Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0965

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/965 tal-21 ta’ Ġunju 2022 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-qlub tal-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L. bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/4075

    ĠU L 166, 22.6.2022, p. 118–123 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/965/oj

    22.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 166/118


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/965

    tal-21 ta’ Ġunju 2022

    li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-qlub tal-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L. bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 12(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li huwa biss l-ikel il-ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid li jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni.

    (2)

    Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid.

    (3)

    Fid-29 ta’ Awwissu 2016, il-kumpanija “JatroSolutions GmbH” (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Ġermanja biex tqiegħed il-qlub tal-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L., fis-suq tal-Unjoni bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2), il-punt (c) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). L-applikant talab li l-qlub tal-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L., kemm sħaħ kif ukoll imfarrkin,jiġu ttrattati b’mod idrotermali, jintużaw fl-istat oriġinali tagħhom (jew ikkonfettati jew ippreservati fiz-zokkor) inkella bħala ġewż ipproċessat bħala snack, u bħala ingredjent tal-ikel fil-bars taċ-ċereali, fiċ-ċereali tal-kolazzjon, u fil-frott imnixxef.

    (4)

    Skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283, jenħtieġ li kwalunkwe talba li tiġi ppreżentata lil Stat Membru għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel ġdid fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel, u li dwarha ma tkunx ittieħdet deċiżjoni finali qabel l-1 ta’ Jannar 2018, tiġi trattata bħala applikazzjoni mressqa skont ir-Regolament (UE) 2015/2283.

    (5)

    Lil hinn mill-fatt li t-talba għat-tqegħid fis-suq tal-qlub tal-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L. bħala ikel ġdid fl-Unjoni tressqet lil Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97, l-applikazzjoni tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2015/2283.

    (6)

    Fl-1 ta’ Marzu 2018, l-applikant għamel ukoll talba lill-Kummissjoni għall-protezzjoni tad-data proprjetarja dwar il-ġestjoni tal-kultivazzjoni tal-pjanta Jatropha curcas L. u l-użu tal-markaturi molekulari (4), id-data tal-kompożizzjoni li tinkludi l-informazzjoni nutrizzjonali (5) u d-data dwar l-allerġeni (6), l-informazzjoni dwar il-kontaminanti bijoloġiċi u tal-proċess (7), il-metodi analitiċi u l-validazzjoni tagħhom, għad-detezzjoni tal-esteri tal-forbol fil-qlub tal-Jatropha curcas L. (8), il-proċeduri għall-verifika tal-kontenut tal-esteri tal-forbol fil-qlub tal-Jatropha curcas L. (9), l-assaġġi tal-mutazzjoni invertita batterika bix-xaħam imneħħi mill-grixa, u biż-żejt taż-żerriegħa tal-varjetà tal-Jatropha curcas L. (10) li tittiekel u ta’ dik li ma tittikilx, u testijiet in vitro tal-mikronukleu taċ-ċelloli tal-mammiferi mal-grixa bix-xaħam imneħħi, u maż-żejt tal-qalba li tittiekel u li ma tittikilx tal-Jatropha curcas L. (11), imressqa b’appoġġ għall-applikazzjoni.

    (7)

    Fid-19 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) biex twettaq valutazzjoni tal-qlub tal-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L. bħala ikel ġdid.

    (8)

    Fl-24 ta’ Novembru 2021, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika tagħha “Safety of hydrothermally treated kernels from edible Jatropha curcas L. (‘Chuta’)” (is-sikurezza tal-qlub ittrattati b’mod idrotermali mill-Jatropha curcas L. li tittiekel) bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 (12) f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (9)

    Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li l-qlub mill-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L. huma sikuri fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti. Għalhekk, dik l-opinjoni xjentifika tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-ikel il-ġdid il-qlub tal-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L., meta jintużaw fl-istat oriġinali (jew ikkonfettati jew ippreservati fiz-zokkor) inkella bħala ġewż ipproċessat bħala snack u bħala ingredjent tal-ikel fil-bars taċ-ċereali, fiċ-ċereali tal-kolazzjon, u fil-frott imnixxef, jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jitqiegħdu fis-suq f’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (10)

    Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-konsum ta’ dan l-ikel il-ġdid jista’ jwassal għas-sensitizzazzjoni primarja għall-qlub tal-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L. u dan jista’ jwassal għal reazzjonijiet allerġiċi, jew jista’ jikkawża reazzjonijiet allerġiċi għall-persuni li huma allerġiċi għall-ġewż. Waslet għal din il-konklużjoni abbażi tal-piż tal-evidenza disponibbli u meta qieset il-kontenut elevat ta’ proteina (32 %) tal-qlub tal-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L., kif ukoll mill-informazzjoni ppubblikata li turi l-preżenza ta’ għadd ta’ proteini allerġeniċi fil-qlub tal-varjetà li ma tittikilx tal-Jatropha curcas L. Madankollu, meta jitqies li fil-preżent ma hemm l-ebda evidenza epidemjoloġika dwar ir-reazzjonijiet allerġiċi għall-qlub mill-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L. fiż-żoni tal-Messiku fejn dawn jiġu kkunsmati spiss, u meta jitqiesu r-riżultati negattivi tar-reattività inkroċjata tal-proteini mill-qlub tal-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L. għall-proteini minn xi ġewż komuni f’assaġġi tal-immunoassorbiment enzimatiku in vitro (“ELISA”), u r-riżultati negattivi tat-testijiet tar-reazzjoni katina bil-polimerażi (“PCR”) imwettqa bil-qlub tal-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L. għall-allerġeni ta’ ġewż ieħor, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li ma jiġi inkluż l-ebda rekwiżit speċifiku għall-allerġeniċità fil-lista tal-Unjoni tal-ikel il-ġdid awtorizzat.

    (11)

    Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità nnotat ukoll li l-konklużjoni tagħha dwar is-sikurezza tal-ikel il-ġdid kienet imsejsa fuq id-data xjentifika dwar il-ġestjoni tal-kultivazzjoni tal-pjanta Jatropha curcas L. u l-użu tal-markaturi molekulari, fuq id-data tal-kompożizzjoni li tinkludi l-informazzjoni nutrizzjonali u d-data dwar l-allerġeni, fuq l-informazzjoni dwar il-kontaminanti bijoloġiċi u tal-proċess, fuq il-metodi analitiċi, inkluż il-validazzjoni tagħhom għad-detezzjoni tal-esteri tal-forbol fl-qlub tal-Jatropha curcas L., il-proċeduri għall-verifika tal-kontenut tal-esteri tal-forbol tal-qlub tal-Jatropha curcas L., fuq l-assaġġi tal-mutazzjoni invertita batterika bil-grixa bix-xaħam imneħħi u biż-żejt taż-żerriegħa tal-Jatropha curcas L. li tittiekel u ta’ dik li ma tittikilx, u t-testijiet in vitro tal-mikronukleu taċ-ċelloli tal-mammiferi mal-grixa bix-xaħam imneħħi u biż-żejt taż-żerriegħa tal-Jatropha curcas L.li tittiekel u ta’ dik li ma tittikilx, li mingħajrhom ma kinitx tkun tista’ tivvaluta l-ikel il-ġdid u tilħaq il-konklużjoni tagħha.

    (12)

    Il-Kummissjoni talbet lill-applikant jiċċara aktar il-ġustifikazzjoni pprovduta fir-rigward tal-pretensjoni proprjetarja tiegħu fuq dawk l-istudji u t-testijiet u jiċċara t-talba tiegħu għad-dritt esklużiv ta’ referenza għalihom f’konformità mal-Artikolu 26(2)(b) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (13)

