EUR-Lex Baza aktów prawnych Unii Europejskiej

Powrót na stronę główną portalu EUR-Lex

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 32022R1032

Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

PE/24/2022/INIT

ĠU L 173, 30.6.2022, str. 17—33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status prawny dokumentu Obowiązujące: Ten akt został zmieniony. Aktualna wersja skonsolidowana: 30/06/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1032/oj

30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/17


REGOLAMENT (UE) 2022/1032 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ Ġunju 2022

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Filwaqt li fl-imgħoddi seħħew interruzzjonijiet tal-provvista tal-gass għal żmien qasir, hemm diversi fatturi li jiddistingwu s-sitwazzjoni fl-2022 mill-kriżijiet preċedenti tas-sigurtà tal-provvista tal-gass. L-eskalazzjoni tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna minn Frar 2022 wasslet għal żidiet bla preċedent fil-prezzijiet. Dawk iż-żidiet fil-prezzijiet x'aktarx li jibdlu b'mod fundamentali l-inċentivi biex jimtlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fl-Unjoni. Fis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, ma jistgħux jiġu esklużi aktar interruzzjonijiet fil-provvisti tal-gass. Dawn l-interruzzjonijiet fil-provvisti jistgħu jagħmlu ħsara serja liċ-ċittadini u lill-ekonomija tal-Unjoni, peress li l-Unjoni għadha, f’miżura sinifikanti, dipendenti fuq il-provvisti esterni tal-gass, li jistgħu jiġu affettwati mill-konflitt.

(2)

In-natura u l-konsegwenzi tal-avvenimenti reċenti huma fuq skala kbira u mifruxin fl-Unjoni kollha u għalhekk jeħtieġu rispons komprensiv tal-Unjoni. Dak ir-rispons jenħtieġ li jagħti prijorità lil miżuri li jistgħu jsaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari l-provvisti tal-gass għall-klijenti protetti. L-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huma kontributuri ewlenin għal dan l-objettiv. Għalhekk huwa kruċjali li l-Unjoni taġixxi b'mod koordinat biex tevita riskji potenzjali li jirriżultaw minn interruzzjonijiet possibbli tal-provvista tal-gass, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jagħżlu bejn sorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(3)

Il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tal-gass u faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art mimlija sew iwasslu għas-siġurtà tal-provvista tal-gass billi jipprovdu gass addizzjonali f'każ ta' domanda qawwija jew ta' interruzzjonijiet tal-provvista. Peress li l-interruzzjonijiet tal-provvista tal-gass mill-pipelines jistgħu jseħħu fi kwalunkwe ħin, jenħtieġ li jiġu introdotti miżuri rigward il-livell tal-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin ta’ gass taħt l-art tal-Unjoni għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass għax-xitwa tal-2022 - 2023.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa mekkaniżmu ta' solidarjetà bħala strument biex jittaffew l-effetti ta' emerġenza serja fl-Unjoni fejn il-provvista tal-gass lil klijenti protetti mis-solidarjetà, bħala bżonn essenzjali ta' sigurtà u prijorità meħtieġa, tkun fil-periklu fi Stat Membru. F'każ ta' emerġenza fil-livell tal-Unjoni, rispons immedjat jiżgura li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu protezzjoni msaħħa lill-klijenti.

(5)

L-impatt tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna wera li r-regoli eżistenti dwar is-sigurtà tal-provvista mhumiex adattati għal bidliet kbar għal għarrieda fis-sitwazzjoni ġeopolitika, fejn in-nuqqas ta' provvista u l-livelli ogħla tal-prezzijiet jistgħu jirriżultaw mhux biss mill-falliment tal-infrastruttura jew minn kundizzjonijiet ta' temp estrem iżda wkoll minn avvenimenti maġġuri intenzjonati u minn interruzzjonijiet tal-provvista li jdumu aktar fit-tul jew li jseħħu għal għarrieda. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu indirizzati r-riskji li żdiedu ħafna għal għarrieda li jirriżultaw mill-bidliet attwali fis-sitwazzjoni ġeopolitika, inkluż billi niddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija tal-Unjoni.

(6)

Abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni ta’, fost l-oħrajn, l-adegwatezza tal-miżuri biex tiġi żgurata l-provvista tal-gass u l-analiżi msaħħa fil-livell tal-Unjoni tat-tħejjija għar-riskji mwettqa fi Frar 2022 mill-Kummissjoni u l-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar il-Gass (il-"GCG") stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1938, jenħtieġ li kull Stat Membru, fil-prinċipju, jiżgura li l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art li jkunu jinsabu fit-territorju tiegħu u li jkunu interkonnessi direttament ma' żona ta' kummerċ ta' dak l-Istat Membru jkunu mimlijin sa mill-inqas 90 % tal-kapaċità tagħhom fil-livell tal-Istat Membru sal-1 ta' Novembru ta' kull sena ("mira tal-mili"), b'sensiela ta’ miri intermedji għal kull Stat Membru f'Mejju, f'Lulju, f'Settembru u fi Frar ("trajettorja għall-mili") tas-sena ta' wara. Xi Stati Membri li għandhom kapaċità ta' ħżin sinifikanti jiġu affettwati b'mod sproporzjonat mill-obbligu li l-mira għall-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art tintlaħaq fit-territorju tagħhom. Sabiex tiġi riflessa dik is-sitwazzjoni, l-obbligu li jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art tagħhom jenħtieġ li jitnaqqas għal volum ta' 35 % tal-konsum medju annwali tal-gass tagħhom matul il-ħames snin preċedenti. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' Stati Membri oħra li jikkontribwixxu għall-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art ikkonċernati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu, soġġett għal kondizzjonijiet, li jilħqu parzjalment il-mira tal-mili billi jgħoddu l-istokkijiet tal-gass naturali likwifikat (LNG) maħżuna fil-faċilitajiet tal-LNG. Il-miri tal-mili huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-konsumaturi fl-Unjoni jkunu protetti b'mod adegwat kontra nuqqasijiet ta' provvista tal-gass. Għall-2022, jenħtieġ li japplikaw mira tal-mili aktar baxxa ta' 80 % u għadd imnaqqas ta' miri intermedji, filwaqt li jitqies il-fatt li dan ir-Regolament irid jidħol fis-seħħ wara l-bidu tal-istaġun tal-mili tal-gass u li l-Istati Membri ser ikollhom żmien limitat biex jimplimentawh.

(7)

Meta jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw li jiddiversifikaw il-fornituri tal-gass tagħhom bil-ħsieb li jnaqqsu d-dipendenza tagħhom meta din tista' tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

(8)

Kull sena mill-2023, jenħtieġ li l-ħżin tal-gass jiġi mmonitorjat b'mod speċifiku minn Frar biex jiġi evitat l-irtirar għal għarrieda tal-gass mill-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art f'nofs ix-xitwa, li jista' jġib miegħu sfidi għas-sigurtà tal-provvista qabel tmiem ix-xitwa. It-trajettorji għall-mili jenħtieġ li jippermettu monitoraġġ kontinwu matul l-istaġun tal-mili tal-ħażniet.

(9)

Kull sena mill-2023, kull Stat Membru b'faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jenħtieġ li jibgħat abbozz lill-Kummissjoni ta' trajettorja għall-mili għal tali faċilitajiet fit-territorju tiegħu u li jkunu interkonnessi direttament maż-żona ta' kummerċ tiegħu f'forma aggregata. B’kont meħud tal-valutazzjoni tal-GCG, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tistabbilixxi t-"trajettorji għall-mili" għal kull Stat Membru b'mod li ma jfixkilx bla bżonn il-pożizzjoni kompetittiva tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art f'dak l-Istat Membru meta mqabbla ma’ tali faċilitajiet li jinsabu fi Stati Membri viċini.

(10)

Sabiex tiġi stabbilita t-trajettorja għall-mili għal kull Stat Membru b’faċilitajiet ta’ ħżin ta’ gass taħt l-art mill-2023 abbażi tal-abbozz ta’ trajettorja għall-mili mibgħut minn kull Stat Membru bħal dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(11)

It-trajettorja għall-mili għal kull Stat Membru b’faċilitajiet ta’ ħżin ta’ gass taħt l-art jenħtieġ li tinkludi sensiela ta’ miri intermedji u jenħtieġ li tkun ibbażata fuq ir-rata medja tal-mili għal dak l-Istat Membru matul il-ħames snin preċedenti. Għall-Istati Membri li għalihom l-mira tal-mili titnaqqas għal 35 % tal-konsum annwali medju tagħhom tal-gass, il-miri intermedji tat-trajettorja għall-mili jenħtieġ li jitnaqqsu kif xieraq.

