EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0805

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/805 tas-16 ta’ Frar 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika t-tariffi applikabbli għas-superviżjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ta’ ċerti amministraturi ta’ parametri referenzjarji (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/851

ĠU L 145, 24.5.2022, p. 14–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/805/oj

24.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/14


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/805

tas-16 ta’ Frar 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika t-tariffi applikabbli għas-superviżjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ta’ ċerti amministraturi ta’ parametri referenzjarji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48 l(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 48 l tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedi li l-ESMA titlob lill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi u lill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi tariffi assoċjati mal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 34 u għal rikonoxximent skont l-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament u t-tariffi annwali assoċjati mat-twettiq tal-kompiti tagħha f’konformità ma’ dak ir-Regolament fir-rigward ta’ parametri referenzjarji kritiċi u amministraturi ta’ parametri referenzjarji rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi. L-Artikolu 48 l(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedi li tali tariffi jkunu proporzjonati għall-fatturat tal-amministratur tal-parametru referenzjarju kkonċernat u jkopru l-kostijiet kollha mġarrba mill-ESMA għall-awtorizzazzjoni jew għar-rikonoxximent u għat-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward tal-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi u tal-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi f’konformità ma’ dak ir-Regolament.

(2)

It-tariffi imposti għall-attivitajiet tal-ESMA relatati mal-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi u ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livell sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni sinifikanti ta’ defiċit jew surplus. Fejn ikun hemm surplus jew defiċit sinifikanti rikorrenti, il-livell tat-tariffi jenħtieġ li jiġi rivedut.

(3)

It-tariffi assoċjati mal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni (“tariffi ta’ awtorizzazzjoni”) u rikonoxximent (“tariffi ta’ rikonoxximent”) jenħtieġ li jiġu imposti fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi u ta’ pajjiżi terzi biex ikopru l-kostijiet tal-ESMA għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni u rikonoxximent, inkluż il-kostijiet għall-verifika li l-applikazzjonijiet huma kompluti, għat-talba għal informazzjoni addizzjonali, għall-abbozzar ta’ deċiżjonijiet u kostijiet relatati mal-valutazzjoni tal-importanza sistemika ta’ parametri referenzjarji kritiċi kif ukoll il-konformità ta’ amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi.

(4)

Meta wieħed iqis li l-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet hija ugwalment intensiva fir-riżorsi kemm jekk tiġi sottomessa minn amministraturi kbar kif ukoll żgħar, it-tariffa ta’ rikonoxximent jenħtieġ li tkun tariffa ta’ rikonoxximent ta’ somma f’daqqa identika għall-amministraturi kollha ta’ pajjiżi terzi.

(5)

Abbażi tal-ammont ta’ xogħol mistenni u l-kost li dan jirrappreżenta għall-ESMA, li għandu jkun kopert bis-sħiħ mit-tariffa ta’ rikonoxximent ta’ darba, il-kost tal-valutazzjoni ta’ applikazzjoni għal rikonoxximent jenħtieġ li jiġi stabbilit għal EUR 40 000.

(6)

Il-parametri referenzjarji kritiċi huma soġġetti għal skrutinju aktar intens skont ir-Regolament (UE) 2016/1011, u l-amministraturi tagħhom iridu jikkonformaw ma’ rekwiżiti organizzazzjonali aktar stretti. B’riżultat ta’ dan, il-proċess ta’ awtorizzazzjoni jirrappreżenta ammont ta’ xogħol ogħla għall-ESMA. Għalhekk, it-tariffa ta’ awtorizzazzjoni għall-amministratur ta’ parametru referenzjarju kritiku jenħtieġ li tkun ogħla b’mod sinifikanti mit-tariffa għall-valutazzjoni ta’ applikazzjoni għal rikonoxximent.

(7)

Sabiex jiġu promossi l-kwalità u l-kompletezza tal-applikazzjonijiet riċevuti u f’konformità mal-approċċ tal-ESMA lejn ir-reġistrazzjoni tal-entitajiet li tissorvelja, it-tariffa ta’ rikonoxximent jenħtieġ li tkun dovuta fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.

(8)

It-tariffi annwali għandhom jiġu imposti wkoll fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi u ta’ parametru referenzjarju rikonoxxut ta’ pajjiż terz biex ikopru l-kostijiet tal-ESMA għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tas-superviżjoni kontinwa ta’ tali amministraturi. Għal parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi, tali tariffi jenħtieġ li jkopru l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u l-monitoraġġ ta’ żviluppi regolatorji u superviżorji f’pajjiżi terzi. Għal parametri referenzjarji kritiċi, it-tariffi jenħtieġ li jkopru wkoll l-ispejjeż sostnuti mill-ESMA fir-rigward tas-superviżjoni fuq bażi kontinwa tal-konformità minn dawk l-amministraturi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 48 l u fit-Titoli VI tar-Regolament (UE) 2016/1011, inkluż permezz ta’ konformità komparabbli, fejn tingħata.