    L-applikant iddikjara li meta tressqet l-applikazzjoni, kellu d-drittijiet proprjetarji u esklużivi li jikkonċernaw id-data xjentifika mill-ġestjoni tal-kultivazzjoni tal-pjanta Jatropha curcas L. u l-użu tal-markaturi molekulari, id-data tal-kompożizzjoni li tinkludi l-informazzjoni nutrizzjonali u d-data dwar l-allerġeni, l-informazzjoni dwar il-kontaminanti bijoloġiċi u tal-proċess, il-metodi analitiċi, inkluż il-validazzjoni tagħhom għad-detezzjoni tal-esteri tal-forbol fil-qlub tal-Jatropha curcas L., il-proċeduri tal-metodu tal-kampjunar għall-verifika tal-kontenut tal-esteri tal-forbol tal-qlub tal-Jatropha curcas L., l-assaġġi tal-mutazzjoni invertita batterika bil-grixa bix-xaħam imneħħi u biż-żejt taż-żerriegħa tal-Jatropha curcas L. li tittiekel u ta’ dik li ma tittikilx, u t-testijiet in vitro tal-mikronukleu taċ-ċelloli tal-mammiferi bil-grixa bix-xaħam imneħħi u biż-żejt taż-żerriegħa tal-Jatropha curcas L. li tittiekel u ta’ dik li ma tittikilx, u għalhekk il-partijiet terzi ma setgħux jaċċessaw, jużaw jew jirreferu għal dik id-data b’mod legali.

    (14)

    Il-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni kollha pprovduta mill-applikant u qieset li kien issostanzja biżżejjed it-twettiq tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għaldaqstant, id-data xjentifika dwar il-ġestjoni tal-kultivazzjoni tal-pjanta Jatropha curcas L. u l-użu tal-markaturi molekulari, id-data tal-kompożizzjoni li tinkludi l-informazzjoni nutrizzjonali u d-data dwar l-allerġeni, l-informazzjoni dwar il-kontaminanti bijoloġiċi u tal-proċess, il-metodi analitiċi u l-validazzjoni tagħhom għad-detezzjoni tal-esteri tal-forbol fil-qlub tal-Jatropha curcas L., il-proċeduri għall-verifika tal-kontenut tal-esteri tal-forbol tal-qlub tal-Jatropha curcas L., l-assaġġi tal-mutazzjoni invertita batterika bil-grixa bix-xaħam imneħħi u biż-żejt taż-żerriegħa tal-Jatropha curcas L., u t-testijiet in vitro tal-mikronukleu taċ-ċelloli tal-mammiferi bil-grixa bix-xaħam imneħħi u biż-żejt taż-żerriegħa tal-Jatropha curcas L. li tittiekel u ta’ dik li ma tittikilx, jenħtieġ li jkunu protetti f’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-applikant biss ikun awtorizzat iqiegħed il-qlub tal-Jatropha curcas L. fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (15)

    Madankollu, ir-restrizzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-qlub tal-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L. u tar-referenza għad-data xjentifika li tinsab fil-fajl tal-applikant għall-użu uniku ta’ dan tal-aħħar, ma twaqqafx applikanti sussegwenti milli japplikaw għal awtorizzazzjoni biex iqiegħdu fis-suq l-istess ikel ġdid, dment li l-applikazzjoni tagħhom tkun abbażi ta’ informazzjoni li tkun inkisbet legalment biex tappoġġa tali awtorizzazzjoni.

    (16)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Il-qlub mill-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L. huma awtorizzati għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni.

    Il-qlub mill-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L. għandhom jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

    2.   L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Il-kumpanija “JatroSolutions GmbH” (13) biss hija awtorizzata li tqiegħed fis-suq tal-Unjoni l-ikel il-ġdid imsemmi fl-Artikolu 1, għal perjodu ta’ ħames snin mit-12 ta’ Lulju 2022, sakemm xi applikant sussegwenti ma jiksibx awtorizzazzjoni għal dak l-ikel il-ġdid mingħajr referenza għad-data xjentifika protetta skont l-Artikolu 3 jew bi qbil ma’ “JatroSolutions GmbH”.

    Artikolu 3

    Id-data xjentifika li tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 ma għandha tintuża għall-benefiċċju ta’ ebda applikant sussegwenti għal perjodu ta’ ħames snin mit-12 ta’ Lulju 2022 mingħajr ma jsir ftehim ma’ “JatroSolutions GmbH”.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ġunju 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

    (4)  JatroSolutions GmbH (2018 u 2019, mhux ippubblikati).

