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw u jittestjaw l-interfaċċa tat-trasportaturi tagħhom.
2. Meta t-trasportaturi jagħżlu li jikkonnettjaw permezz tal-Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 4(2), għandha tiġi ttestjata l-implimentazzjoni tal-format tal-messaġġ imsemmi fl-Artikolu 7 tal-iskema ta’ awtentikazzjoni msemmija fl-Artikolu 9.
3. Meta t-trasportaturi jagħżlu li jikkonnettjaw permezz tal-interfaċċa web (browser) jew applikazzjoni tal-apparati mobbli, huma għandhom jinnotifikaw lill-eu-LISA li ttestjaw b’suċċess il-konnessjoni tagħhom mal-interfaċċa tat-trasportaturi u li l-persunal debitament awtorizzat tagħhom ġie mħarreġ b’suċċess fl-użu tal-interfaċċa tat-trasportaturi.
4. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-eu-LISA għandha tiżviluppa u tagħmel disponibbli pjan ta’ ttestjar, ambjent ta’ ttestjar u simulatur li jippermettu lill-eu-LISA u lit-trasportaturi biex jittestjaw il-konnessjoni tat-trasportaturi mal-interfaċċa tat-trasportaturi. Għall-finijiet tal-paragrafu 3, l-eu-LISA għandha tiżviluppa u tagħmel disponibbli ambjent tal-ittestjar li jippermetti li t-trasportaturi jħarrġu lill-persunal tagħhom.
5. Malli tirnexxi l-proċedura ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 kif ukoll malli jirnexxi l-ittestjar imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew mal-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-eu-LISA għandha tikkonnettja t-trasportatur mal-interfaċċa tat-trasportaturi.
Artikolu 13
Impossibbiltà teknika
1. Meta jkun teknikament impossibbli li tintbagħat talba għal verifika minħabba ħsara f’komponent tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar, għandu japplika dan li ġej:
(a) |
jekk in-nuqqas jiġi identifikat minn trasportatur, hekk kif isir jaf bih, dan għandu jinnotifika lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS permezz tal-mezzi msemmija fl-Artikolu 14. |
(b) |
jekk il-ħsara tiġi identifikata jew ikkonfermata mill-eu-LISA, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tinforma lill-Istati Membri u lit-trasportaturi kkonċernati b’din il-ħsara permezz tal-posta elettronika jew b’mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, hekk kif issir taf b’dan, kif ukoll dwar meta tissewwa l-ħsara u tinstab soluzzjoni; |
2. Meta jkun teknikament impossibbli li tintbagħat talba għal verifika għal raġunijiet oħra għajr minħabba ħsara f’xi komponent tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, it-trasportatur għandu jinnotifika lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS permezz tal-mezzi msemmija fl-Artikolu 14.
3. It-trasportatur għandu jinforma lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS, permezz tal-mezzi msemmija fl-Artikolu 14, hekk kif il-kwistjoni tkun ġiet solvuta.
4. L-unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar l-impossibbiltà li dan it-trasportatur jibgħat it-talba għal verifika.
5. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 14, l-eu-LISA għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS għodda għall-ħruġ tal-biljetti. Din l-għodda għandha toffri aċċess għar-reġistru tat-trasportaturi.
6. L-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tirrikonoxxi l-wasla tan-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2.
Artikolu 14
Għajnuna lit-trasportaturi
1. Bħala parti mill-għodda għall-ħruġ tal-biljetti, għandha tkun disponibbli formola tal-web għat-trasportaturi fuq sit web pubbliku sabiex it-trasportaturi jkunu jistgħu jitolbu l-għajnuna.
Il-formola tal-web għandha tippermetti li t-trasportaturi jipprovdu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
id-dettalji ta’ identifikazzjoni tat-trasportatur; |
(b) |
sommarju tat-talba; |
(c) |
jekk it-talba hijiex ta’ natura teknika u, f’każ bħal dan, id-data u l-ħin ta’ meta nqalgħet il-kwistjoni teknika. |
2. It-trasportaturi għandhom jirċievu konferma tal-wasla tat-talba mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS. Din il-wasla tat-talba għandu jkun fiha n-numru tal-biljett.
3. Jekk it-talba għall-għajnuna tkun ta’ natura teknika, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tibgħat it-talba lill-eu-LISA u l-eu-LISA għandha tkun responsabbli biex tipprovdi l-assistenza teknika lit-trasportaturi.
4. Jekk it-talba għall-għajnuna ma tkunx ta’ natura teknika, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tassisti lit-trasportaturi billi tindikalhom l-informazzjoni rilevanti.
5. Fejn ikun teknikament impossibbli li tintalab assistenza f’konformità mal-paragrafu 1 bl-użu tal-formola tal-web, it-trasportatur għandu jkun jista’ juża linja tat-telefon ta’ emerġenza mqabbda mal-Unità Ċentrali tal-ETIAS jew mal-eu-LISA.
6. L-assistenza pprovduta mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS u mill-eu-LISA għandha tkun disponibbli 24/7 u pprovduta bl-Ingliż.
7. L-unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tagħmel disponibbli online lista ta’ mistoqsijiet u tweġibiet frekwenti rilevanti għat-trasportaturi. Din il-lista għandha tkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Għandha tkun separata mill-mistoqsijiet u t-tweġibiet rilevanti għall-vjaġġaturi.
Artikolu 15
Tħassir tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1217
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1217 għandu jitħassar.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1217 tas-26 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet għat-talbiet għal verifika mit-trasportaturi, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tal-iskema ta’ awtentikazzjoni tat-trasportaturi, kif ukoll il-proċeduri ta’ riżerva f’każ ta’ impossibbiltà teknika (ĠU L 267, 27.7.2021, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(4) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(6) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(8) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(10) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).