(9)

Il-kost tas-superviżjoni kontinwa ta’ parametru referenzjarju kritiku jiddependi fuq jekk dan jirrikjedix li l-ESMA tikkostitwixxi u tippresjedi kulleġġ ta’ superviżuri għal dak il-parametru referenzjarju, li jirrappreżenta ammont ta’ xogħol addizzjonali konsiderevoli. B’riżultat ta’ dan, huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ każijiet fl-istabbiliment ta’ tariffi ta’ superviżjoni. B’kuntrast ma’ dan, jenħtieġ li fil-kategorija ta’ parametri referenzjarji kritiċi ma jkunx meħtieġ li ssir distinzjoni bejn it-tariffi ta’ superviżjoni f’konformità mal-fatturat annwali tal-amministratur, peress li l-parametri referenzjarji kritiċi minnhom infushom għandhom impatt sistemiku fl-Unjoni.

(10)

L-applikazzjoni għal rikonoxximent fl-Unjoni hija deċiżjoni li tittieħed mill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi għal raġunijiet kummerċjali, peress li l-offerta tal-parametri referenzjarji tagħhom fl-Unjoni hija mistennija li tiġġenera dħul. Għalhekk, għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi, it-tariffi superviżorji jenħtieġ li jiġu modulati bħala funzjoni tad-dħul li jirriżultaw mill-użu ta’ dawn il-parametri referenzjarji fl-Unjoni. F’każijiet fejn ma jiġi ġġenerat l-ebda dħul, jenħtieġ li tiġi stabbilita tariffa superviżorja minima għal EUR 20 000.

(11)

Sabiex jiġu skoraġġuti applikazzjonijiet ripetuti jew bla bażi, jenħtieġ li t-tariffi ta’ rikonoxximent u ta’ awtorizzazzjoni ma jiġux rimborżati f’każ fejn applikant jirtira l-applikazzjoni tiegħu. Peress li l-ħidma amministrattiva meħtieġa fil-każ ta’ applikazzjoni għal rikonoxximent jew għal awtorizzazzjoni li tiġi rrifjutata hija l-istess bħal dik meħtieġa fil-każ ta’ applikazzjoni li tiġi aċċettata, it-tariffi ta’ rikonoxximent u t-tariffi ta’ awtorizzazzjoni jenħtieġ li ma jiġux rimborżati jekk l-awtorizzazzjoni jew ir-rikonoxximent jiġi rifjutat.

(12)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/168 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jistgħu jintużaw fl-Unjoni mingħajr il-ħtieġa li l-amministraturi rilevanti jfittxu ekwivalenza, rikonoxximent jew approvazzjoni f’perjodu tranżitorju estiż sal-2023. Matul dan il-perjodu tranżitorju, ir-rikonoxximent fl-Unjoni huwa reġim ta’ inklużjoni fakultattiva għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li jinsabu f’pajjiżi terzi, li jindika li l-parametri referenzjarji tagħhom se jibqgħu disponibbli għall-użu fl-Unjoni wara li jintemm il-perjodu tranżitorju. B’konsegwenza, matul tali perjodu, id-dispożizzjonijiet dwar it-tariffi ta’ rikonoxximent u superviżorji jenħtieġ li japplikaw biss għall-amministraturi li jinsabu f’pajjiżi terzi li jkunu applikaw b’mod volontarju għal rikonoxximent qabel l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju introdott mir-Regolament (UE) 2021/168 u fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti jew l-ESMA tkun tat rikonoxximent.

(13)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza biex tiġi żgurata l-applikazzjoni bla xkiel tas-setgħat superviżorji l-ġodda attribwiti lill-ESMA,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar it-tariffi li l-ESMA tista’ timponi fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji fir-rigward tal-awtorizzazzjoni, ir-rikonoxximent u s-superviżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“parametru referenzjarju kritiku” tfisser parametru referenzjarju kritiku skont l-Artikolu 20(1), il-punti (a) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/1011;

(2)

“parametru referenzjarju ta’ pajjiż terz” tfisser parametru referenzjarju li l-amministratur tiegħu jinsab barra mill-Unjoni.

Artikolu 3

Tariffi ta’ rikonoxximent u tariffi ta’ awtorizzazzjoni

1.   Amministratur ta’ parametru referenzjarju stabbilit f’pajjiż terz li japplika għal rikonoxximent skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandu jħallas tariffa ta’ rikonoxximent ta’ EUR 40 000.

2.   L-amministratur ta’ parametru referenzjarju kritiku li japplika għal awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandu jħallas tariffa tal-applikazzjoni ta’ EUR 250 000.

