Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0652

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/652 tal-20 ta’ April 2022 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw bħala addittiv tal-għalf għal ċerti speċijiet tal-annimali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/2354

    ĠU L 119, 21.4.2022, p. 74–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 05/02/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/652/oj

    21.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 119/74


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/652

    tal-20 ta’ April 2022

    li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw bħala addittiv tal-għalf għal ċerti speċijiet tal-annimali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

    (2)

    L-estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw kien ġie awtorizzat mingħajr limitu ta’ żmien b’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. Dak l-addittiv wara ddaħħal fir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf bħala prodott eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (3)

    L-applikant talab biex l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorjali” u fil-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”. Flimkien ma’ dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw għall-ispeċijiet kollha tal-annimali.

    (5)

    L-applikant talab li l-estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw jiġi awtorizzat ukoll għall-użu fl-ilma tax-xorb. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 ma jippermettix l-awtorizzazzjoni ta’ komposti li jagħtu t-togħma għall-użu fl-ilma tax-xorb. Għalhekk, jenħtieġ li ma jkunx permess l-użu tal-estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw fl-ilma tax-xorb.

    (6)

    Fl-opinjoni tagħha tat-23 ta’ Ġunju 2021 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti, l-estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw ma għandux effetti avversi fuq is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-konsumaturi jew l-ambjent. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li jenħtieġ li l-estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw jitqies bħala irritant għall-ġilda u għall-għajnejn, u bħala sensitizzatur respiratorju u tal-ġilda. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tal-utenti tal-addittiv.

    (7)

    L-Awtorità kkonkludiet li l-estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw huwa rikonoxxut li jagħti t-togħma lill-ikel u l-funzjoni tiegħu fl-għalf tkun essenzjalment l-istess bħal dik fl-ikel, għaldaqstant ma hemmx bżonn li jkun hemm iktar provi tal-effikaċja tiegħu. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodi ta’ analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf, li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (8)

    Il-valutazzjoni tal-estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ġew issodisfati. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu ta’ dik is-sustanza kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (9)

    Jenħtieġ li jiġu previsti ċerti kundizzjonijiet għal kontroll aħjar. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi indikat kontenut rakkomandat fuq it-tikketta tal-addittiv tal-għalf. Meta dan il-kontenut jinqabeż, jenħtieġ li ċerta informazzjoni tiġi indikata fuq it-tikketta tat-taħlitiet lesti minn qabel.

    (10)

    Il-fatt li l-estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw mhuwiex awtorizzat għall-użu bħala aromatizzant fl-ilma tax-xorb ma jipprekludix l-użu tiegħu fl-għalf kompost li jingħata permezz tal-ilma.

    (11)

    Billi l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għas-sustanza kkonċernata mhijiex meħtieġa minħabba raġunijiet ta’ sikurezza, jixraq li jingħata perjodu tranżizzjonali biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

    (12)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Awtorizzazzjoni

    Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi sensorjali” u mill-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”, hija awtorizzata bħala addittiv fl-għalf tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Miżuri tranżizzjonali

    1.   Is-sustanza speċifikata fl-Anness u t-taħlitiet lesti minn qabel li jkun fihom din is-sustanza, li huma prodotti u ttikkettati qabel il-11 ta’ Novembru 2022 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-11 ta’ Mejju 2022 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

    2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanza kif speċifikat fl-Anness, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-11 ta’ Mejju 2023 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-11 ta’ Mejju 2022 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti jekk ikunu maħsuba għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

    3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanza kif speċifikat fl-Anness, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-11 ta’ Mejju 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-11 ta’ Mejju 2022 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti jekk ikunu maħsuba għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ April 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

    (3)  EFSA Journal 2021;19(7):6709.


    ANNESS

    Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

    Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

    Addittiv

    Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

    Speċi jew kategorija tal-annimali

    Età massima

    Kontenut minimu

    Kontenut massimu

    Dispożizzjonijiet oħra

    Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

    mg ta’ sustanza attiva/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

    Kategorija: Addittivi sensorjali. Grupp funzjonali: Komposti aromatizzanti

    2b136-ex

    Estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw

    Kompożizzjoni tal-addittiv

    Estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw mill-frott ta’ Citrus x aurantium L.

    Għamla solida

    Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

    Estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw mill-frott ta’ Citrus x aurantium L. kif definit mill-Kunsill tal-Ewropa (1).

    Flavonojdi: 45-55 %, li minnhom

    Narinġina: 20-30 %

    Neoesperidina: 10-20 %

    5-metossipsoralen (magħruf ukoll bħala bergapten): ≤ 0,03 %

    (-)-Sinefrin: ≤ 1 %

    Numru KtE: 136

    Metodu analitiku  (2)

    Għall-kwantifikazzjoni tan-narinġina (markatur fitokimiku) fl-addittiv tal-għalf:

    Kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja (HPLC) b’detezzjoni spettrofotometrika (UV)

    Tiġieġ tas-simna

    Tiġieġ tal-bajd

    Dundjani tas-simna

    Qżieqeż

    Ħnieżer tas-simna

    Ħnieżer nisa

    Baqar tal-ħalib

    Għoġġiela

    Bhejjem tal-ifrat tas-simna

    Nagħaġ/mogħoż

    Żwiemel

    Fniek

    Salmonidi

    Ħut ornamentali

    Klieb

    Qtates

     

    1.

    L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf fl-għamla ta’ taħlita lesta minn qabel.

    2.

    Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, il-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà għat-trattament bis-sħana għandhom jiġu indikati.

    3.

    L-addittiv ma għandux jintuża flimkien man-neoesperidina diidrokalkon (2b959).

    4.

    Fuq it-tikketta tal-addittiv għandu jiġi indikat dan li ġej:

    “Kontenut massimu rrakkomandat tas-sustanza attiva f’kull kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %:

    Tiġieġ tas-simna: 102 mg.

    Tiġieġ tal-bajd: 151 mg.

    Dundjani tas-simna: 136 mg.

    Qżieqeż: 182 mg.

    Ħnieżer tas-simna: 217 mg.

    Ħnieżer nisa: 268 mg.

    Baqar tal-ħalib 259 mg.

    Għoġġiela (sostitut tal-ħalib), bhejjem tal-ifrat tas-simna, nagħaġ/mogħoż, żwiemel, salmonidi, klieb u ħut ornamentali: 400 mg.

    Qtates: 80 mg.

    Fniek: 161 mg.”.

    5.

    Il-grupp funzjonali, in-numru ta’ identifikazzjoni, l-isem u l-ammont miżjud tas-sustanza attiva għandhom jiġu indikati fuq it-tikketta tat-taħlita lesta minn qabel meta l-livell tal-użu fuq it-tikketta tat-taħlita lesta minn qabel tkun tirriżulta li jinqabeż il-livell imsemmi fil-punt 4.

    6.

    It-taħlita tal-estratt tal-larinġ tal-bakkaljaw mill-frott ta’ Citrus x aurantium L. ma’ addittivi awtorizzati oħra miksuba minn Citrus aurantium L. ma għandhiex tkun permessa fl-għalf.

    7.

    Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali mill-inalazzjoni, mill-kuntatt mal-ġilda jew mill-kuntatt mal-għajnejn. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew jitnaqqsu għall-minimu b’tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali, inkluż il-protezzjoni tal-ġilda, tal-għajnejn u tan-nifs.

    Il-11 ta’ Mejju 2032


    (1)  Natural sources of flavourings — Ir-Rapport Nru 2 (2007).

    (2)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


    Top