Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1162

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1162 tal-5 ta’ Lulju 2022 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjonijiet sabiex jiġu implimentati s-sentenzi tas-27 ta’ April 2022 fil-kawżi T-242/19 u T-243/19, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72

    C/2022/4584

    ĠU L 179, 6.7.2022, p. 38–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/03/2023; Imħassar b' 32023R0609 U 32023R0610

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1162/oj

    6.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 179/38


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1162

    tal-5 ta’ Lulju 2022

    li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjonijiet sabiex jiġu implimentati s-sentenzi tas-27 ta’ April 2022 fil-kawżi T-242/19 u T-243/19, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-regolament antidumping bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-regolament antidumping bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   Adozzjoni ta’ miżuri

    (1)

    Fis-17 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni (“il-Kummissjoni”) adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1012 (3) li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-Regolament proviżorju”).

    (2)

    Fis-17 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73 (4), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 (5) (ir-regolamenti inkwistjoni).

    1.2.   Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea

    (3)

    Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd (Giant) ippreżentat rikorsi għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali li jikkontestaw il-legalità tar-regolamenti inkwistjoni. Giant ikkontestat l-aġġustament li sar fuq il-prezz tal-esportazzjoni tagħha għall-bejgħ permezz ta’ negozjanti relatati stabbiliti fl-Unjoni bl-użu b’analoġija tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament antidumping bażiku fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz. B’mod partikolari, Giant sostniet li l-aġġustament — it-tnaqqis tal-importatur relatat SG&A u profitt nozzjonali — biddlu l-livell ta’ kummerċ tal-bejgħ tal-esportazzjoni tagħha, li rriżulta fit-tqabbil tal-prezz tal-esportazzjoni tagħha fil-livell ta’ importatur mal-prezzijiet tal-Unjoni fil-livell tal-bejjiegħa bl-imnut. Dan il-prezz tal-esportazzjoni aġġustat ġie mqabbel mal-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lill-ewwel klijenti indipendenti tagħhom permezz ta’ bejgħ permezz ta’ entitajiet tal-bejgħ relatati fl-UE għall-fini tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz. Giant ikkontestat ukoll it-trattament tal-bejgħ tal-Manifattur tat-Tagħmir Oriġinali (OEM) għall-fini tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz. Fil-fehma ta’ Giant, il-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti bil-marka proprja lill-bejjiegħa bl-imnut kellu jiġi aġġustat biex jinġieb għal-livell ta’ bejgħ lil klijent OEM mhux relatat fl-Unjoni qabel ma tqabbel mal-bejgħ OEM tiegħu.

    (4)

    Fis-27 ta’ April 2022, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenzi tagħha fil-kawżi T-242/19 u T-243/19, fejn annullat kemm ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73 (antidumping) kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72 (antisussidji) sa fejn hija kkonċernata Giant.

    (5)

    Il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddetermina l-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u li kienet intitolata li tibbaża l-analiżi tad-dannu tagħha u, għalhekk, ir-rabta kawżali, fuq fenomeni oħra tal-prezzijiet elenkati, rispettivament, fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament antidumping bażiku, u fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament antisussidji bażiku bħal tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni jew il-prevenzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet sa ċertu punt notevoli. Madankollu, fiż-żewġ kawżi, peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet fil-kuntest tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 8(2), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li billi ħadet inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni, ċerti elementi li hija kienet madankollu naqqset mill-prezzijiet tar-rikorrenti (jew ma kinux preżenti fir-rigward tal-bejgħ OEM peress li l-kummerċjalizzazzjoni downstream tal-prodott ikkonċernat (6) twettqet mix-xerrej indipendenti nnifsu), il-Kummissjoni ma għamlitx paragun ġust meta kkalkolat il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tar-rikorrenti. Il-Qorti Ġenerali rrilevat li dan l-iżball metodoloġiku kkonstatat kellu l-effett li jidentifika t-twaqqigħ tal-prezzijiet li l-importanza jew l-eżistenza tagħhom ma kinitx ġiet stabbilita b’mod korrett.

