This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R0861
Commission Implementing Regulation (EU) 2022/861 of 1 June 2022 laying down exceptional rules for the Member States’ second requests for Union aid for school fruit and vegetables and for school milk and derogating from Implementing Regulation (EU) 2017/39 as regards the reallocation of Union aid, for the period from 1 August 2022 to 31 July 2023
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/861 tal-1 ta’ Ġunju 2022 li jistabbilixxi regoli eċċezzjonali għat-tieni talbiet tal-Istati Membri għall-għajnuna tal-Unjoni għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel u li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 fir-rigward tar-riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni, għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Lulju 2023
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/861 tal-1 ta’ Ġunju 2022 li jistabbilixxi regoli eċċezzjonali għat-tieni talbiet tal-Istati Membri għall-għajnuna tal-Unjoni għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel u li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 fir-rigward tar-riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni, għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Lulju 2023
ĠU L 151, 2.6.2022, pp. 42–44
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
2.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 151/42 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/861
tal-1 ta’ Ġunju 2022
li jistabbilixxi regoli eċċezzjonali għat-tieni talbiet tal-Istati Membri għall-għajnuna tal-Unjoni għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel u li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 fir-rigward tar-riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni, għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Lulju 2023
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25, l-ewwel paragrafu, il-punt (d) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-aggressjoni militari mir-Russja kontra l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022 wasslet għal influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna għall-Unjoni, li ħafna minnhom huma nisa u tfal. Diversi Stati Membri qed jiffaċċjaw sfidi bla preċedent sabiex lil dawn it-tfal spostati mill-Ukrajna jintegrawhom malajr fis-sistemi edukattivi tagħhom. |
|
(2) |
L-iskema ta’ għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħxejjex u ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib fi stabbilimenti edukattivi (“l-iskema għall-iskejjel”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 hija mmirata għat-tfal li jattendu b’mod regolari n-nurseries, l-iskejjel preprimarji jew l-istabbilimenti edukattivi fil-livell primarju jew sekondarju fl-Istati Membri. Għalhekk, it-tfal spostati mill-Ukrajna u integrati fis-sistemi edukattivi tal-Istati Membri huma eliġibbli għall-parteċipazzjoni fl-iskema għall-iskejjel. Minħabba ż-żieda fl-għadd ta’ tfal eliġibbli, f’termini assoluti jew f’perċentwal tal-popolazzjoni, diversi Stati Membri li jinsabu fuq quddiem nett tal-azzjoni ta’ rispons għall-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-iskema għall-iskejjel kif ippjanat, jekk ma tiżdiedx l-allokazzjoni tagħhom ta’ għajnuna tal-Unjoni. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 (3), sal-31 ta’ Jannar 2022, l-Istati Membri ressqu t-talbiet tagħhom lill-Kummissjoni, għall-għajnuna tal-Unjoni għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel b’rabta mas-sena skolastika 2022/2023, mill-1 ta’ Awwissu 2022 sat-31 ta’ Lulju 2023. Abbażi ta’ dawk it-talbiet, imressqa qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-Kummissjoni ffissat l-allokazzjonijiet definittivi tal-għajnuna tal-Unjoni skont l-Istat Membru fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/493 (4). L-informazzjoni disponibbli dwar il-livell ta’ użu tal-allokazzjonijiet definittivi tal-għajnuna tal-Unjoni fis-snin skolastiċi li għaddew, minn xi Stati Membri tindika r-riskju li xi Stati Membri jistgħu ma jkunux jistgħu jużaw kompletament l-allokazzjoni definittiva tagħhom. |
|
(4) |
Minħabba l-ħtiġijiet il-ġodda li nqalgħu, u bħala turija ta’ solidarjetà tal-Unjoni u tal-Istati Membri mal-Ukrajna, jixraq li jiġu stabbiliti regoli eċċezzjonali li jippermettu lill-Istati Membri biex, sal-15 ta’ Ġunju 2022, iressqu t-tieni talba għall-għajnuna tal-Unjoni għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Lulju 2023. Din il-possibbiltà jenħtieġ li tkun marbuta mal-ħtieġa li jiġu koperti t-tfal spostati mill-Ukrajna rreġistrati fl-istabbilimenti edukattivi tal-Istati Membri f’dak il-perjodu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jindikaw humiex lesti jużaw aktar mill-allokazzjoni definittiva tagħhom tal-għajnuna tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/493, inkella l-ammont tal-allokazzjoni definittiva li ma jintalabx, f’każ li ma jkunux