3.   It-tariffa tal-awtorizzazzjoni u t-tariffa ta’ rikonoxximent għandhom jitħallsu fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, mal-wasla tan-nota ta’ debitu tal-ESMA.

4.   Fil-każ tal-applikazzjonijiet li jaslu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti wara l-1 ta’ Ottubru 2021 u ttrasferiti lill-ESMA, it-tariffi ta’ rikonoxximent għandhom jitħallsu fil-bidu tal-2022.

5.   It-tariffi ta’ rikonoxximent u t-tariffi ta’ awtorizzazzjoni ma għandhomx jiġu rimborżati.

Artikolu 4

Tariffi superviżorji annwali

1.   L-amministratur ta’ parametru referenzjarju kritiku wieħed jew aktar għandu jħallas tariffa superviżorja annwali:

(a)

ta’ EUR 250 000, f’każijiet fejn l-ESMA jkollha tippresjedi kulleġġ ta’ superviżuri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2016/1011;

(b)

ta’ EUR 200 000, f’każijiet fejn l-ESMA ma jkollhiex għalfejn tippresjedi kulleġġ ta’ superviżuri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2016/1011.

2.   Amministratur ta’ parametru referenzjarju stabbilit f’pajjiż terz rikonoxxut mill-ESMA għandu jħallas tariffa superviżorja annwali kkalkulata kif ġej:

(a)

it-tariffa superviżorja annwali għal sena partikolari (n) għandha tkun it-tariffa annwali totali għall-amministraturi rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi aġġustata mill-koeffiċjent tal-fatturat;

(b)

it-tariffa annwali totali għall-amministraturi rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi għal sena partikolari (n) għandha tkun ugwali għall-baġit superviżorju tal-ESMA għar-Regolament (UE) 2016/1011 għal dik is-sena (n) bit-tnaqqis tat-tariffi superviżorji annwali li għandhom jitħallsu lill-ESMA minn amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi għas-sena (n);

(c)

għal kull amministratur ta’ pajjiż terz, il-koeffiċjent tal-fatturat għandu jkun is-sehem tiegħu tal-fatturat applikabbli fil-fatturat aggregat iġġenerat mill-amministraturi rikonoxxuti kollha ta’ pajjiżi terzi

Image 1

(d)

it-tariffa superviżorja annwali minima għall-amministraturi rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi għandha tkun ta’ EUR 20 000, inkluż meta l-fatturat applikabbli tal-amministratur rikonoxxut ta’ pajjiż terz ikun ta’ żero.

3.   L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji għandhom iħallsu t-tariffi superviżorji annwali rilevanti tagħhom lill-ESMA sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja li fiha jkunu dovuti. Jekk l-informazzjoni għas-snin kalendarji preċedenti ma tkunx disponibbli, it-tariffi għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-aħħar informazzjoni disponibbli għat-tariffi annwali. It-tariffi annwali mħallsa ma jiġux rimborżati.

Artikolu 5

Tariffi superviżorji annwali fis-sena ta’ rikonoxximent jew awtorizzazzjoni

B’deroga mill-Artikolu 4, it-tariffa superviżorja fl-ewwel sena għall-amministraturi rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi u għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi awtorizzati, b’referenza għas-sena li fiha jkunu ġew rikonoxxuti jew awtorizzati għandhom jiġu kkalkolati billi titnaqqas it-tariffa superviżorja u tiġi aġġustata bil-koeffiċjent li ġej:

Image 2

It-tariffa superviżorja tal-ewwel sena għandha titħallas wara li l-amministratur ikun ġie nnotifikat mill-ESMA li l-applikazzjoni tiegħu tkun irnexxiet u fi żmien 30 jum mid-data tal-ħruġ tan-nota ta’ debitu rilevanti tal-ESMA.

B’deroga, meta amministratur ta’ parametru referenzjarju jkun awtorizzat matul ix-xahar ta’ Diċembru, dan ma għandux iħallas tariffa superviżorja tal-ewwel sena.

Artikolu 6

Fatturat applikabbli

Il-fatturat ta’ amministratur ta’ parametru referenzjarju ta’ pajjiż terz rikonoxxut għandu jkun id-dħul tiegħu akkumulat fir-rigward tal-użu tal-parametri referenzjarji tiegħu minn entitajiet taħt superviżjoni fl-Unjoni matul is-sena finanzjarja kompluta l-aktar reċenti tal-amministratur ta’ parametru referenzjarju.