    (6)

    Meta wieħed iqis l-importanza li l-Kummissjoni kienet tat lill-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz bħala indikatur ta’ importanza primarja fl-analiżi tad-dannu tagħha u li kien element deċiżiv fil-konklużjoni dwar ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jew sussidju u dak id-dannu, il-Qorti Ġenerali sabet li l-iżball fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz kien biżżejjed biex tinvalida l-analiżi tal-Kummissjoni tar-rabta kawżali, li l-eżistenza tagħha hija element essenzjali għall-impożizzjoni ta’ miżuri.

    (7)

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali nnotat li irrispettivament mill-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament antidumping bażiku għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, jew tal-Artikolu 8 tar-Regolament antisussidji bażiku, in-natura inġusta tal-paragun li nstab taħt it-tieni parti ta’ dak il-motiv ivvizzjat, fi kwalunkwe każ, l-analiżi tal-Kummissjoni skont dawk id-dispożizzjonijiet (7) (8).

    (8)

    Il-Qorti Ġenerali nnotat ukoll li “l-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu kien iddeterminat abbażi ta’ tqabbil li jinvolvi l-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi fil-kampjun, aġġustat kif xieraq għall-ispejjeż tal-importazzjoni u d-dazji doganali, kif kien ġie stabbilit għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz (9) (10). Konsegwentement, hija ddeċidiet li “ma jistax jiġi eskluż li, fl-assenza tal-iżball metodoloġiku ... relatat mat-twaqqigħ tal-prezzijiet tar-rikorrenti, il-marġni ta’ ħsara tal-industrija tal-Unjoni kien jiġi stabbilit f’livell iktar baxx minn dak stabbilit fir-regolamenti ikkontestati u iktar baxx mill-marġni ta’ dumping jew l-ammont ta’ dazji kumpensabbli stabbiliti fih. F’dak il-każ, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament antisussidji bażiku, l-ammont tad-dazji rispettivi jenħtieġ li jitnaqqas għal rata li tkun adegwata biex jitneħħa d-dannu (11) (12).

    (9)

    Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali annullat iż-żewġ regolamenti kontenzjużi sa fejn kienet ikkonċernata Giant.

    2.   RAĠUNI GĦAL REĠISTRAZZJONI

    (10)

    Il-Kummissjoni analizzat jekk huwiex xieraq li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

    (11)

    L-Artikolu 266 tat-TFUE jipprevedi li l-Istituzzjonijiet iridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mas-sentenzi. Fil-każ ta’ annullament ta’ att adottat mill-Istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, bħall-investigazzjonijiet antidumping jew antisussidji, il-konformità mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tikkonsisti fis-sostituzzjoni tal-att annullat b’att ġdid, li fih l-illegalità identifikata mill-Qorti tiġi eliminata (13).

    (12)

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura għas-sostituzzjoni tal-att annullat tista’ tissokta fil-punt eżatt li fih saret l-illegalità (14). Dan jimplika b’mod partikolari li, f’sitwazzjoni fejn att li jikkonkludi proċedura amministrattiva jiġi annullat, l-annullament mhux neċessarjament jaffettwa l-atti preparatorji, bħall-ftuħ tal-proċedura antidumping. F’sitwazzjoni fejn, pereżempju, Regolament li jimponi miżuri antidumping definittivi jiġi annullat, dan ifisser li wara l-annullament, il-proċediment antidumping ikun għadu miftuħ, minħabba li l-att li jikkonkludi l-proċediment antidumping ikun sparixxa mill-ordni legali tal-Unjoni (15), ħlief jekk l-illegalità tkun saret fl-istadju tal-bidu.

    (13)

    Kif spjegat fl-Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid (16), u peress li l-illegalità ma seħħitx fl-istadju tal-bidu iżda fl-istadju tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ tiftaħ l-investigazzjonijiet antidumping u antisussidji sa fejn jikkonċernaw lil Giant, u ssoktathom fil-punt li fih seħħet l-irregolarità.