(12)

Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jilħaq il-miri tal-mili fil-ħin minħabba kwistjonijiet tekniċi bħal problemi relatati mal-pipelines li jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jew b’faċilitajiet ta' injezzjoni, jenħtieġ li l-Istat Membru jitħalla jilħaq il-mira tal-mili fi stadju aktar tard. Madankollu kull mira tal-mili jenħtieġ li tintlaħaq malajr kemm jista' jkun possibbli teknikament, u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mill-1 ta' Diċembru tas-sena kkonċernata, sabiex tiġi salvagwardata s-sigurtà tal-provvista tal-gass għall-perjodu tax-xitwa.

(13)

Huwa possibbli li Stat Membru ma jkunx jista’ jilħaq il-mira tal-mili jew mira intermedja minħabba emerġenza reġjonali jew fil-livell tal-Unjoni, bħal fejn il-provvista tal-gass ma tkunx suffiċjenti kif imsemmi fl-Artikolu 11(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2017/1938, li l-Kummissjoni tkun iddikjarat fuq talba ta' Stat Membru wieħed jew aktar, skont kif ikun il-każ, li jkunu ddikjaraw emerġenza nazzjonali, skont it-tifsira ta' dak ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-miri tal-mili, inkluż il-mira għall-kondiviżjoni tal-piżijiet, ma japplikawx meta, u sakemm, il-Kummissjoni tkun iddikjarat emerġenza reġjonali jew fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 12 ta' dak ir-Regolament.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda devjazzjoni mit-trajettorji għall-mili, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw kontinwament il-livelli tal-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art. It-trajettorji għall-mili jenħtieġ li jkunu soġġetti għal marġni ta' ħames punti perċentwali. Fejn il-livell tal-mili ta' Stat Membru jkun aktar minn ħames punti perċentwali taħt il-livell tat-trajettorja għall-mili tiegħu, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tieħu miżuri effettivi minnufih biex iżżidu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-GCG b'dawn il-miżuri.

(15)

Kwalunkwe devjazzjoni sostanzjali u sostnuta minn Stat Membru mit-trajettorja għall-mili tiegħu tista' tipperikola livelli tal-mili adegwati u l-mira għall-mili, li huma meħtieġa għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-Unjoni fi spirtu ta' solidarjetà. F'każ ta' devjazzjoni sostanzjali u sostnuta bħal din mit-trajettorja għall-mili jew ta' devjazzjoni mill-mira tal-mili, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tieħu miżuri effettivi biex tevita problemi ta' sigurtà tal-provvista tal-gass li jirriżultaw minn faċilitajiet ta’ ħżin mhux mimlija. Meta tiddeċiedi dwar miżuri effettivi bħal dawn, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis is-sitwazzjoni speċifika tal-Istat Membru kkonċernat, bħad-daqs tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art meta mqabbel mal-konsum domestiku tal-gass, l-importanza tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għas-sigurtà tal-provvista tal-gass fir-reġjun u kull faċilità eżistenti ta’ ħżin tal-LNG. Peress li dan ir-Regolament irid jidħol fis-seħħ wara l-bidu tal-istaġun tal-mili tal-ħżin fl-2022, kwalunkwe miżura meħuda mill-Kummissjoni biex tindirizza devjazzjonijiet mit-trajettorja għall-mili għall-2022 jenħtieġ li tqis iż-żmien limitat disponibbli għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass, mingħajr ma jitqiegħed piż sproporzjonat fuq l-Istati Membri, il-parteċipanti fis-suq tal-gass, l-operaturi tas-sistemi tal-ħżin jew il-konsumaturi.

(16)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jintlaħqu l-miri tal-mili, Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li jimmiraw li jużaw miżuri ibbażati fuq is-suq bħala l-ewwel rikors, fejn possibbli, sabiex jiġi evitat tfixkil bla bżonn fis-suq. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu ħielsa li jistabbilixxu mira ogħla tal-mili, sabiex l-Unjoni tkun tista' tistinka biex kollettivament tilħaq il-mili ta' 85 % tal-kapaċità tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fl-Unjoni għall-2022. Minħabba d-diversi reġimi regolatorji diġà fis-seħħ f'bosta Stati Membri biex jiġi appoġġat il-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art, jenħtieġ li ma jiġi preskritt l-ebda strument speċifiku biex jintlaħqu t-trajettorji għall-mili jew il-mira tal-mili. Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiddeċiedu liema strument ikun l-aktar xieraq għas-sistemi nazzjonali tagħhom, dment li jintlaħqu ċerti kondizzjonijiet. Għalhekk, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet regolatorji kompetenti jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jiddeterminaw liema parteċipanti fis-suq għandhom ikunu meħtieġa jiżguraw il-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin. Jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu wkoll jekk mezzi regolatorji, bħal miżuri li jobbligaw lid-detenturi tal-kapaċità jilliberaw il-kapaċità mhux użata, li jkunu possibbli skont ir-regoli tas-suq eżistenti tal-Unjoni, humiex biżżejjed biex jiżguraw li jintlaħqu l-miri tal-mili, jew jekk ikunux meħtieġa inċentivi finanzjarji jew tnaqqis fit-tariffi tal-ħżin. Jekk Stat Membru jimponi obbligu fuq il-fornituri tal-gass lil klijenti protetti fit-territorju tiegħu biex jaħżnu l-gass f'faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art, l-ammont tal-gass li jrid jinħażen jenħtieġ li jiġi ddeterminat abbażi tal-ammont ta' gass naturali fornut lil dawk il-klijenti protetti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkoordinaw bejniethom u jużaw strumenti, bħal pjattaformi għax-xiri ta' LNG sabiex jimmassimizzaw l-użu tal-LNG biex jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jnaqqsu l-ostakli tal-infrastruttura u dawk regolatorji għall-użu kondiviż tal-LNG biex jimtlew il-faċilitajiet tal-ħżin.

(17)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2022 intitolata "REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli" iċċarat li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna lill-fornituri tal-gass skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c) TFUE sabiex jiżguraw il-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin, pereżempju fil-forma ta' garanziji (kuntratt bidirezzjonali għad-differenza).

(18)

Jenħtieġ li kwalunkwe miżura meħuda mill-Istati Membri biex jiġi żgurat il-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art, inkluż il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu imposti fuq il-mili abbażi tal-kondiviżjoni tal-piżijiet u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu imposti fuq l-irtirar tal-gass minn faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art, tkun neċessarja, definita b'mod ċar, trasparenti, proporzjonata, mhux diskriminatorja u verifikabbli u jenħtieġ li ma tfixkilx bla bżonn il-kompetizzjoni jew il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass jew tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-gass ta' Stati Membri oħrajn jew tal-Unjoni. B'mod partikolari, jenħtieġ li miżuri bħal dawn ma jwasslux għat-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti, jew għal gwadann mhux mistenni għall-impriżi li jikkontrollaw il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jew li jkunu bbukkjaw, iżda ma jkunux użaw, il-kapaċità ta' ħżin.

(19)

L-użu effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti, inkluż il-kapaċitajiet ta' trażmissjoni transfruntiera, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art u l-faċilitajiet tal-LNG, huwa importanti għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass fi spirtu ta' solidarjetà. Il-fruntieri miftuħa tal-enerġija huma kruċjali għas-sigurtà tal-provvista tal-gass, inkluż fi żminijiet ta' interruzzjonijiet tal-provvista tal-gass fil-livell nazzjonali, reġjonali jew tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri meħuda biex jiġi żgurat il-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art ma jimblukkawx jew jirrestrinġu l-kapaċitajiet transfruntiera allokati f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 (5). Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ħżin jibqa' disponibbli, inkluż għall-Istati Membri ġirien u meta tiġi ddikjarata emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 11(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2017/1938.

(20)

L-obbligu tal-ħżin x'aktarx jimponi piż finanzjarju fuq il-parteċipanti fis-suq rilevanti f'dawk l-Istati Membri li għandhom faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art rilevanti fit-territorju tagħhom, filwaqt li ż-żieda fil-livell tas-sigurtà tal-provvista tal-gass hija maħsuba li tkun ta' benefiċċju għall-Istati Membri kollha, inkluż dawk li ma għandhomx faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art. Sabiex jinqasam il-piż li jiġi żgurat li l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fl-Unjoni jimtlew biżżejjed għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass, jenħtieġ li, fi spirtu ta' solidarjetà, l-Istati Membri mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jużaw il-ħżin tal-gass taħt l-art fi Stati Membri oħrajn. F'każ li Stat Membru ma jkollu l-ebda interkonnessjoni ma' Stati Membri oħra, jew jekk il-kapaċità ta' trażmissjoni transfruntiera limitata ta' Stat Membru jew raġunijiet tekniċi oħra jagħmluha impossibbli li jintużaw faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fi Stati Membri oħrajn, jenħtieġ li dak l-obbligu jitnaqqas skont kif ikun xieraq.