lesti jużaw l-ammont kollu ta’ dik l-allokazzjoni. Jenħtieġ li l-ewwel possibbiltà tkun limitata għall-Istati Membri li jkunu wrew assorbiment xieraq tal-allokazzjoni definittiva tagħhom tal-għajnuna tal-Unjoni, abbażi tal-eżekuzzjoni finanzjarja fis-sena skolastika 2018/2019, li kienet l-aħħar sena skolastika qabel il-pandemija tal-COVID-19. It-talbiet tagħhom jenħtieġ li jkunu bbażati biss fuq l-għadd ta’ tfal spostati mill-Ukrajna li jaqgħu fil-grupp fil-mira definit fl-istrateġija tal-Istati Membri skont l-Artikolu 2(1), il-punt (f), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, ġustifikati kif suppost abbażi tad-data disponibbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri li ma jressqux it-tieni talba, jitqiesu li kkonfermaw l-allokazzjonijiet definittivi stabbiliti fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/493. |
|
(5) |
L-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 jistabbilixxi r-regoli għar-riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont definittiv ta’ għajnuna billi talloka mill-ġdid l-allokazzjonijiet indikattivi mhux mitluba jew il-partijiet minnhom mhux mitluba. Jixraq li ssir deroga minn dawk ir-regoli biex il-Kummissjoni tkun tista’ tqis ukoll talbiet ġodda marbuta mal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja sabiex tiffissa allokazzjoni definittiva riveduta tal-għajnuna tal-Unjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Lulju 2023. F’konformità mal-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, ir-riallokazzjoni ta’ kwalunkwe ammont mhux mitlub ta’ allokazzjonijiet definittivi tal-għajnuna tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq l-għadd ta’ tfal fl-Istati Membri ta’ bejn sitta u għaxar snin. |
|
(6) |
Filwaqt li titqies it-tieni talba għall-għajnuna tal-Unjoni, hemm bżonn li l-iffissar tal-allokazzjonijiet definittivi tal-għajnuna tal-Unjoni għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Lulju 2023, isir malajr kemm jista’ jkun biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippjanaw u jwettqu l-attivitajiet preparatorji meħtieġa fi żmien xieraq għall-implimentazzjoni tal-iskema għall-iskejjel. Minħabba dan, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Lulju 2023, sal-15 ta’ Ġunju 2022, l-Istati Membri jistgħu jressqu it-tieni talba għall-għajnuna tal-Unjoni, li tindika:
|
(a) |
li lesti li jużaw aktar mill-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni għall-frott u l-ħxejjex fl-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/493 u l-ammont addizzjonali mitlub, f’każ li tkun disponibbli allokazzjoni addizzjonali; inkella |
|
(b) |
l-ammont tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni għall-frott u l-ħxejjex fl-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel stabbilit fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/493 li mhuwiex mitlub, f’każ li ma jkunux lesti jużaw l-ammont kollu ta’ dik l-allokazzjoni. |
L-Istati Membri jistgħu jitolbu biss ammont addizzjonali ta’ għajnuna tal-Unjoni skont l-ewwel paragrafu, il-punt (a), meta l-użu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni għas-sena skolastika 2018/2019 matul il-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2018 sal-31 ta’ Lulju 2019 ikun ta’ 75 % jew aktar, filwaqt li jitqiesu d-dikjarazzjonijiet tan-nefqa mibgħuta lill-Kummissjoni dwar in-nefqa li tkun saret sal-31 ta’ Diċembru 2021, f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (5). It-talba tagħhom għandha tkun marbuta mal-għadd ta’ tfal spostati mill-Ukrajna li jappartjenu għall-grupp fil-mira definit fl-istrateġija tal-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 2(1), il-punt (f), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, fil-ħin tat-tressiq ta’ dik it-talba u għandha tkun ġustifikata kif suppost abbażi tad-data disponibbli.
Meta Stat Membru ma jressaqx talba għall-għajnuna tal-Unjoni skont l-ewwel paragrafu, dan għandu jitqies li kkonferma l-allokazzjonijiet definittivi stabbiliti fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/493.
Artikolu 2
B’deroga mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, sal-15 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, li tqis ukoll it-tieni talbiet għall-għajnuna tal-Unjoni mressqa skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament biex tiffissa l-allokazzjonijiet definittivi tal-għajnuna tal-Unjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Lulju 2023.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi (ĠU L 5, 10.1.2017, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/493 tal-21 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni lill-Istati Membri għall-frott u l-ħxejjex fl-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel għall-perjodu bejn l-1 ta’ Awwissu 2022 u l-31 ta’ Lulju 2023 u li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/462 (ĠU L 100, 28.3.2022, p. 55).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).