    (5)  JatroSolutions GmbH (2021, mhux ippubblikati).

    (6)  JatroSolutions GmbH (2020 u 2021, mhux ippubblikati).

    (7)  JatroSolutions GmbH (2021, mhux ippubblikati).

    (8)  JatroSolutions GmbH (2021, mhux ippubblikati).

    (9)  JatroSolutions GmbH (2021, mhux ippubblikati).

    (10)  JatroSolutions GmbH (2021, mhux ippubblikati).

    (11)  JatroSolutions GmbH (2021, mhux ippubblikati).

    (12)   EFSA Journal 2022; 20(1):6998.

    (13)  Indirizz: Echterdinger Strasse 30, 70599 Stuttgart, il-Ġermanja.


    ANNESS

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fit-Tabella 1 (L-ikel il-ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja:

    L-ikel il-ġdid awtorizzat

    Il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel il-ġdid

    Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

    Rekwiżiti oħrajn

    Protezzjoni tad-Data

    Qlub (tal-varjeta li tittiekel) tal-Jatropha curcas L.

    Kategorija tal-ikel speċifikat

    Livelli massimi (g/100 g)

    Id-denominazzjoni tal-ikel il-ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun “qlub mill-varjetà li tittiekel tal-Jatropha curcas L.”

     

    Awtorizzat nhar it-12 ta’ Lulju 2022. Din l-inklużjoni hija bbażata fuq evidenza u data xjentifiċi proprjetarji protetti f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    L-applikant: “JatroSolutions GmbH”, Echterdinger Strasse 30, 70599 Stuttgart, il-Ġermanja. Matul il-perjodu tal-protezzjoni tad-data, l-ikel il-ġdid “qlub mill-varjeta li tittiekel tal-Jatropha curcas L.” huwa awtorizzat għat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni minn “JatroSolutions GmbH” biss, sakemm xi applikant sussegwenti ma jiksibx awtorizzazzjoni għal dan l-ikel il-ġdid mingħajr referenza għall-evidenza xjentifika jew għad-data xjentifika proprjetarja u protetta f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/2283 jew bi qbil ma’ “JatroSolutions GmbH”.

    Id-data ta’ tmiem il-protezzjoni tad-data: it-12 ta’ Lulju 2027.”

    Qlub fl-istat naturali, ikkonfettati jew ippreservati fiz-zokkor u bħala ġewż ipproċessat

     

    Bars taċ-ċereali

    5

    Ċereali tal-kolazzjon

    5

    Frott imnixxef

    5

     

    (2)

    fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), tiddaħħal l-entrata li ġejja f’ordni alfabetika:

    L-ikel il-Ġdid Awtorizzat

    Speċifikazzjoni

    Qlub (mill-varjeta li tittiekel) tal-Jatropha curcas L.

    Deskrizzjoni:

    Il-qlub jinkisbu miż-żrieragħ tal-frott misjur tal-varjetà li tittiekel tal-pjanti tal-Jatropha curcas L. li jipproduċu qlub b’livelli ta’ esteri tal-forbol mhux traċċabbli, wara serje ta’ passi li jinvolvu t-tindif u t-teħlif tal-frott biex jinkisbu ż-żrieragħ, it-tnixxif taż-żrieragħ, it-tindif taż-żrieragħ biex jitneħħew il-fdalijiet u residwi oħra, it-tfesdiq mekkaniku taż-żrieragħ biex jinkisbu l-qlub, u t-trattament idrotermali (> 120 °C għal 40 minuta) tal-qlub biex jitnaqqsu l-antinutrijenti u l-kwantità mikrobijoloġika.

    Peress li l-varjetà li tittiekel tal-pjanti Jatropha curcas L. u li tipproduċi qlub li fihom livelli ta’ esteri tal-forbol mhux traċċabbli, mhijiex fenotipikament distingwibbli mill-varjetà li ma tittikilx, jenħtieġ li fil-produzzjoni tal-ikel il-ġdid tintuża biss il-varjetà xierqa li tittiekel tal-pjanti Jatropha curcas L. Il-proċess kollu tal-produzzjoni jrid jiżgura li l-qlub li jittieklu ma jitħalltux ma’ dawk li ma jittiklux.