(21)

Jenħtieġ li l-Istati Membri mingħajr faċilitajiet ta' ħżin tal-gass taħt l-art jiżguraw li l-parteċipanti fis-suq fi Stati Membri bħal dawn ikollhom fis-seħħ arranġamenti fl-Istati Membri li jkollhom tali faċilitajiet li jipprevedu l-użu, sal-1 ta’ Novembru, ta' volumi ta' ħżin li jikkorrispondu għal mill-inqas 15 % tal-konsum medju annwali tal-gass tagħhom matul il-ħames snin preċedenti. Madankollu, jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri mingħajr faċilitajiet ta' ħżin tal-gass taħt l-art jkunu jistgħu wkoll jiżviluppaw mekkaniżmu alternattiv għall-kondiviżjoni tal-piżijiet ma' Stat Membru wieħed jew aktar li jkollhom faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art. Jenħtieġ ukoll li jitqiesu miżuri ekwivalenti eżistenti oħrajn għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass meta jiġi kkunsidrat il-mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-piżijiet, bħall-obbligu ekwivalenti fir-rigward ta' fjuwils minbarra l-gass naturali, inkluż iż-żejt, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw tali mekkaniżmi alternattivi għall-kondiviżjoni tal-piżijiet lill-Kummissjoni u juru l-limitazzjonijiet tekniċi, u l-ekwivalenza tal-miżuri li jkunu ttieħdu.

(22)

Huwa possibbli li l-miżuri li permezz tagħhom l-Istati Membri mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jaqsmu l-piż tal-obbligu tal-ħżin mal-Istati Membri li jkollhom faċilitajiet tal-ħżin ta’ gass taħt l-art ikollhom, min-naħa tagħhom, impatt finanzjarju fuq il-parteċipanti tas-suq rilevanti. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jitħallew jipprovdu inċentivi finanzjarji jew kumpens lill-parteċipanti fis-suq għan-nuqqas ta' dħul jew għall-kostijiet tal-obbligi imposti fuqhom li ma jistgħux jiġu koperti mid-dħul. Jekk tali miżuri jkunu ffinanzjati permezz ta' imposta, jenħtieġ li dik l-imposta ma tiġix applikata għall-punti ta' interkonnessjoni transfruntiera.

(23)

Il-monitoraġġ u r-rapportar effettivi huma essenzjali, kemm għall-valutazzjoni tan-natura u l-firxa tar-riskji relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-gass, kif ukoll għall-għażla tal-miżuri xierqa biex jiġu miġġielda tali riskji. Jenħtieġ li l-operaturi tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jirrappurtaw il-livelli tal-mili lill-awtoritajiet kompetenti kull xahar matul l-istaġun tal-mili. Is-sidien u l-operaturi tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art huma mħeġġa idaħħlu l-kapaċità u l-livell tal-mili għal kull faċilità tal-ħżin tal-gass taħt l-art fi pjattaforma ċentrali tar-rapportar.

(24)

L-awtoritajiet kompetenti jaqdu rwol sinifikanti fil-monitoraġġ tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u jiżguraw bilanċ bejn is-sigurtà tal-provvista tal-gass u l-kost għall-konsumaturi li jirriżulta mill-miżuri. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru jew entità oħra nnominata mill-Istat Membru timmonitorja l-livelli tal-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fit-territorju tagħhom u jirrapportaw ir-riżultati lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-Kummissjoni, fejn xieraq, tistieden lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) biex tassisti fil-monitoraġġ.

(25)

Huwa vitali li l-valutazzjonijiet tar-riskju li jitwettqu skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2017/1938 iqisu r-riskji kollha li jista' jkollhom effett serju fuq is-sigurtà tal-provvista tal-gass. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-valutazzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u għall-istabbiliment ta' miżuri preventivi u ta' mitigazzjoni jqis ukoll xenarji fejn ikun hemm interruzzjoni totali ta' sors uniku ta' provvista. Sabiex jiġi żgurat livell massimu ta' tħejjija, bil-għan li tiġi evitata interruzzjoni tal-provvista tal-gass u jittaffew l-effetti ta’ tali interruzzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju komuni u l-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali jenħtieġ li jitwettqu billi jittieħed kont ta' dawn ix-xenarji. Dan jippermetti l-koordinazzjoni ta' miżuri biex jittaffew l-effetti ta' emerġenza u l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi biex tiġi garantita provvista kontinwa, f'każ ta’ interruzzjoni totali tal-provvista.

(26)

Jenħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tal-GCG, b'mandat espliċitu biex jimmonitorja l-prestazzjoni tal-Istati Membri, u biex jiżviluppa l-aħjar prattiki fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-gass. Għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-GCG u jenħtieġ li l-GCG jassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-miri tal-mili, u fl-iżgurar li dawn jintlaħqu.

(27)

Il-GCG jaġixxi bħala konsulent ewlieni għall-Kummissjoni biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tal-miżuri għas-sigurtà tal-provvista, filwaqt li jassisti lill-Kummissjoni f'kull ħin u, b'mod aktar speċifiku, f'każ ta' kriżi. Skont kif ikun meħtieġ, sabiex jiġi żgurat livell massimu ta' tħejjija u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju rapidu ta' informazzjoni, il-Kummissjoni ser tlaqqa', mingħajr dewmien, lill-konfigurazzjoni tal-maniġġar ta' kriżijiet tal-GCG, b'antiċipazzjoni ta' kriżi possibbli. Il-konfigurazzjoni tal-maniġġar ta' kriżijiet tal-GCG jenħtieġ li tkun disponibbli biex tassisti lill-Kummissjoni sakemm ikun meħtieġ. Għal dak il-għan, il-GCG jenħtieġ li jżomm kanali ta' komunikazzjoni mal-Istati Membri u mal-parteċipanti fis-suq rilevanti kollha tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u jiġbor l-informazzjoni rilevanti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni.

(28)

Is-settur tas-sistema tal-ħżin huwa ta' importanza kbira għall-Unjoni, għas-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija tagħha u għall-interessi essenzjali l-oħra tas-sigurtà tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art huma kkunsidrati bħala infrastruttura kritika skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (6). L-Istati Membri huma mħeġġa jqisu l-miżuri introdotti minn dan ir-Regolament fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima u fir-rapporti ta' progress adottati skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(29)

Huma meħtieġa salvagwardji addizzjonali fin-network tas-sistema tal-ħżin biex jiġi evitat theddid għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika fl-Unjoni jew għall-benessri taċ-ċittadini tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kull operatur, inkluż l-operaturi tas-sistema tal-ħżin li huma kkontrollati minn operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, ikun iċċertifikat mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn awtorità kompetenti oħra nominata mill-Istat Membru, sabiex jiġi żgurat li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew kwalunkwe interess essenzjali ieħor ta' sigurtà fl-Unjoni jew fi kwalunkwe Stat Membru ma tkunx ipperikolata mill-influwenza fuq l-operatur tas-sistema tal-ħżin. Għall-analiżi tar-riskji possibbli għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fit-twettiq tal-valutazzjoni tas-sigurtà tal-provvista hija importanti. Jenħtieġ li dik il-valutazzjoni ma tiddiskriminax bejn il-parteċipanti fis-suq iżda jenħtieġ li tikkonforma bis-sħiħ mal-prinċipji ta' suq intern li jiffunzjona tajjeb. Sabiex jittaffa malajr ir-riskju li jirriżulta minn livelli baxxi tal-mili, jenħtieġ li dik iċ-ċertifikazzjoni tingħata prijorità u titwettaq aktar malajr għall-faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art li huma akbar li reċentement ġew mimlija f'livelli konsistentement baxxi, sabiex jiġi żgurat li l-problemi potenzjali tas-sigurtà tal-provvista tal-gass li jirriżultaw mill-kontroll fuq il-faċilitajiet tal-ħżin kbar bħal dawn jistgħu jiġu esklużi jew, jekk ikun possibbli rettifikati. Meta jitqies li l-medja tal-livell tal-mili matul is-sitt snin preċedenti tal-faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art kollha tal-Unjoni fil-31 ta' Marzu kienet ta' 35 % tal-kapaċità massima tagħhom, il-livell minimu għad-definizzjoni ta’ livell baxx, b’mod mhux tas-soltu, ta' mili f'Marzu 2021 u Marzu 2022 jenħtieġ li jiġi ffissat għal 30 %.

