Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0192

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/192 tal-20 ta’ Ottubru 2021 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1151/2014 fir-rigward tal-informazzjoni li trid tiġi nnotifikata meta jiġi eżerċitat id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/7430

    ĠU L 31, 14.2.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/192/oj

    14.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 31/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/192

    tal-20 ta’ Ottubru 2021

    li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1151/2014 fir-rigward tal-informazzjoni li trid tiġi nnotifikata meta jiġi eżerċitat id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 35(5), l-Artikolu 36(5) u l-Artikolu 39(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1151/2014 (2) jispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu meta jeżerċitaw id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    (2)

    Sabiex titrawwem il-konverġenza fil-prattiki ta’ valutazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tan-notifika ppreżentata mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jenħtieġ li l-informazzjoni speċifikata fir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1151/2014 tiġi spjegata aktar fid-dettall. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu aġġornati ċerti referenzi għall-atti legali biex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt.

    (3)

    L-informazzjoni li jipprovdu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu waqt in-notifika ta’ passaport għal fergħa jenħtieġ li tkun dettaljata biżżejjed biex jiġi żgurat li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tkun tista’ twettaq valutazzjoni preċiża u komprensiva tal-adegwatezza tal-istituzzjoni ta’ kreditu biex twettaq l-attivitajiet li għalihom tiġi sottomessa n-notifika ta’ passaport. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-informazzjoni pprovduta tindika d-data tal-bidu maħsuba ta’ kull attività u mhux biss id-data tal-bidu maħsuba tal-attivitajiet prinċipali. B’mod simili, jenħtieġ li l-pjan finanzjarju li fih tbassir għall-karta tal-bilanċ u għar-rapport tal-introjtu għal perjodu ta’ tliet snin ikun jinkludi s-suppożizzjonijiet sottostanti.

    (4)

    Sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-identifikazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu fil-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u dak ospitanti jew fil-komunikazzjoni bejn l-Istat Membru ospitanti jew tad-domiċilju u l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, jenħtieġ li l-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjoni ta’ kreditu lill-awtoritajiet kompetenti tindika l-kodiċi ta’ referenza nazzjonali tal-istituzzjoni ta’ kreditu u l-identifikatur ta’ entità ġuridika, jekk disponibbli.

    (5)

    Huwa importanti li jiġi żgurat li d-depożiti jkunu sikuri u li l-informazzjoni finanzjarja li l-istituzzjoni ta’ kreditu tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tkun korretta u affidabbli. Għalhekk huwa meħtieġ li l-istituzzjoni ta’ kreditu, meta tissottometti komunikazzjoni dwar it-terminazzjoni ppjanata ta’ fergħa, tinnotifika lill-awtorità kompetenti bil-miżuri li ttieħdu jew li qed jittieħdu biex jiġi żgurat li l-fergħa ma tibqax iżżomm depożiti jew fondi ripagabbli tal-pubbliku wara t-terminazzjoni tal-operat ta’ dik il-fergħa.

    (6)

    In-notifika tal-passaport ta’ servizz jenħtieġ li tkun dettaljata biżżejjed biex jiġi żgurat li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tkun tista’ twettaq valutazzjoni preċiża u komprensiva tal-adegwatezza tal-istituzzjoni ta’ kreditu biex twettaq l-attivitajiet li għalihom tiġi sottomessa n-notifika ta’ passaport. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-informazzjoni pprovduta tindika d-data tal-bidu maħsuba ta’ kull attività u mhux biss id-data tal-bidu maħsuba tal-attivitajiet prinċipali.

    (7)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1151/2014 jiġi emendat skont dan.

    (8)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

    (9)

    L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi fir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1151/2014

    Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1151/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit minn dan li ġej:

    “(a)

    l-isem u l-indirizz tal-istituzzjoni ta’ kreditu u l-post prinċipali ta’ negozju intiż tal-fergħa;”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    fil-punt (a), il-punti (ii) u (iii) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

    “(ii)

    lista tal-attivitajiet fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE li l-istituzzjoni ta’ kreditu biħsiebha twettaq fl-Istat Membru ospitanti, inkluża d-data tal-bidu maħsuba għal kull attività, preċiża kemm jista’ jkun, u, f’każ li l-attivitajiet jintemmu, il-lista tal-attivitajiet li ntemmu;

    (iii)

    lista tal-attivitajiet li se jikkostitwixxu l-attività prinċipali fl-Istat Membru ospitanti;”

    (ii)

    fil-punt (b), il-punt (iii) huwa emendat kif ġej:

    il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “(iii)

    jekk il-fergħa tkun mistennija twettaq wieħed jew aktar mis-servizzi u l-attivitajiet ta’ investiment definiti fl-Artikolu 4(1)(2) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), deskrizzjoni tal-arranġamenti li ġejjin:

    it-tieni inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “—

    l-arranġamenti għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 24 sa 28 tad-Direttiva 2014/65/UE u l-miżuri adottati skont dawn mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru ospitanti;”;

    (iii)

    fil-punt (d), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(i)

    pjan finanzjarju li fih tbassir għall-karta tal-bilanċ u għar-rapport tal-introjtu għal perjodu ta’ tliet snin, li fih is-suppożizzjonijiet sottostanti;”;

    (2)

    fl-Artikolu 4(2), jiżdied il-punt (d) li ġej:

    “(d)

    jekk il-fergħa tieħu jew tkun ħadet depożiti u fondi ripagabbli oħra fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha, dikjarazzjoni mill-istituzzjoni ta’ kreditu li telenka l-miżuri li ttieħdu jew li qed jittieħdu biex jiġi żgurat li l-istituzzjoni ta’ kreditu ma tibqax iżżomm depożiti jew fondi ripagabbli oħra tal-pubbliku permezz tal-fergħa wara t-terminazzjoni tal-operat ta’ dik il-fergħa.”;

    (3)

    fl-Artikolu 5, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    id-data tal-bidu maħsuba, b’mod preċiż kemm jista’ jkun, għal kull attività li l-istituzzjoni ta’ kreditu beħsiebha twettaq.’.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1151/2014 tal-4 ta’ Ġunju 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-informazzjoni li trid tiġi nnotifikata meta jeżerċitaw id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ĠU L 309, 30.10.2014, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


    Top