    In-nuqqas ta’ taħlit ta’ qlub li jittieklu ma’ qlub li ma jittiklux għandu jiġi kkonfermat minn kontrolli analitiċi għall-esteri tal-forbol li jsiru fuq kull lott taż-żrieragħ wara l-istadju tat-tnixxif taż-żrieragħ u qabel l-istadju tat-tfesdiq skont il-metodu tal-kampjunar tat-Tabella A. Ħames kampjuni tal-laboratorju estratti minn kull kampjun aggregat jitfesdqu, jintaħnu, u jiġu analizzati għall-esteri tal-forbol bl-użu ta’ metodu vvalidat tal-UHPLC-UV-MS (b). Huma biss dawk il-lottijiet li fihom l-esteri tal-forbol ma jkunu traċċabbli fl-ebda mill-ħames kampjuni li jitkompla l-ipproċessar tagħhom għall-istadji tat-trattament idrotermali tal-qlub u tat-tfesdiq taż-żrieragħ.

    Tabella A

    Piż tal-lott (tunnellati)

    Piż jew għadd ta’ sublottijiet

    Għadd ta’ kampjuni inkrimentali

    ≥ 500

    100 tunnellata

    100

    > 100 u < 500

    5 sublottijiet

    100

    > 10 u ≤ 100

    5 sublottijiet

    100

    > 5,0 u ≤ 10

    -

    80

    > 1 u ≤ 5,0

    -

    60

    > 0,1 u ≤ 1,0

    -

    30

    ≤ 0,1

    -

    10

    Il-kampjuni ta’ kull sublott għandhom jittieħdu separatament. Il-kampjuni aggregati huma magħmula minn tal-inqas 10 kampjuni inkrimentali. L-ammont minimu ta’ kampjun aggregat għandu jkun ta’ 3,5 kg. Dan l-ammont jista’ jiżdied b’mod proporzjonali skont l-għadd ta’ kampjuni inkrementali li jittieħdu.

    Karatteristiċi/Kompożizzjoni:

     

    Indewwa: ≤ 3,0 %

     

    Total ta’ xaħam: 54,0 - 61,0 %

     

    Total ta’ proteina: 21,0 - 32,0 %

     

    Total ta’ fibra: 6,0 - 10,0 %

     

    Irmied: 3,0 - 5,0 %

    Kontaminanti:

     

    Esteri tal-forbol (μg TPA eq(a)/g qalb)(b): ≤ 0,75 (LOD)(c)

     

    Ċomb: ≤ 0,20 mg/kg

     

    Kadmju: ≤ 0,20 mg/kg

     

    Somma ta’ aflatossini B1, B2, G1, G2: ≤ 4,0 μg/kg

     

    Kriterji mikrobijoloġiċi:

     

    Għadd totali tal-kolonji aerobiċi: ≤ 1 000 CFU/g

     

    Għadd totali tal-ħmira/moffa: ≤ 100 CFU/g

     

    Enterobacteriacae: ≤ 10 CFU/g

     

    Salmonella sp.: Assenti f’25 g

     

    Listeria monocytogenes: ≤ 100 CFU/g

    (a) TPAeq: l-ekwivalenti għal 12-O-tetradekanojlforbol-13-aċetat; (b)Il-metodu vvalidat tal-Kromatografija Likwida bi Prestazzjoni Għolja Ħafna abbinata mal-Ispettrofotometrija tal-Ultravjola u mal-Ispettrometrija tal-Massa (UHPLC-UV-MS) għad-detezzjoni tal-qċaċet tal-esteri tal-forbol; (c) Limitu ta’ detezzjoni (Il-lottijiet b’konċentrazzjonijiet ta’ esteri tal-forbol taħt il-limitu ta’ detezzjoni (LOD) biss jistgħu jiġu pproċessati bis-sħiħ); CFU: Colony Forming Units (Unitajiet li jiffurmaw kolonji)”


    Top