(30)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew awtorità kompetenti oħra nnominata mill-Istati Membri kkonċernati (fi kwalunkwe każ, “awtorità ta’ ċertifikazzjoni”) jirrifjutaw ċertifikazzjoni jekk jikkonkludu li persuna li direttament jew indirettament tikkontrolla jew teżerċita kwalunkwe dritt fuq l-operatur tas-sistema tal-ħżin tista' tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew kwalunkwe interess essenzjali ieħor tas-sigurtà fil-livell nazzjonali, reġjonali jew tal-Unjoni. Fit-twettiq ta' dik il-valutazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritá ta’ ċertifikazzjoni tqis ir-relazzjonijiet kummerċjali li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv l-inċentivi u l-ħila tal-operatur tas-sistema tal-ħżin li jimla l-faċilità tal-ħżin tal-gass taħt l-art, kif ukoll l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u kwalunkwe fatt u ċirkostanza speċifiċi oħra tal-każ. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni fl-Unjoni kollha, l-osservanza tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u s-solidarjetà u s-sigurtà tal-enerġija fl-Unjoni, jenħtieġ li l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni tqis bis-sħiħ l-opinjoni tal-Kummissjoni meta tieħu deċiżjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni, inkluż billi tirrevedi l-abbozz ta’deċiżjoni tagħha, fejn xieraq. Meta awtorità ta’ ċertifikazzjoni tirrifjuta ċertifikazzjoni, hija jenħtieġ li jkollha s-setgħa li titlob lil kwalunkwe persuna ċċedi l-parteċipazzjoni azzjonarja jew id-drittijiet li jkollha fuq is-sid tas-sistema tal-ħżin jew l-operatur tas-sistema tal-ħżin u li tistabbilixxi limitu ta' żmien għal ċessjoni bħal din, li tordna kwalunkwe miżura xierqa oħra biex tiżgura li dik il-persuna ma tkun tista’ teżerċita ebda kontroll jew dritt fuq dak is-sid tas-sistema tal-ħżin jew l-operatur tas-sistema tal-ħżin, u li tiddeċiedi dwar miżuri kompensatorji xierqa. Kwalunkwe miżura meħuda fid-deċiżjoni ta' ċertifikazzjoni biex jiġu indirizzati r-riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass jew interessi essenzjali oħra tas-sigurtà jenħtieġ li tkun meħtieġa, definita b'mod ċar, trasparenti, proporzjonata u mhux diskriminatorja.

(31)

Dan ir-regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"). B'mod partikolari, jirrispetta d-dritt li l-ebda persuna ma tista' tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet kif previst mill-Artikolu 17 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali kif previst mill-Artikolu 47 tal-Karta.

(32)

Jekk l-impriżi jkollhom bżonn jixtru aktar gass meta il-prezz tal-gass ikun għali, dan jista' jkompli jgħolli l-prezzijiet. Għalhekk jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji jkunu jistgħu japplikaw skont sa massimu ta' 100 % għat-tariffi ta' dħul u ta' ħruġ għall-kapaċità ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni minn u lejn il-ħżin, kemm għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art kif ukoll għall-faċilitajiet ta' LNG, biex il-ħżin isir aktar attraenti għall-parteċipanti fis-suq. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tal-kompetizzjoni huma mħeġġa wkoll jużaw is-setgħat tagħhom biex effettivament jeskludu iż-żidiet bla bżonn tat-tariffi tal-ħżin.

(33)

Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali u l-inċertezzi marbuta mal-bidliet futuri tas-sitwazzjoni ġeopolitika, l-Istati Membri huma mħeġġa li jilħqu l-miri tal-mili malajr kemm jista' jkun.

(34)

Meta jitqies il-periklu imminenti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass bħala konsegwenza tal-aggressjoni militari Russa attwali kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu. Minħabba n-natura eċċezzjonali taċ-ċirkostanzi attwali, ċerti dispożizzjonijiet introdotti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw biss sal-31 ta' Diċembru 2025.

(35)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jsir parti, b’urġenza, mill-acquis tal-Komunità tal-Enerġija f’konformità mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, li ġie ffirmat f’Ateni fil-25 ta’ Ottubru 2005 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2006.

(36)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/1938 u r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2017/1938

Ir-Regolament (UE) 2017/1938 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(27)   "trajettorja għall-mili" tfisser serje ta' miri intermedji għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art ta' kull Stat Membru, kif elenkati fl-Anness Ia għall-2022 u, għas-snin ta' wara, stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 6a;

(28)   "mira tal-mili" tfisser mira vinkolanti għal-livell tal-mili tal-kapaċità aggregata tal-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass taħt l-art;

(29)   " ħżin strateġiku" tfisser ħżin taħt l-art jew parti minn ħżin taħt l-art ta’ gass naturali mhux likwifikat li jinxtara, jiġi mmaniġġat u maħżun minn operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni, entità nnominata mill-Istati Membri jew impriża, u li jista’ jiġi rilaxxat biss wara notifika minn qabel jew awtorizzazzjoni ta' awtorità pubblika għar-rilaxx, u li jkun ġeneralment rilaxxat f'każ ta':

(a)

skarsezza kbira fil-provvista;

(b)

interruzzjoni fil-provvista; jew,

(c)

id-dikjarazzjoni ta’ emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 11(1), il-punt (c);

(30)   "stokk ta' bilanċ" tfisser gass naturali mhux likwifikat li jkun:

(a)

inxtara, ġie mmaniġġat u maħżun taħt l-art minn operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni jew minn entità nnominata mill-Istat Membru, għall-finijiet biss ta’ twettiq tal-funzjonijiet ta' operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni u tas-sigurtà tal-provvista tal-gass; u

(b)

fornut biss meta jkun meħtieġ sabiex iżomm is-sistema taħdem taħt kundizzjonijiet siguri u affidabbli f'konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/73/KE u mal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament (UE) Nru 312/2014;

(31)   " faċilità ta' ħżin ta' gass taħt l-art" tfisser faċilità ta' ħżin kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (9), tad-Direttiva 2009/73/KE, li tintuża bħala stokk ta' gass naturali, inkluż stokk ta' bilanċ, u li tkun konnessa ma' sistema ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni, li teskludi ħżin sferiku jew linepack 'il fuq mill-art.".

(2)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

"Artikolu 6a

Miri tal-mili u trajettorji għall-mili

(1)   Soġġett għall-paragrafi 2 sa 5, l-Istati Membri għandhom jilħqu l-mira tal-mili li ġejjin għall-kapaċità aggregata tal-faċilitajiet kollha tal-ħżin tal-gass taħt l-art li jinsabu fit-territorju tagħhom u li huma interkonnessi direttament ma' żona tas-suq fit-territorju tagħhom u għall-faċilitajiet ta’ ħżin elenkati fl-Anness 1b sal-1 ta' Novembru ta' kull sena:

(a)

għall-2022: 80%

(b)

mill 2023: 90%

Għall-finijiet ta’ konformità ma’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom iqisu l-objettiv li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 1.

(2)   Minkejja l-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' Stati Membri oħra li jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art ikkonċernati, il-mira tal-mili għal kull Stat Membru li fih ikunu jinsabu l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għandha titnaqqas għal volum li jikkorrispondi għal 35 % tal-konsum annwali medju tal-gass matul il- ħames snin preċedenti għal dak l-Istat Membru.

(3)   Minkejja l-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' Stati Membri oħra li jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art ikkonċernati, il-mira tal-mili għal kull Stat Membru li fih ikunu jinsabu l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għandha titnaqqas bil-volum li kien fornut lil pajjiżi terzi ta' matul il-perjodu ta' referenza 2016 sa 2021 jekk il-volum medju fornut kien aktar minn 15 TWh fis-sena matul il-perjodu tal-irtirar mill-ħażna tal-gass (Ottubru - April).

(4)   Għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art elenkati fl-Anness Ib, għandhom japplikaw il-miri tal-mili skont il-paragrafu i u t-trajettorji għall-mili skont il-paragrafu 7. Id-dettalji tal-obbligi ta’ kull Stat Membru ser jiġu ddeterminati fi ftehim bilaterali f’konformità mal-Anness Ib.

(5)   Stat Membru jista’ jilħaq parzjalment il-mira tal-mili billi jgħodd l-LNG maħżun fiżikament u li jkun disponibbli fil-faċilitajiet tal-LNG tiegħu jekk jiġu ssodisfati ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sistema tal-gass tinkludi kapaċità sinifikanti ta' ħżin tal-LNG, li kull sena tammonta għal aktar minn 4 % tal-konsum nazzjonali medju matul il- ħames snin preċedenti;

(b)

l-Istat Membru jkun impona obbligu fuq il-fornituri tal-gass biex jaħżnu volumi minimi ta' gass f'faċilitajiet ta' ħżin tal-gass taħt l-art u/jew f’faċilitajiet LNG f’konformità mal-Artikolu 6b(1), il-punt (a).