    (14)

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tkomplija tal-proċedura amministrattiva u l-impożizzjoni mill-ġdid eventwali tad-dazji ma jistgħux jitqiesu bħala kuntrarji għar-regola ta’ nonretroattività (17). L-Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid informa lill-partijiet interessati, inklużi l-importaturi, li kwalunkwe responsabbiltà futura, jekk tkun iġġustifikata, tirriżulta mis-sejbiet tal-eżami mill-ġdid.

    (15)

    Abbażi tas-sejbiet il-ġodda tagħha u l-eżitu tal-investigazzjonijiet li reġgħu nfetħu, li f’dan l-istadju mhumiex magħrufa, il-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti li jirrevedu, fejn meħtieġ, ir-rati tad-dazju applikabbli. Dawk ir-rati riveduti, jekk ikun hemm, se jidħlu fis-seħħ mid-data li fiha r-Regolamenti antidumping u antisussidji inkwistjoni daħlu fis-seħħ.

    (16)

    Għal dan il-għan, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet doganali nazzjonali biex jistennew l-eżitu tal-eżami mill-ġdid qabel ma jiddeċiedu dwar kwalunkwe talba għal ħlas lura li tikkonċerna d-dazji antidumping u/jew kumpensatorji annullati mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ Giant. B’hekk l-awtoritajiet doganali huma ordnati li jżommu kwalunkwe pretensjoni għar-rimborż tad-dazji annullati sakemm l-eżitu tal-eżami mill-ġdid jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali.

    (17)

    Barra minn hekk, jekk l-investigazzjonijiet tal-ftuħ mill-ġdid iwasslu għall-impożizzjoni mill-ġdid tal-miżuri, id-dazji għandhom jinġabru wkoll għall-perjodu li matulu jitwettqu l-investigazzjonijiet tal-ftuħ mill-ġdid.

    (18)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li r-reġistrazzjoni hija għodda pprovduta fl-Artikoli 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament antisussidji bażiku sabiex sussegwentement il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati kontra l-importazzjonijiet mid-data tar-reġistrazzjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jiġu rreġistrati l-importazzjonijiet li jikkonċernaw lil Giant bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-ġbir ta’ dazji antidumping u kumpensatorji ladarba l-livelli tagħhom jiġu riveduti f’konformità mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali (18).

    (19)

    F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (19), għall-kuntrarju tar-reġistrazzjoni li sseħħ matul il-perjodu qabel l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament antisussidji bażiku mhumiex applikabbli għall-każ inkwistjoni. Tabilħaqq, l-iskop tar-reġistrazzjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Qorti ma huwiex li tippermetti l-ġbir retroattiv possibbli ta’ miżuri għad-difiża tal-kummerċ kif previst f’dawk id-dispożizzjonijiet. L-għan huwa pjuttost li tiġi ssalvagwardjata l-effettività tal-miżuri fis-seħħ, mingħajr interruzzjoni żejda mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolamenti inkwistjoni sal-impożizzjoni mill-ġdid tad-dazji kkorreġuti, billi jiġi żgurat li l-ġbir tal-ammont korrett tad-dazji jkun possibbli fil-futur.

    (20)

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li hemm raġunijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament antisussidji bażiku.

    3.   REĠISTRAZZJONI

    (21)

    Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prodott minn Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC C383 iridu jkunu soġġetti għar-reġistrazzjoni.

    (22)

    Kif indikat fl-Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid, l-obbligazzjoni finali għall-ħlas ta’ dazji antidumping u kompensatorji, jekk ikun hemm, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolamenti antidumping u antisussidji in kwistjoni toħroġ mis-sejbiet tal-eżaminazzjoni mill-ġdid.

    (23)

    L-ebda dazji ogħla mid-dazji stabbiliti fir-regolamenti inkwistjoni ma jistgħu jinġabru għall-perjodu bejn il-pubblikazzjoni tal-Avviż tal-ftuħ mill-ġdid u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-riżultati tal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjonijiet.