Amministratur ta’ parametru referenzjarju rikonoxxut ta’ pajjiż terz għandu jipprovdi lill-ESMA, fuq bażi annwali, b’ċifri awditjati li jikkonfermaw id-dħul tiegħu akkumulat fir-rigward tal-użu tal-parametri referenzjarji tiegħu fl-Unjoni. Iċ-ċifri għandhom jiġu ċċertifikati minn awditu estern u għandhom jiġu sottomessi lill-ESMA b’mezzi elettroniċi qabel it-30 ta’ Settembru ta’ kull sena. Jekk amministratur ta’ pajjiż terz jiġi rikonoxxut wara t-30 ta’ Settembru ta’ sena kalendarja, dan għandu jipprovdi ċ-ċifri immedjatament mar-rikonoxximent u sa tmiem is-sena kalendarja tar-rikonoxximent. Id-dokumenti li fihom ċifri awditjati għandhom jiġu pprovduti f’lingwa li tintuża mis-servizzi finanzjarji.

Jekk id-dħul rapportat jiġi espress f’munita għajr l-euro, l-ESMA għandha tikkonvertih f’ammont f’euro permezz tar-rata medja tal-kambju tal-euro applikabbli għall-perjodu li matulu ġie rreġistrat id-dħul. Għal dan il-għan, għandha tintuża r-rata ta’ referenza tal-kambju tal-euro ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.

L-amministraturi ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti qabel l-1 ta’ Jannar 2022 għandhom jipprovdu lill-ESMA bil-fatturat tagħhom tal-2020 sal-31 ta’ Jannar 2022.

Artikolu 7

Modalitajiet ġenerali ta’ pagament

1.   It-tariffi kollha għandhom jitħallsu f’euro.

2.   Kwalunkwe ħlas tard għandu jkun soġġett għal penali ta’ kuljum ugwali għal 0,1 % tal-ammont dovut.

Artikolu 8

Ħlas tat-tariffi ta’ applikazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni

1.   It-tariffi għall-applikazzjoni, l-awtorizzazzjoni jew l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni għandhom ikunu dovuti fiż-żmien li japplika l-amministratur ta’ parametru referenzjarju u għandhom jitħallsu kollha fi żmien 30 jum mid-data tal-ħruġ tal-fattura tal-ESMA.

2.   L-ESMA ma għandhiex tirrimborża t-tariffi lil amministratur ta’ parametru referenzjarju li jiddeċiedi li jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni.

Artikolu 9

Ħlas tat-tariffi superviżorji annwali

1.   It-tariffa superviżorja annwali msemmija fl-Artikolu 4 għal sena finanzjarja għandha titħallas lill-ESMA qabel il-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja li għaliha tkun dovuta. It-tariffi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-aħħar informazzjoni disponibbli għat-tariffi annwali.

2.   L-ESMA ma għandhiex tirrimborża t-tariffi superviżorji annwali.

3.   L-ESMA għandha tibgħat il-fattura lill-amministratur tal-parametru referenzjarju mill-inqas 30 jum qabel ma jkun dovut il-ħlas.

Artikolu 10

Rimborż tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

1.   Fil-każ ta’ delega ta’ kompiti mill-ESMA lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-ESMA biss għandha timponi t-tariffa ta’ rikonoxximent u t-tariffi superviżorji annwali fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi u dawk kritiċi.

2.   L-ESMA għandha tirrimborża awtorità nazzjonali kompetenti għall-kostijiet attwali mġarrba bħala riżultat tax-xogħol imwettaq skont ir-Regolament (UE) 2016/1011, b’ammont li jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont ikun maqbul mill-ESMA u mill-awtorità kompetenti qabel ma ssir id-delega tal-kompiti;

(b)

l-ammont huwa anqas mill-ammont totali ta’ tariffi superviżorji mħallsa lill-ESMA mill-amministraturi rilevanti tal-parametri referenzjarji.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   L-Artikolu 3 ma għandux japplika għal amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi u ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi diġà awtorizzati jew rikonoxxuti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-Artikolu 12(1), f’każ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ wara t-tielet xahar tal-2022, it-tariffi superviżorji annwali għall-2022 applikabbli għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji taħt is-superviżjoni tal-ESMA għandhom ikunu dovuti fi żmien 30 jum mid-data tal-ħruġ tal-fattura tal-ESMA.

3.   Għall-finijiet tal-kalkolu fl-Artikolu 4(2) tat-tariffi superviżorji annwali applikabbli għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji taħt is-superviżjoni tal-ESMA għas-sena 2022, il-fatturat applikabbli għandu, b’deroga mill-Artikolu 4(2)(a)-(d), ikun ibbażat b’mod provviżorju fuq id-dħul iġġenerat fl-2021. Meta l-kontijiet awditjati matul l-2021 isiru disponibbli, l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji għandhom jissottomettuhom lill-ESMA mingħajr dewmien. L-ESMA se tikkalkula mill-ġdid it-tariffi superviżorji annwali matul is-sena 2021 abbażi tal-kontijiet awditjati u se tissottometti fattura finali, għad-differenza, lil kull amministratur ta’ parametru referenzjarju.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ u japplika fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/168 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju spot ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ sostituti għal ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 49, 12.2.2021, p. 6).


Top