(6)   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jilħqu –l-miri intermedji jew jiżguraw li huma jintlaħqu kif ġej:

(a)

għall-2022: kif stabbiliti fl-Anness Ia u,

(b)

mill-2023: f’konformità mal-paragrafu 7.

(7)   Għall-2023 u għas-snin ta' wara, kull Stat Membru b'faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għandu jibgħat lill-Kummissjoni, sal-15 ta' Settembru tas-sena ta' qabel, abbozz ta' trajettorja għall-mili b'miri intermedji għall-Frar, Mejju, Lulju u Settembru, inkluż informazzjoni teknika, għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fit-territorju tiegħu u li jkunu interkonnessi direttament maż-żona tas-suq tiegħu f'forma aggregata. It-trajettorja għall-mili u l-miri intermedji għandhom ikunu bbażati fuq ir-rata medja tal-mili matul il-ħames snin preċedenti.

Għall-Istati Membri li għalihom l-mira tal-mili titnaqqas għal 35 % tal-konsum annwali medju tagħhom ta’ gass skont il-paragrafu 2, il-miri intermedji tat-trajettorja għall-mili għandhom jitnaqqsu skont dan.

Abbażi tal-informazzjoni teknika pprovduta minn kull Stat Membru u b'kont meħud tal-valutazzjoni tal-GCG, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu t-trajettorja għall-mili għal kull Stat Membru. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 18a (2). Huma għandhom jiġu adottati sal-15 ta' Novembru tas-sena preċedenti, fejn meħtieġ u inkluż meta Stat Membru jkun ippreżenta abbozz ta’ trajettorja aġġornata għall-mili. Huma għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tas-sigurtà ġenerali tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass u fuq l-iżvilupp tad-domanda u l-provvista tal-gass fl-Unjoni u fl-Istati Membri individwali, u stabbiliti b'mod li jissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-gass, filwaqt li jiġu evitati piżijiet bla bżonn fuq l-Istati Membri, il-parteċipanti fis-suq tal-gass, l-operaturi tas-sistemi ta' ħżin jew il-klijenti u ma jwasslux għal distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni bejn il-faċilitajiet ta' ħżin li jinsabu fi Stati Membri viċini.

(8)   Meta, fi kwalunkwe sena partikolari, Stat Membru ma jkunx jista' jilħaq il-mira tiegħu tal-mili sal-1 ta' Novembru minħabba l-karatteristiċi tekniċi speċifiċi ta' faċilità tal-ħżin tal-gass taħt l-art waħda jew aktar fit-territorju tiegħu, bħal rati ta' injezzjoni eċċezzjonalment baxxi huwa għandu jitħalla jilħaqha sal-1 ta' Diċembru. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni sal-1 ta' Novembru, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għad-dewmien.

(9)   Il-mira tal-mili ma għandhiex tapplika fejn, u sakemm, il-Kummissjoni tkun iddikjarat emerġenza reġjonali jew tal-Unjoni skont l-Artikolu 12 fuq talba, skont il-każ, ta' Stat Membru wieħed jew aktar li jkunu ddikjaraw emerġenza nazzjonali.

(10)   L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha timmonitorja kontinwament il-konformità mat-trajettorja għall-mili u għandha tirrapporta regolarment lill-GCG. Jekk il-livell tal-mili ta' Stat Membru partikolari jkun aktar minn ħames punti perċentwali taħt il-livell tat-trajettorja għall-mili, l-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri effettivi mingħajr dewmien biex iżżidu. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill- GCG bil-miżuri li jkunu ttieħdu.

(11)   F’każ ta’ devjazzjoni sostanzjali u sostnuta minn Stat Membru mit-trajettorja għall-mili, li tikkomprometti l-laqgħa tal-mira tal-mili, jew f’każ ta’ devjazzjoni mill-mira tal-mili, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta l-GCG u l-Istati Membri kkonċernati, toħroġ rakkomandazzjoni lil dak l-Istat Membru jew lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu immedjatament.

Fejn id-devjazzjoni ma titnaqqasx b'mod sinifikanti fi żmien xahar minn meta tkun waslet ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat mal-GCG u mal-Istat Membru konċernat, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni bħala miżura tal-aħħar istanza biex teżiġi li l-Istat Membru kkonċernat jieħu miżuri li effettivament ikunu ta’ rimedju għad-diskrepanza, inkluż fejn xieraq miżura waħda jew aktar minn dawk previsti fl-Artikolu 6b(1), jew kwalunkwe miżura oħra biex jiġi żgurat li l-mira obbligatorja tal-mili skont dan l-Artikolu tintlaħaq.

Meta tiddeċiedi liema miżuri għandha tieħu skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tqis is-sitwazzjoni speċifika tal- Istati Membri kkonċernati, bħad-daqs tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fir-rigward tal-konsum domestiku tal-gass, l-importanza tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għas-sigurtà tal-provvista tal-gass fir-reġjun u kwalunkwe faċilità eżistenti għall-ħżin tal-LNG.

Kwalunkwe miżura meħuda mill-Kummissjoni biex tindirizza devjazzjonijiet mit-trajettorja għall-mili jew mill-mira tal-mili għall- 2022 għandha tqis il-perjodu ta' żmien qasir għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu fil-livell nazzjonali li seta' kkontribwixxa għad-devjazzjoni mit-trajettorja għall-mili jew mill-mira tal-mili għall-2022.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri meħuda skont dan il-paragrafu:

(a)

ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass,

(b)

ma jqiegħdux piż sproporzjonat fuq l-Istati Membri, il-parteċipanti fis-suq tal-gass, l-operaturi tas-sistemi tal-ħżin jew il-klijenti.

Artikolu 6b

Implimentazzjoni tal-miri tal-mili

1   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluż jipprevedu inċentivi finanzjarji jew kumpens għall-parteċipanti fis-suq, biex jintlaħqu l-miri tal-mili stabbiliti skont l-Artikolu 6a. Meta jiżguraw li l-miri tal-mili jkunu intlaħqu, l l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità, meta possibbli, lil miżuri bbażati fuq is-suq.

Sa fejn kwalunkwe miżura prevista f'dan l-Artikolu tkun dmir u-setgħa tal-awtorità regolatorja nazzjonali, skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73/KE, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu responsabbli għat-teħid ta' dawk il-miżuri.

B'mod partikolari, il-miżuri meħuda skont dan il-paragrafu jistgħu jinkludu li:

(a)

il-fornituri tal-gass jiġu rikjesti jaħżnu volumi minimi ta' gass fil-faċilitajiet tal-ħżin, inkluż fil-faċilitajiet tal-ħżin ta’ gass taħt l-art u/jew f’faċilitajiet tal-ħżin tal-LNG, filwaqt li dawk il-volumi għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-ammont ta' gass fornut mill-fornituri tal-gass lil klijenti protetti;

(b)

l-operaturi tas-sistemi tal-ħżin jiġu rikjesti jiftħu l-kapaċitajiet tagħhom għal offerti minn parteċipanti fis-suq;

(c)

l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jew entitajiet innominati mill-Istat Membru jiġu rikjesti jixtru u jimmaniġġaw stokk ta' bilanċ esklużivament biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom ta' operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni u, fejn meħtieġ, jimponu obbligu fuq entitajiet innominati oħra għal fini ta' salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-każ ta' xi emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 11(1), il-punt (c);

(d)

jintużaw strumenti kkoordinati, bħal pjattaformi għax-xiri tal-LNG, ma' Stati Membri oħra biex jimmassimizzaw l-użu tal-LNG u jnaqqsu l-ostakli tal-infrastruttura u dawk regolatorji għall-użu kondiviż tal-LNG biex jimtlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art;

(e)

jintuża mekkaniżmi volontarji għall-akkwist konġunt tal-gass naturali, li għall-applikazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni tista' toħroġ, jekk ikun meħtieġ, gwida sal-1 ta' Awwissu 2022;

(f)

jingħataw inċentivi finanzjarji għall-parteċipanti fis-suq, inkluż għall-operaturi ta’ sistema ta’ ħżin, bħal kuntratti għal differenza jew jingħata kumpens lill-parteċipanti fis-suq għat- telf fl-introjtu jew għall-ispejjeż imġarrba minnhom b'riżultat tal-obbligi fuq il-parteċipanti fis-suq, inkluż l-operaturi ta' sistemi ta' ħżin li ma jistgħux jiġu koperti mill-introjtu;