    (24)

    Id-dazji antidumping u antisussidji attwali applikabbli għal Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd huma 20,7 % u 3,9 % rispettivament,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-awtoritajiet Doganali għandhom, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2016/1037, jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet ta’ roti, bl-għajnuna fil-pedali, b’mutur elettriku awżiljarju, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8711 60 10 u ex 8711 60 90 (kodiċi TARIC 8711609010), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u prodotti minn Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC C383).

    2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    3.   Ir-rati tad-dazji antidumping u kumpensatorji li jistgħu jinġabru fuq l-importazzjonijiet ta’ roti, bl-għajnuna fil-pedali, b’mutur elettriku awżiljarju, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8711 60 10 u ex 8711 60 90 (il-kodiċi TARIC 8711609010), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u prodotti minn Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd (il-kodiċi addizzjonali TARIC C383) bejn il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjonijiet u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-riżultati tal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjonijiet ma għandhomx jaqbżu dawk imposti mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73 u (UE) 2019/72.

    4.   L-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jistennew il-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni rilevanti li jimponi mill-ġdid id-dazji qabel ma jiddeċiedu dwar it-talba għall-ħlas lura u r-remissjoni tad-dazji antidumping u/jew kumpensatorji sa fejn huma kkonċernati l-importazzjonijiet li jikkonċernaw lil Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1012 tas-17 ta’ Lulju 2018 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/671 (ĠU L 181, 18.7.2018, p. 7).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 16, 18.1.2019, p. 108).

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 16, 18.1.2019, p. 5).

    (6)  Kif definit fir-regolament inkwistjoni.

    (7)  Il-kawża T-242/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea EU:T:2022:259, il-paragrafu 126.

    (8)  Il-kawża T-243/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea EU:T:2022:260, il-paragrafu 118.

    (9)  Il-kawża T-242/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea EU:T:2022:259, il-paragrafu 122.

    (10)  Il-kawża T-243/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea EU:T:2022:260, il-paragrafu 114.

    (11)  Il-kawża T-242/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea EU:T:2022:259, il-paragrafu 123.

    (12)  Il-kawża T-243/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea EU:T:2022:260, il-paragrafu 115.

    (13)  Il-Kawżi Magħquda 97, 193, 99 u 215/86 Asteris AE u oħrajn u r-Repubblika Ellenika vs il-Kummissjoni [1988] Ġabra 2181, il-paragrafi 27 u 28.

    (14)  Il-Kawża C-415/96 Spanja v il-Kummissjoni [1998] Ġabra I-6993, il-paragrafu 31; Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Sphériques vs il-Kunsill [2000] I-8147, il-paragrafi 80 sa 85; Il-Kawża T-301/01 Alitalia vs il-Kummissjoni [2008] II-1753, il-paragrafi 99 u 142; Il-Kawżi Magħquda T-267/08 u T-279/08 Région Nord-Pas de Calais vs il-Kummissjoni [2011] II-0000, il-paragrafu 83.

    (15)  Il-kawża C-415/96 Spanja v il-Kummissjoni [1998] Ġabra I-6993, il-paragrafu 31; Il-kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Sphériques vs il-Kunsill [2000] I-8147, il-paragrafi 80 sa 85.

    (16)  ĠU C260, 6.7.2022, p 5.

    (17)  Il-kawża C-256/16 Deichmann SE vs Hauptzollamt Duisburg, Sentenza tal-Qorti tal-15 ta’ Marzu 2018, paragrafu 79 u C-612/16 C & J Clark International Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs, sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, il-paragrafu 5.

    (18)  Il-kawża T-440/20 Jindal Saw vs Il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2022:318, il-paragrafi 154–159.

    (19)  Il-kawża C-256/16 Deichmann SE vs Hauptzollamt Duisburg, il-paragrafu 79 u l-Kawża C-612/16, C & J Clark International Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs, sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, il-paragrafu 58.


    Top