EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0659

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/659 tal-21 ta’ April 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

ST/7947/2022/INIT

ĠU L 120, 21.4.2022, p. 5–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/659/oj

21.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/659

tal-21 ta’ April 2022

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta’ Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Awwissu 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1509.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill iddikjara li l-Unjoni kienet ser tikkunsidra rispons ulterjuri xieraq għall-azzjonijiet tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (“RDPK”) li jdgħajfu r-reġim globali tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm, speċjalment permezz ta’ miżuri restrittivi awtonomi addizzjonali.

(3)

Fit-22 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) adotta r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”) 2397 (2017), fejn afferma mill-ġdid li r-RDPK: ma għandhiex twettaq aktar illanċjar bl-użu tat-teknoloġija tal-missili ballistiċi, testijiet nukleari, jew kwalunkwe provokazzjoni oħra; għandha immedjatament tissospendi l-attivitajiet kollha marbuta mal-programm tal-missili ballistiċi tagħha u f’dak il-kuntest tistabbilixxi mill-ġdid l-impenji eżistenti minn qabel għal moratorju fuq l-illanċjar kollu tal-missili; għandha immedjatament tabbanduna l-armi nukleari kollha u l-programmi nukleari eżistenti kollha b’mod sħiħ, verifikabbli u irriversibbli, u immedjatament twaqqaf l-attivitajiet kollha relatati; u għandha tabbanduna kwalunkwe arma eżistenti oħra ta’ qerda massiva u programmi ta’ missili ballistiċi b’mod sħiħ, verifikabbli u irriversibbli.

(4)

Fl-24 ta’ Marzu 2022, ir-RDPK illanċjat missila ballistika interkontinentali. Ir-RDPK illanċjat missili f’mill-anqas tnax-il okkażjoni bejn il-5 ta’ Jannar u l-24 ta’ Marzu 2022.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-”Rappreżentant Għoli”) ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjon fejn ikkundanna l-illanċjar mir-RDPK ta’ missila ballistika interkontinentali fl-24 ta’ Marzu 2022, li sar bi ksur ta’ diversi UNSCR u huwa theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u reġjonali. Dik id-dikjarazzjoni appellat ukoll lir-RDPK biex iżżomm lura minn kwalunkwe azzjoni ulterjuri li tista’ żżid it-tensjoni internazzjonali u reġjonali u biex tikkonforma mal-UNSCR rilevanti billi tabbanduna l-armi nukleari kollha tagħha, l-armi l-oħra ta’ qerda massiva, il-programmi ta’ missili ballistiċi u l-programmi nukleari eżistenti, b’mod sħiħ, verifikabbli u irriversibbli, u immedjatament twaqqaf l-attivitajiet kollha relatati. Ir-Rappreżentant Għoli ddikjara wkoll li l-Unjoni tinsab lesta biex timplimenta u tikkomplementa, jekk ikun meħtieġ, kwalunkwe azzjoni li tista’ tittieħed mill-KSNU b’rispons għall-illanċjar ta’ missila ballistika interkontinentali fl-24 ta’ Marzu 2022.

(6)

Billi l-attivitajiet marbuta mal-illanċjar ta’ missili ballistiċi baqgħu jitwettqu mir-RDPK, bi ksur tal-UNSCR rilevanti u b’nuqqas sfaċċat ta’ rispett għalihom, jenħtieġ li tmien individwi u erba’ entitajiet jiġu inklużi fil-listi ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Annessi XV u XVI għar-Regolament (UE) 2017/1509.

(7)

Għalhekk, l-Annessi XV u XVI għar-Regolament (UE) 2017/1509 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Annessi XV u XVI għar-Regolament (UE) 2017/1509 huma emendati kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  ĠU L 224, 31.8.2017, p. 1.


ANNESS

Annessi XV u XVI għar-Regolament (UE) 2017/1509 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness XV, taħt l-intestatura “Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 34(1) u 34(3)”, is-subintestatura “(a) Persuni fiżiċi indikati f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 34(4)”, jiżdiedu dawn l-entrati li ġejjin:

 

Isem

Magħruf ukoll bħala

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Data tad-deżinjazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

“28.