(g)

id-detenturi tal-kapaċitajiet ta' ħżin jiġu rikjesti jużaw jew jirrilaxxaw kapaċitajiet riżervati li ma ntużawx, filwaqt li d-detentur tal-kapaċità tal-ħżin li ma jużax il-kapaċità tal-ħżin xorta jiġi obbligat iħallas il-prezz maqbul għat-terminu sħiħ tal-kuntratt tal-ħżin;

(h)

jiġu adottati strumenti effettivi għax-xiri u l-immaniġġar tal-kapaċità tal-ħżin strateġiku minn entitajiet pubbliċi jew privati, dment li tali strumenti ma jfixklux il-kompetizzjoni jew il-funzjonament tajjeb tas-suq intern;

(i)

tinħatar entità ddedikata li tingħata l-kompitu li tilħaq il-mira tal-mili f'każ li l-mira tal-mili ma tintlaħaqx mod ieħor;

(j)

jingħataw skontijiet fuq tariffi tal-ħżin;

(k)

jinġabar l-introjtu meħtieġ biex jiġi rkuprat l-infiq kapitali u operazzjonali relatat mal-faċilitajiet tal-ħżin regolati bħala tariffi tal-ħżin u bħala imposta ddedikata inkorporata fit-tariffi tat-trażmissjoni li jinġabru biss minn punti ta' ħruġ għall-klijenti finali li jinsabu fl-istess Stati Membri dment li l-introjtu miġbur permezz tat-tariffi ma jkunx akbar mill-introjtu permess.

2   Il-miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri skont il-paragrafu 1 għandu jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu t-trajettorji għall-mili u l-miri tal-mili. Għandhom ikunu definiti b'mod ċar, trasparenti, proporzjonati, nondiskriminatorji u verifikabbli. Ma għandhomx jfixklu bla bżonn il-kompetizzjoni jew il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass jew jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass ta' Stati Membri oħrajn jew tal-Unjoni.

3   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-użu tal-infrastruttura eżistenti fil-livell nazzjonali u reġjonali għall-benefiċċju tas-sigurtà tal-provvista tal-gass b'mod effiċjenti. Dawk il-miżuri ma għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jimblukkaw jew jirrestrinġu l-użu transfruntier tal-faċilitajiet ta' ħżin jew tal-faċilitajiet tal-LNG u ma għandhomx jillimitaw il-kapaċitajiet ta' trażmissjoni transfruntiera f'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 (*1).

4   Meta jieħdu miżuri skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-prinċipju li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiġi l-ewwel filwaqt li xorta jiksbu l-objettivi tal-miżuri rispettivi tagħhom, f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

Artikolu 6c

Arranġamenti ta' ħżin u mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-piżijiet

1   Stati Membru mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għandu jiżgura li l-parteċipanti fis-suq jkollhom fis-seħħ arranġamenti ma' operaturi tas-sistema tal-ħżin taħt l-art jew ma' parteċipanti oħra fis-suq fl-Istati Membri b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art. Dawk l-arranġamenti għandhom jipprevedu l-użu, sal-1 ta' Novembru, tal-volumi tal-ħżin li jikkorrispondu għal mill-inqas 15 % tal-konsum annwali medju tal-gass matul il-ħames snin preċedenti tal-Istat Membru mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art. Madanakollu, meta l-kapaċità ta' trażmissjoni transfruntiera jew limitazzjonijiet tekniċi oħra jipprevjenu lil Stat Membru mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art milli juża bis-sħiħ 15 % ta’ dawk il-volumi tal-ħżin, dak l-Istat Membru għandu jaħżen biss dawk il-volumi li huma teknikament possibbli.

F'każ li l-limitazzjonijiet tekniċi jħallux lil Stat Membru jikkonforma mal-obbligu stabbilit fl-ewwel subparagrafu, u dak l-Istat Membru jkollu fis-seħħ obbligu li jaħżen fjuwils oħra biex jissostitwixxi l-gass, l-obbligu stipulat fl-ewwel subparagrafu jista' eċċezzjonalment jiġi ssodisfat b'obbligu ekwivalenti li jinħażnu fjuwils minbarra l-gass. Il-limitazzjonijiet tekniċi u l-ekwivalenza tal-miżura għandhom jintwerew mill-Istat Membru kkonċernat.

2   B'deroga mill-paragrafu 1, Stat Membru mingħajr faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art jista' jiżviluppa mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-piżijiet ma' Stat Membru wieħed jew aktar b'faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art (il-mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-piżijiet).

Il-mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-piżijiet għandu jkun ibbażat fuq id-data rilevanti mill-aħħar valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 7 u għandu jqis il-parametri kollha li ġejjin:

(a)

il-kost tal-appoġġ finanzjarju biex tintlaħaq il-mira tal-mili bl-esklużjoni tal-ispejjeż biex jintlaħaq kwalunkwe obbligu ta’ ħżin strateġiku;

(b)

il-volumi ta' gass meħtieġa biex jissodisfaw id-domanda tal-klijenti protetti f'konformità mal-Artikolu 6(1);

(c)

kwalunkwe limitazzjonijiet teknika, inkluż il-kapaċità ta' ħżin disponibbli taħt l-art, il-kapaċità teknika ta’ trażmissjoni transfruntiera, u r-rati tal-irtirar.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-kondiviżjoni tal-piżijiet lill-Kummissjoni sat-2 ta’ Settembru 2022. Fin-nuqqas ta' ftehim dwar mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-piżijiet sa dik id-data, l-Istati Membri mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għandhom juru li jikkonformaw mal-paragrafu 1 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan.

(3)   Bħala miżura tranżitorja, Stati Membri mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art iżda li jkollhom faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art inklużi fl-aħħar lista ta' proġetti ta' interess komuni imsemmija fir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), jistgħu jikkonformaw parzjalment mal-paragrafu 1 billi jgħoddu l-istokkijiet tal-LNG fl-Unitajiet Galleġġjanti tal-Ħażna eżistenti, sal-mument meta l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art tagħhom ikunu operattivi.

(4)   L-Istati Membri mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jistgħu jipprovdu inċentivi jew kumpens finanzjarju lill-parteċipanti fis-suq jew operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, kif rilevanti, għan-nuqqas fid-dħul, jew għall-kostijiet imġarrba minnhom, b'riżultat tal-konformità tagħhom mal-obbligi ta’ ħżin tagħhom skont dan l-Artikolu, fejn tali nuqqas jew tali kost, li ma jistgħux jiġu koperti minn dħul, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligu tagħhom li jaħżnu l-gass fi Stati Membri oħra skont il-paragrafu 1 jew l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet. Jekk l-inċentiv jew il-kumpens finanzjarju ikun iffinanzjat permezz ta' imposta, dik l-imposta ma għandhiex tiġi applikata għall-punti ta' interkonnessjoni transfruntiera.

(5)   Minkejja l-paragrafu 1, fejn Stat Membru għandu faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art li jkunu jinsabu fit-territorju tiegħu u l-kapaċità aggregata ta’ dawk il-faċilitajiet tkun akbar mill-konsum annwali tal-gass ta’ dak l-Istat Membru, l-Istati Membri mingħajr faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass taħt l-art li jkollhom aċċess għal dawk il-faċilitajiet għandhom:

(a)

jiżguraw li, sal-1 ta' Novembru, il-volumi tal-ħżin jikkorrispondu mill-inqas għall-użu medju tal-kapaċità ta' ħżin matul il-ħames snin preċedenti, determinati, inter alia, billi jitqiesu l-flussi matul l-istaġun tal-irtirar matul il-ħames snin preċedenti mill-Istati Membri fejn ikunu jinsabu l-faċilitajiet tal-ħżin; jew

(b)

juru li kapaċità ta' ħżin ekwivalenti għall-volum kopert mill-obbligu taħt il-punt (a) tkun ġiet riżervata.

Jekk l-Istat Membru mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jkun jista' juri li l-kapaċità ta' ħżin ekwivalenti għall-volum kopert mill-obbligu taħt il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ġiet riżervata, għandu japplika l-paragrafu 1.

L-obbligu taħt dan il-paragrafu għandu jkun limitat għal 15 % tal-konsum annwali medju tal-gass matul iil-ħames snin preċedenti fl-Istat Membru kkonċernat.

(6)   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Anness Ib, fil-każ ta' faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art li jinsabu fi Stat Membru wieħed li ma jkunux koperti mill-paragrafu 5 iżda li jkunu konnessi direttament maż-żona tas-suq ta' Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiżgura li, sal-1 ta' Novembru, il-volumi tal-ħżin jikkorrispondu ma’ tal-inqas il-medja tal-kapaċità ta' ħżin riżervata fil-punt transfruntier rilevanti matul il-ħames snin preċedenti.

