Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1275

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1275 tal-21 ta' Lulju 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

    ST/11130/2022/INIT

    ĠU L 194, 21.7.2022, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1275/oj

    21.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 194/8


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1275

    tal-21 ta' Lulju 2022

    li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta' Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-18 ta' Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012.

    (2)

    Il-Kunsill jibqa' mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja. Wara aktar minn għaxar snin, il-kunflitt fis-Sirja għadu ferm 'il bogħod milli jintemm u r-reġim Sirjan qed ikompli jsegwi l-politika tiegħu ta' repressjoni. Barra minn hekk, ir-reġim Sirjan jipprovdi appoġġ, inkluż appoġġ militari, lill-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna.

    (3)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li għandhom jinżdiedu erba' persuni u entità waħda mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012.

    (4)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BEK


    (1)  ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1.


    ANNESS

    L-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-entrati li ġejjin jinżdiedu mal-lista li tinsab fit-Taqsima A (Persuni):

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “323.

    Saleh AL-ABDULLAH

    (صالح عبدالله )

    Data tat-twelid: 1967

    Post tat-twelid: Safita, Tartous, Sirja

    Pożizzjoni: Brigadier Ġeneral

    Sess: raġel

    Saleh AL-ABDULLAH huwa l-kmandant tas-16-il Brigata affiljata mal-kmand tal-forzi Russi fis-Sirja mill-2020. Qabel kien id-deputat tal-Brigadier Ġeneral Suhail al-Hassan, fil-25 Diviżjoni tal-Armata Sirjana. Huwa involut fir-reklutaġġ ta' membri fis-16-il Brigata biex jiġġieldu fl-Ukrajna flimkien mar-Russja.

    F'din il-kapaċità, Saleh AL-ABDULLAH huwa membru tal-Forzi Armati Sirjani fil-grad ta' ‘kurunell’ u l-ekwivalenti jew ogħla fil-kariga wara Mejju 2011.

    21.7.2022

    324.

    Ahmed KHALIL KHALIL

    (magħruf ukoll bħala Ahmed KHALIL)

    (احمد خليل خليل)

    Sess: raġel

    Ahmed KHALIL KHALIL huwa l-koproprjetarju ta' Sanad Protection and Security Services, kumpanija tas-sigurtà privata Sirjana stabbilita fl-2017 u ssorveljata minn Wagner Group fis-Sirja, attiva fil-protezzjoni tal-interessi Russi (fosfati, gass u s-sigurtà tas-siti taż-żejt) fis-Sirja. L-isfruttament tar-riżorsi naturali jipprovdi dħul lir-reġim Sirjan. Barra minn hekk, il-kumpanija hija attiva fir-reklutaġġ ta' merċenarji Sirjani fil-Libja u fl-Ukrajna.

    Għaldaqstant, Ahmed KHALIL KHALIL jappoġġa lir-reġim Sirjan u jibbenefika minnu.

    21.7.2022

    325.

    Nasser Deeb DEEB

    (magħruf ukoll bħala Nasser Dhib, Nasser Dib, Nasser Deeb)

    (ناصر ديب )

    Sess: raġel

    Nasser Deeb DEEB huwa l-koproprjetarju ta' Sanad Protection and Security Services, kumpanija tas-sigurtà privata Sirjana stabbilita fl-2017 u ssorveljata minn Wagner Group fis-Sirja, attiva fil-protezzjoni tal-interessi Russi (fosfati, gass u s-sigurtà tas-siti taż-żejt) fis-Sirja. L-isfruttament tar-riżorsi naturali jipprovdi dħul lir-reġim Sirjan. Barra minn hekk, huwa wkoll koproprjetarju tal-kumpanija Ella Services flimkien ma' Khodr Ali Taher.

    F'din il-kapaċità, Nasser Deeb DEEB jappoġġa lir-reġim Sirjan u jibbenefika minnu.

    21.7.2022

    326.

    Issam SHAMMOUT

    (magħruf ukoll bħala Mohammed Issam Shammout, Mohamed Essam Shammout, Muhammad Issam Shammout, Muhammad Essam Shammout)

    (محمد عصام شموط)

    Data tat-twelid: 1971

    Post tat-twelid: Damasku, Sirja

    Sess: raġel

    Issam SHAMMOUT huwa s-sid u l-president tal-bord tad-diretturi tal-linja tal-ajru ‘Cham Wings’ u l-kap ta' Shammout Group, attiv fis-setturi tal-karozzi, tal-azzar, tal-avjazzjoni, tat-trasportazzjoni tal-merkanzija, tal-kostruzzjoni, u tal-proprjetà immobbli.

    F'din il-kapaċità, Issam SHAMMOUT huwa negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja.

    21.7.2022”

    (2)

    L-entrata li ġejja tinżdied mal-lista li tinsab fit-Taqsima B (Entitajiet):

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “82.

    Sanad Protection and Security Services

    (شركة سند للحرسات والخدمات الأمنية)

    Tip ta' entità: Kumpanija b'Responsabbiltà Limitata

    Data tal-ħolqien: 22 ta' Ottubru 2017

    Kwartieri Ġenerali: Damasku

    Sanad Protection and Security Services hija kumpanija tas-sigurtà privata Sirjana stabbilita fl-2017 u ssorveljata minn Wagner Group fis-Sirja, attiva fil-protezzjoni tal-interessi Russi (fosfati, gass u s-sigurtà tas-siti taż-żejt) fis-Sirja. L-isfruttament tar-riżorsi naturali jipprovdi dħul lir-reġim Sirjan. Barra minn hekk, il-kumpanija hija attiva fir-reklutaġġ ta' merċenarji Sirjani fil-Libja u fl-Ukrajna. Għaldaqstant, il-kumpanija tappoġġa lir-reġim Sirjan u tibbenefika minnu.

    21.7.2022”


    Top