KIM Su Gil

KIM Su-Gil

Data tat-twelid: 1950

Nazzjonalità: RDPK

Ġeneru: maskil

21.4.2022

Fil-kapaċità tiegħu bħala d-Direttur tal-Uffiċċju Politiku Ġenerali tal-Armata tal-Poplu tal-Korea, bejn l-2018 u l-2021 u bħala Membru tal-Kummissjoni għall-Affarijiet tal-Istat bejn l-2019 u l-2021, kien responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea, marbuta mal-iżvilupp tal-programmi nukleari u ballistiċi bi ksur tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017), 2375 (2017), u 2397 (2017).

29.

JON Il Ho

JON Il-Ho

Data tat-twelid: 1955 jew 1956

Nazzjonalità: RDPK

Ġeneru: maskil

21.4.2022

Fil-kapaċità tiegħu bħala “uffiċjal ewlieni fil-qasam tax-xjenza tad-difiża nazzjonali”, jaqdi rwol importanti fil-programmi tar-RDPK ta’ armi ta’ qerda massiva, u huwa responsabbli għall-iżvilupp ta’ dawn il-programmi. Promoss għal Kurunell Ġenerali f’Awwissu 2019, fis-16 ta’ Frar irċieva l-Premju għax-Xjenza u t-Teknoloġija, huwa Direttur tal-Research Institute of Automation u Direttur ta’ Istitut f’Kim Chaek University of Technology, u Viċi Direttur ta’ Dipartiment tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema, fl-4 ta’ Lulju 2017 u fit-28 ta’ Lulju 2017 ipparteċipa fl-illanċjar tal-missila ballistika interkontinentali (ICBM) Hwasong-14, kif ukoll fil-biċċa l-kbira tal-illanċjar ta’ missili oħra fl-2017, l-2019 u f’Marzu 2020.

30.

JONG Sung Il

JONG Sung-Il

Data tat-twelid: 20.3.1961

Numru tal-passaport: 927240105

Nazzjonalità: RDPK

Ġeneru: maskil

21.4.2022

Fil-kapaċità tiegħu bħala “Uffiċjal Għoli tal-Partit” u “uffiċjal ewlieni fil-qasam tax-xjenza tad-difiża nazzjonali” u identifikat minn Stat Membru tan-NU bħala l-Eks Viċi Direttur tal-Munitions Industry Department tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea fl-2017, jaqdi rwol importanti fil-programmi tar-RDPK ta’ armi ta’ qerda massiva, u huwa responsabbli għall-iżvilupp ta’ dawn il-programmi, partikolarment missili ballistiċi. Huwa kien preżenti waqt it-testijiet tal-missili ballistiċi interkontinentali (ICBM) Hwasong-14 fl-4 ta’ Lulju 2017 u fit-28 ta’ Lulju 2017 u preżenti waqt l-illanċjar tal-missili ballistiċi/ tas-Sistema ta’ Llanċjar ta’ Rokit Multiplu ta’ dimensjonijiet kbar fl-24 ta’ Awwissu 2019 u fl-10 ta’ Settembru 2019.

31.

YU Jin

YU Jin

Data tat-twelid: 1960

Nazzjonalità: RDPK

Ġeneru: maskil

21.4.2022

Fil-kapaċità tiegħu bħala d-Direttur tal-Munitions Industry Department u Membru Supplenti tal-Uffiċċju Politiku tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea, huwa responsabbli fil-qadi ta’ rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-programmi tar-RDPK tal-armi ta’ qerda massiva kemm il-qasam nukleari kif ukoll ballistiku. Huwa akkumpanja lil Kim Jong Un fin-National Aerospace Development Administration qabel l-illanċjar tal-ICBM f’Marzu 2022 u ħa sehem fil-Wirja ta’ Difiża Nazzjonali tal-2021, li wriet sistemi apparentement ġodda ta’ armi. Bħala Viċi Direttur kien preżenti waqt it-testijiet tal-missili ballistiċi interkontinentali (ICBM) Hwasong-14 fl-4 ta’ Lulju 2017 u fit-28 ta’ Lulju 2017, kif ukoll fit-22 ta’ Lulju 2019 waqt l-ispezzjoni ta’ Kim Jong Un tat-tip ġdid ta’ sottomarin, li r-RDPK indikat li kien maħsub għall-fini “strateġiku” li jiġu skjerati missili ballistiċi llanċjati minn sottomarini, possibbilment kapaċi jġorru testati nukleari u fl-illanċjar tal-missili ballistiċi fil-25 ta’ Lulju u t-30 ta’ Lulju 2019, u fit-2 ta’ Awwissu 2019.”