Artikolu 6d

Monitoraġġ u infurzar

1.   L-operaturi tas-sistema ta' ħżin għandhom jirrapportaw il-livell ta' mili lill-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru fejn ikunu jinsabu l-faċilitajiet tal-ħżin ta’ gass taħt l-art ikkonċernati u, jekk applikabbli, lil entità nominata minn dak l-Istat Membru (“l-entità nominata”) kif ġej:

(a)

għall-2022: dwar kull waħda mill-miri intermedji stabbiliti fl-Anness Ia; u

(b)

mill-2023: kif stabbilit skont l-Artikolu 6a(4)

2.   L-awtorità kompetenti, u jekk applikabbli, l-entità nominata minn kull Stat Membru għandhom jimmonitorjaw il-livelli tal-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fit-territorju tagħhom fl-aħħar ta' kull xahar u jirrapportaw ir-riżultati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista' tistieden lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) biex tassisti b’tali monitoraġġ.

3.   Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti u, jekk applikabbli, l-entità nominata ta’ kull Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-GCG.

4.   Il-GCG għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tat-trajettorji għall-mili u l-miri tal-mili, u għandu jiżviluppa gwida għall-Kummissjoni dwar miżuri adegwati biex tiġi żgurata l-konformità f'każ li l-Istati Membri jiddevjaw mit-trajettorji għall-mili jew ma jilħqux il-miri tal-mili.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jilħqu t-trajettorji għall-mili u l-miri tal-mili u biex jinfurzaw fuq il-parteċipanti fis-suq l-obbligi tal-ħżin li huma meħtieġa biex jilħquhom, inkluż billi jimponu sanzjonijiet u multi deterrenti biżżejjed fuq dawk il-parteċipanti fis-suq.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni dwar il-miżuri tal-infurzar meħuda skont dan il-paragrafu.

6.   Meta tkun ser tiġi skambjata informazzjoni kummerċjalment sensittiva, il-Kummissjoni tista' ssejjaħ laqgħat tal-GCG li jkunu ristretti għaliha u għall-Istati Membri.

7.   Kwalunkwe informazzjoni skambjata għandha tkun limitata għal dak li jkun neċessarju għall-fini tal-monitoraġġ tal-konformità ma' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Istati Membri għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva riċevuta għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi tagħhom.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta' Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 984/2013 (ĠU L 72, 17.3.2017, p. 1)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1)."

(*3)  Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45).";"

(3)

l-Artikolu 7, huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.   Sal-1 ta' Settembru 2022, l-ENTSOG għandu jwettaq simulazzjoni mal-Unjoni kollha ta' xenarji ta' interruzzjoni tal-provvista tal-gass u tal-infrastruttura inkluż xenarji ta' interruzzjoni fit-tul ta' sors uniku ta' provvista. Is-simulazzjoni għandha tinkludi l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-kurituri tal-provvista tal-gass ta' emerġenza u għandha wkoll tidentifika liema Stati Membri jistgħu jindirizzaw ir-riskji identifikati, inkluż fir-rigward tal-LNG. Ix-xenarji ta' interruzzjoni tal-provvista tal-gass u tal-infrastruttura u l-metodoloġija tas-simulazzjoni għandhom jiġu definiti mill-ENTSOG f'kooperazzjoni mal-GCG. L-ENTSOG għandu jiżgura livell adatt ta' trasparenza u aċċess għall-preżunzjonijiet tal-mudell tiegħu li jintużaw fix-xenarji tiegħu. Is-simulazzjoni mal-Unjoni kollha tax-xenarji ta' interruzzjoni tal-provvista tal-gass u fl-infrastruttura għandha tiġi ripetuta kull erba' snin sakemm iċ-ċirkostanzi ma jkunux jeħtieġu aġġornamenti aktar frekwenti. ";

(b)

fil-paragrafu 4, jiżdied il-punt li ġej:

"(g)

b'kont meħud tax-xenarji ta' interruzzjoni fit-tul ta' sors uniku ta' provvista.";

(4)

fl-Artikolu 16, jiżdied il-paragrafu li ġej:

"3   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligi ta’ ħżin skont dan ir-Regolament jintlaħqu billi jużaw il-faċilitajiet tal-ħżin fl-Unjoni. Madanakollu, il-kooperazzjoni tal-Istati Membri u tal-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija tista' tinkludi arranġamenti volontarji biex tintuża l-kapaċità ta' ħżin ipprovduta mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija biex jinħażnu volumi addizzjonali ta' gass għall-Istati Membri.";

(5)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

"Artikolu 17a

Rapportar mill-Kummissjoni

1.   Sat-28 ta' Frar 2023, u annwalment minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jkun fihom:

(a)

ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tal-ħżin;

(b)

ħarsa ġenerali lejn iż-żmien meħtieġ għall-proċedura ta' ċertifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3a tar-Regolament (KE) Nru 715/2009;,

(c)

ħarsa ġenerali lejn il-miżuri mitluba mill-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-trajettorji għall-mili u l-miri tal-mili;

(d)

analiżi tal-effetti potenzjali ta' dan ir-Regolament fuq il-prezzijiet tal-gass u l-iffrankar potenzjali tal-gass fir-rigward tal-Artikolu 6b(4).";

(6)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 18a

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.".

(*4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).";"

(7)

fl-Artikolu 20, jiżdied il-paragrafu li ġej:

"4   L-Artikoli 6a sa 6d ma għandhomx japplikaw għall-Irlanda, Ċipru Malta sakemm ma jkunux interkonnessi direttament mas-sistema interkonnessa tal-gass ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor.".

(8)

fl-Artikolu 22, jiżdied il-paragrafu li ġej:

"L-Artikolu 2, il-punti (27) sa (31), l-Artikoli 6a sa 6d, l-Artikolu 16(3), l-Artikolu 17a, l-Artikolu 18a, l-Artikolu 20(4), u l-Annessi Ia u Ib għandhom japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2025.";

(9)

It-test li jidher fl-Anness ta' dan ir-Regolament huwa mdaħħal bħala Annessi Ia u Ib.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 715/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 3a

Ċertifikazzjoni tal-operaturi tas-sistema tal-ħżin

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur tas-sistema tal-ħżin, inkluż kwalunkwe operatur tas-sistema tal-ħżin ikkontrollat minn operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, ikun iċċertifikat, f'konformità mal-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu, jew mill-awtorità regolatorja nazzjonali, jew minn awtorità kompetenti oħra nominata mill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5),(fi kwalunkwe każ, "awtorità ta' ċertifikazzjoni").

Dan l-Artikolu japplika wkoll għall-operaturi tas-sistema tal-ħżin ikkontrollati minn operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li diġà ġew iċċertifikati skont ir-regoli ta' separazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9, 10 u 11 tad-Direttiva 2009/73/KE.

2.   L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha toħroġ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni fir-rigward tal-operaturi tas-sistemi tal-ħżin li joperaw faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art b'kapaċità ta' aktar minn 3,5 TWh meta, irrispettivament mill-għadd ta' operaturi tas-sistema tal-ħżin, il-faċilitajiet tal-ħżin totali jkunu mtlew fil-31 ta' Marzu 2021 u fil-31 ta' Marzu 2022 f'livell li, bħala medja, kien inqas minn 30 % tal-kapaċità massima tagħhom sal-1 ta’ Frar 2023 jew fi żmien 150 jum ta' xogħol mid-data tal-wasla ta' notifika skont il-paragrafu 9.

Fir-rigward tal-operaturi tas-sistema tal-ħżin, kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l- awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tagħmel l-almu tagħha biex toħroġ abbozz ta' deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni qabel l-1 ta' Novembru 2022.

Fir-rigward tal-operaturi l-oħra kollha tas-sistema tal-ħżin, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandha toħroġ abbozz ta' deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni sat-2 ta’ Jannar 2024 jew fi żmien 18-il xahar mid-data tal-wasla ta' notifika skont il-paragrafi 8 jew 9.

3.   Meta jitqies ir-riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni, l-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tqis kwalunkwe riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livell nazzjonali, reġjonali jew tal-Unjoni kollha kif ukoll kwalunkwe mitigazzjoni ta' tali riskju, li jirriżulta, fost oħrajn, minn:

(a)

sjieda, provvista jew relazzjonijiet kummerċjali oħra li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv l-inċentivi u l-ħila tal-operatur tas-sistema tal-ħżin li jimla l-faċilità tal-ħżin tal-gass taħt l-art;

(b)

id-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni fir-rigward ta' pajjiż terz li jirriżultaw skont id-dritt internazzjonali, inkluż kull ftehim konkluż ma' xi pajjiż terz wieħed jew aktar li l-Unjoni tagħmel parti minnu u li jindirizza l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

(c)

id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri kkonċernati fir-rigward ta' pajjiż terz li joħorġu skont ftehimiet konklużi mill-Istati Membri kkonċernati ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, sakemm dawk il-ftehimiet ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni; jew

(d)

kwalunkwe fatt u ċirkostanza speċifiċi oħra tal-każ.

4.   Jekk l-awtorità ta' ċertifikazzjoni tikkonkludi li persuna li direttament jew indirettament tikkontrolla, jew teżerċita kwalunkwe dritt fuq, l-operatur tas-sistema tal-ħżin skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73/KE tista' tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni jew ta' kwalunkwe Stat Membru, l-awtorità regolatorja għandha tirrifjuta ċ-ċertifikazzjoni. Alternattivament, l-awtorità ta' ċertifikazzjoni tista' toħroġ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni soġġetta għal kondizzjonijiet li jiżguraw il-mitigazzjoni suffiċjenti tar-riskji li jistgħu jinfluwenzaw b'mod negattiv il-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art, dment li l-prattikkabbiltà tal-kundizzjonijiet tista' tiġi żgurata bis-sħiħ permezz ta' implimentazzjoni u ta' monitoraġġ effettivi. Tali kondizzjonijiet jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, rekwiżit li s-sid tas-sistema tal-ħżin jew l-operatur tas-sistema tal-ħżin jittrasferixxi l-ġestjoni tas-sistema tal-ħżin.

5.   Meta l-awtorità ta' ċertifikazzjoni, tikkonkludi li r-riskji tal-provvista tal-gass ma jistgħux jiġu mitigati bil-kondizzjonijiet skont il-paragrafu 4, inkluż permezz tar-rekwiżit li s-sid tas-sistema tal-ħżin jew l-operatur tas-sistema tal-ħżin jittrasferixxi l-ġestjoni tas-sistema tal-ħżin, u għalhekk tirrifjuta ċ-ċertifikazzjoni, hija għandha:

(a)

tirrikjedi li s-sid tas-sistema tal-ħżin jew l-operatur tas-sistema tal-ħżin jew kwalunkwe persuna li tqis li tista’ tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni jew ta' kwalunkwe Stat Membru jċedu l-parteċipazzjoni azzjonarja jew id-drittijiet li jkollhom fuq is-sjieda tas-sistema tal-ħżin jew is-sjieda tal-operatur tas-sistema tal-ħżin, u tistabbilixxi limitu ta' żmien għal ċessjoni bħal din;

(b)

tordna, fejn xieraq, miżuri interim, biex jiżguraw li persuna bħal din ma tkun tista’ teżerċita ebda kontroll jew dritt fuq is-sid tas-sistema tal-ħżin jew l-operatur tas-sistema tal-ħżin sakemm isir iċ-ċessjoni tal-parteċipazzjoni azzjonarja jew tad-drittijiet; u

(c)

tipprevedi miżuri ta' kumpens xierqa f'konformità mal-liġi nazzjonali.

6.   L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tinnotifika lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bl-abbozz ta' deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha.

Il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni lill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni fi żmien 25 jum ta' xogħol minn tali notifikazzjoni. L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tqis l-opinjoni tal-Kummissjoni bir-reqqa.

7.   L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha toħroġ id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni fi żmien 25 jum ta' xogħol mill-wasla tal-opinjoni tal-Kummissjoni.

8.   Qabel ma tibda titħaddem faċilità tal-ħżin tal-gass taħt l-art mibnija ġdida, l-operatur tas-sistema tal-ħżin għandu jiġi ċċertifikat f'konformità mal-paragrafi 1 sa 7. L-operatur tas-sistema tal-ħżin għandu jinnotifika lill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni bl-intenzjoni tiegħu li jħaddem il-faċilità tal-ħżin.

9.   L-operaturi tas-sistema tal-ħżin għandhom jinnotifikaw lill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni rilevanti bi kwalunkwe tranżazzjoni ppjanata li tkun teħtieġ valutazzjoni mill-ġdid tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4.

10.   L-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni għandhom jimmonitorjaw kontinwament l-operaturi tas-sistema tal-ħżin fir-rigward tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4. Huma għandhom jiftħu proċedura ta' ċertifikazzjoni sabiex jivvalutaw mill-ġdid il-konformità fi kwalunkwe waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi:

(a)

malli jirċievu notifika mill-operatur tas-sistema tal-ħżin skont il-paragrafi 8 u 9;

(b)

fuq l-inizjattiva tagħhom stess fejn ikollhom għarfien li bidla ppjanata fid-drittijiet jew fl-influwenza fuq operatur tas-sistema tal-ħżin tista' twassal għal nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-paragrafi 1, 2 u 3;

(c)

fuq talba motivata mill-Kummissjoni.

11.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw it-tħaddim kontinwu tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fit-territorji rispettivi tagħhom. Dawk il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jistgħu jieqfu joperaw biss meta ma jiġux sodisfatti r-rekwiżiti tekniċi u tas-sikurezza jew meta l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni tikkonkludi, wara li tkun wettqet valutazzjoni u wara li titqies l-opinjoni tal-ENTSO għall-Gass, li tali waqfien ma jdgħajjifx is-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali.

Għandhom jittieħdu miżuri kompensatorji xierqa, fejn xieraq, jekk il-waqfien tal-operazzjonijiet ma jkunx permess.

12.   Il-Kummissjoni tista' toħroġ gwida dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

13.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-partijiet tal-faċilitajiet tal-LNG li jintużaw għall-ħżin.".

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1)."."

(2)

fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu li ġej:

"3.   L-awtorità regolatorja nazzjonali tista' tapplika skont sa massimu ta' 100 % għat-tariffi ta' trażmissjoni u distribuzzjoni bbażati fuq il-kapaċità fil-punti ta' dħul mill-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art u l-faċilitajiet tal-LNG, u fil-punti ta' ħruġ lejhom, sakemm u sa fejn ikun possibbli li tintuża tali faċilità li tkun konnessa ma' aktar minn network wieħed ta' trażmissjoni jew ta' distribuzzjoni biex tikkompeti ma' punt ta' interkonnessjoni..

Dan il-paragrafu għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2025.".

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

F. RIESTER


(1)  Opinjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2022.

(3)  Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).

(4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta' Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 984/2013 (ĠU L 72, 17.3.2017, p. 1).

(6)  Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75).

(7)  Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36).


ANNESS

"ANNESS Ia (1)

Trajettorja għall-mili b'miri intermedji u mira ta’ mili għall-2022 għall-Istati Membri b'faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art

Stat Membru

mira intermedja tal-1 ta' Awwissu

mira intermedja tal-1 ta' Settembru

mira intermedja tal-1 ta’ Ottubru

mira tal-mili tal-1 ta' Novembru

AT

49 %

60 %

70 %

80 %

BE

49 %

62 %

75 %

80 %

BG

49 %

61 %

75 %

80 %

CZ

60 %

67 %

74 %

80 %

DE

45 %

53 %

80 %

80 %

DK

61 %

68 %

74 %

80 %

ES

71 %

74 %

77 %

80 %

FR

52 %

65 %

72 %

80 %

HR

49 %

60 %

70 %

80 %

HU

51 %

60 %

70 %

80 %

IT

58 %

66 %

73 %

80 %

LV

57 %

65 %

72 %

80 %

NL

54 %

62 %

71 %

80 %

PL

80 %

80 %

80 %

80 %

PT

72 %

75 %

77 %

80 %

RO

46 %

57 %

66 %

80 %

SE

40 %

53 %

67 %

80 %

SK

49 %

60 %

70 %

80 %

ANNESS Ib

Responsabbiltà kondiviża għall-mira tal-mili u t-trajettorja għall-mili

Fir-rigward tal-mira tal-mili u t-trajettorja għall-mili skont l-Artikolu 6a, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija jaqsmu r-responsabbiltà fir-rigward tal-faċilitajiet tal-ħżin Haidach u 7Fields. Il-proporzjon eżatt u l-firxa ta' din ir-responsabbiltà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija huma soġġetti għal ftehim bilaterali ta' dawn l-Istati Membri.

"

(1)  Dan l-Anness huwa soġġett għall-obbligi pro rata ta' kull Stat Membru skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-Artikoli 6a, 6b u 6c.

Għall-Istati Membri li jaqgħu taħt l-Artikolu 6a(2), il-mira intermedja pro rata għandha tiġi kkalkulata billi l-valur indikat fit-tabella jiġi mmultiplikat bil-limitu ta' 35 % u billi r-riżultat jiġi diviż bi 80 %.


Góra