(2)

Fl-Anness XVI, taħt l-intestatura “Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 34(1) u 34(3)”, is-subintestatura “(a) Persuni fiżiċi”, jiżdiedu dawn l-entrati li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Data tad-deżinjazzjoni

Raġunijiet

“25.

PAK Hwa Song

magħruf ukoll bħala PAK Hwa-Song

Kofundatur tal-kumpannija CONGO ACONDE

Post tat-twelid: RDPK

Numru tal-passaport: 654331357

Nazzjonalità: RDPK

Ġeneru: maskil

Indirizz: Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

21.4.2022

Pak Hwa Song huwa involut fl-evażjoni tas-sanzjonijiet u huwa responsabbli għall-appoġġ finanzjarju tal-programmi nukleari u ballistiċi tar-RDPK. Huwa kofundatur tal-kumpannija CONGO ACONDE, kumpannija ta’ faċċata tal-PAEKHO TRADING CORPORATION. PAEKHO hija involuta fl-esportazzjoni ta’ statwi lejn diversi pajjiżi sub-Saħarjani bi ksur tas-sanzjonijiet tan-NU. Pak fetaħ ukoll kont bankarju f’fergħa ta’ bank f’Lubumbashi bbażat fil-Kamerun bi ksur tar-riżoluzzjonijiet tal-KSNU. Pak jaħdem ma’ Hwang Kil Su. Huwa jipprovdi servizzi finanzjarji b’appoġġ għar-reġim u l-programmi nukleari tar-RDPK.

26.

HWANG Kil Su

magħruf ukoll bħala HWANG Kil-Su

Kofundatur tal-kumpannija CONGO ACONDE

Post tat-twelid: RDPK

Numru tal-passaport: 654331363

Nazzjonalità: RDPK

Ġeneru: maskil

Indirizz: Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

21.4.2022

Hwang Kil Su huwa involut fl-evażjoni tas-sanzjonijiet u huwa responsabbli għall-appoġġ finanzjarju tal-programmi nukleari u ballistiċi tar-RDPK. Huwa kofundatur tal-kumpannija CONGO ACONDE, kumpannija ta’ faċċata tal-PAEKHO TRADING CORPORATION. PAEKHO hija involuta fl-esportazzjoni ta’ statwi lejn diversi pajjiżi sub-Saħarjani bi ksur tar-riżoluzzjonijiet tal-KSNU. Hwang fetaħ ukoll kont bankarju f’fergħa ta’ bank f’Lubumbashi bbażat fil-Kamerun bi ksur tar-riżoluzzjonijiet tal-KSNU. Hwang jaħdem ma’ Pak Hwa Song. Huwa jipprovdi servizzi finanzjarji b’appoġġ għar-reġim u l-programmi nukleari tar-RDPK.

27.

IM Song Sun

magħruf ukoll bħala IM Song-Sun

Nazzjonalità: RDPK

Ġeneru: maskil

21.4.2022

Fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant tal-Corman Construction Company (Tong Bang), kumpanija ta’ faċċata għall-Mansudae Overseas Project (MOP) Group iddeżinjat min-NU, Im Song Sun huwa involut fl-evażjoni tas-sanzjonijiet bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371, (2017), 2375 (2017) jew 2397 (2017). Huwa mmaniġġa bini minn din il-kumpannija fis-Senegal u rċieva ħlasijiet għal kuntratti mirbuħa lill-MOP u lil Corman Construction, u għalhekk huwa responsabbli għall-attivitajiet finanzjarji li jappoġġaw lir-reġim u lill-programmi nukleari u ballistiċi tar-RDPK.

28.

CHOE Song Chol

magħruf ukoll bħala CHOE Song-Chol

Nazzjonalità: RDPK

Ġeneru: maskil

21.4.2022

Fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant tal-kumpannija Corman Construction (Tong Bang), kumpannija ta’ faċċata għall-Mansudae Overseas Project Group iddeżinjat min-NU, Choe Song Chol huwa involut fl-evażjoni tas-sanzjonijiet bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017), 2375 (2017) jew 2397(2017). Huwa mmaniġġa bini minn din il-kumpannija fis-Senegal u rċieva ħlasijiet għal kuntratti mirbuħa lill-MOP u lil Corman Construction, u għalhekk huwa responsabbli għall-attivitajiet finanzjarji li jappoġġaw lir-reġim u lill-programmi nukleari u ballistiċi tar-RDPK.”

(3)

Fl-Anness XVI, taħt l-intestatura “Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 34(1) u 34(3)”, is-subintestatura “(b) Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

 

Isem (u ismijiet oħra possibbli)

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Data tad-deżinjazzjoni

Raġunijiet

“5.

Eritech Computer Assembly & Communication Technology PLC

Indirizz: Denden Street N028, Asmara, 257, Eritrea

21.4.2022

Eritech Computer Assembly & Communication technology PLC tqiegħdet taħt l-awtorità jew taħt id-direzzjoni tal-Forzi ta’ Difiżi tal-Eritrea u hija domiċiljata fil-kumpless tagħhom tal-Asha Golgol Military Technical Center, użat għall-produzzjoni, il-modifika jew it-tiswija ta’ apparat ċivili u militari u paramilitari. Hija involuta fl-evażjoni ta’ sanzjonijiet u responsabbli għall-appoġġ tal-programmi nukleari u ballistiċi tar-RDPK billi ġiet identifikata bħala r-riċevitur intiż f’Lulju 2016 ta’ kunsinna miċ-Ċina ta’ tagħmir ta’ komunikazzjonijiet militari li oriġina mir-RDPK. Il-biċċa l-kbira tat-tagħmir ikkonċernat ġie minn GLOCOM, kumpannija tar-RDPK speċjalizzata fil-forniment ta’ tagħmir ta’ trażmissjoni militari, marbuta mas-servizzi ta’ intelligence tar-RDPK bi ksur, b’mod partikolari, tal-UNSCR 2270 (2016).

6.

Korea General Corporation for External Construction (Ismijiet oħra: KOGEN, GENCO)

Indirizz: Taedonggang District, Pyongyang, Democratic People’s Republic of Korea

21.4.2022

Il-Korea General Corporation for External Construction (KOGEN), hija kumpannija professjonali tal-kostruzzjoni barra l-pajjiż, u tiddependi fuq ħaddiema tas-sengħa li tibgħat barra, skont il-preżentazzjoni li saret mill-portal tal-internet uffiċjali tar-RDPK, u wettqet proġetti fl-Emirati Għarab Magħquda, il-Kuwajt, il-Qatar, il-Jemen, ir-Russja, il-Libja u l-Mongolja. Hija stabbiliet ukoll fergħat lokali, bħal fiż-Żambja. Il-KOGEN hija, għalhekk, involuta fl-evażjoni tas-sanzjonijiet u hija responsabbli għall-appoġġ finanzjarju tal-programmi nukleari u ballistiċi tar-RDPK peress li tittrasferixxi lir-reġim il-pagi kollha jew parti minnhom tal-ħaddiema li tibgħat barra, prattika pprojbita mill-UNSCR 2397 (2017).

7.

Chilsong Trading Corporation

Indirizz: Pyongyang, Democratic People’s Republic of Korea

21.4.2022

Chilsong Trading Corporation hija, involuta fl-evażjoni tas-sanzjonijiet bi ksur tal-UNSCR 2270 (2016) u hija responsabbli għall-appoġġ tal-programmi nukleari u ballistiċi tar-RDPK peress li hija rrappreżentata b’mod partikolari minn ċittadin tar-RDPK, CHOE Jin-myong, li jikkummerċjalizza tagħmir ta’ komunikazzjonijiet militari u nnegozja ma’ DAERYONGGANG TRADING CORPORATION, entità sanzjonata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fis-16 ta’ Lulju 2009.

8.

Korea Paekho Trading Corporation

(Magħrufa ukoll bħala: Joson Paekho Muyok Hoesa)

Indirizz: Chongryu 3-dong, Taedonggang District, Pyongyang, Democratic People’s Republic of Korea

21.4.2022

Paekho Trading Corporation hija kumpannija tal-arti involuta fil-bini ta’ statwi barra l-pajjiż, fl-esportazzjoni ta’ statwi artistiċi prodotti minn Paekho Art Studio, u tiffaċilita x-xogħol illeċitu u l-aċċess għas-sistemi finanzjarji internazzjonali. Hija speċifikament immirata lejn għotjiet u self għall-iżvilupp, kif ukoll investiment dirett barrani allokat għal proġetti muniċipali. Għaldaqstant hija involuta fl-evażjoni tas-sanzjonijiet u hija responsabbli għall-appoġġ finanzjarju tal-programmi nukleari u ballistiċi tar-RDPK.”


Top