EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0091

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/91 tal-21 ta’ Jannar 2022 li jiddefinixxi l-kriterji biex jiġi stabbilit li vapur jipproduċi kwantitajiet imnaqqsa ta’ skart u jimmaniġġja l-iskart tiegħu b’mod sostenibbli u li jirrispetta l-ambjent f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/302

ĠU L 15, 24.1.2022, p. 12–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/91/oj

24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/91

tal-21 ta’ Jannar 2022

li jiddefinixxi l-kriterji biex jiġi stabbilit li vapur jipproduċi kwantitajiet imnaqqsa ta’ skart u jimmaniġġja l-iskart tiegħu b’mod sostenibbli u li jirrispetta l-ambjent f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(5) tagħha,

Billi:

(1)

Għall-finijiet tat-tnaqqis tat-tariffi previst fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2019/883, jeħtieġ jintużaw il-kriterji fl-Anness.

(2)

Il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness jirriflettu l-isforzi essenzjali fit-tnaqqis tal-iskart. Għalhekk jeħtieġ ikunu obbligatorji.

(3)

Il-kriterji addizzjonali stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness jistgħu jiġu applikati biex jinċentivaw prattiki u tagħmir speċifiċi, li jistgħu jkunu utli wkoll għat-tnaqqis tal-iskart. Għalhekk dawk il-kriterji jeħtieġ ikunu fakultattivi.

(4)

Sabiex jiġu previsti kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tat-tnaqqis tat-tariffi stabbiliti fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva (UE) 2019/883, huwa indispensabbli li l-Istati Membri japplikaw metodoloġija armonizzata. L-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva (UE) 2019/883 jeħtieġ għalhekk jieħdu l-forma ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness għandhom jitqiesu mill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet jew mill-awtoritajiet tal-port meta jiġi kkalkulat it-tnaqqis tat-tariffa skont l-Artikolu 8(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) tad-Direttiva (UE) 2019/883.

2.   Il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness jistgħu jitqiesu mill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet jew mill-awtoritajiet tal-port meta jiġi kkalkulat it-tnaqqis tat-tariffa skont l-Artikolu 8(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) tad-Direttiva (UE) 2019/883.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116.


ANNESS

TAQSIMA 1

Lista tal-kriterji obbligatorji msemmija fl-Artikolu 1(1)

Kriterji

Elementi relatati

Anness relatat tal-Konvenzjoni MARPOL

Mezzi possibbli ta’ verifika (1)

Is-segregazzjoni abbord skont ir-Riżoluzzjoni MEPC.295(71) u l-konsenja żgurata lejn faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet li jikkonformaw mal-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva (UE) 2019/883.

Operazzjonijiet u ġestjoni

Anness V

Green Award, ISO 21070, Blue Angel, Green Marine, Waste Delivery Receipt, Pjan ta’ Ġestjoni taż-Żibel Speċifiku għall-Bastimenti approvat mis-soċjetà ta’ klassifikazzjoni tal-bastimenti, ISO 14001 Sistema tal-Ġestjoni Ambjentali.

Politiki ta’ xiri ambjentalment sostenibbli (tnaqqis ta’ materjali tal-imballaġġ bħall-ippakkjar bl-ingrossa u l-evitar ta’ plastik li jintuża darba biss)

Ġestjoni

Anness V

Green Award, ISO 21070, Blue Angel, Green Marine, Pjan ta’ Ġestjoni taż-Żibel Speċifiku għall-Bastimenti approvat mis-soċjetà ta’ klassifikazzjoni tal-bastimenti, ISO 14001 Sistema ta’ Ġestjoni Ambjentali.

TAQSIMA 2

Lista tal-kriterji fakultattivi msemmija fl-Artikolu 1(2)

Kriterji

Elementi relatati

Anness relatat tal-Konvenzjoni MARPOL

Mezzi possibbli ta’ verifika (2)

L-użu ta’ fjuwils alternattivi (3) u sorsi oħra ta’ enerġija matul il-vjaġġ lejn il-port tal-waqfa jew fl-irmiġġ (eż. l-elettriku mix-xatt, mir-riħ, mix-xemx)

Disinn, teknoloġija u operazzjoni tal-vapuri

Anness I

Il-Premju Ekoloġiku, in-noti tal-kunsinna tal-bunker, il-ktieb tar-rekords taż-żejt, iċ-ċertifikazzjoni tal-klassi jew statutorja, il-Pjan ta’ Ġestjoni tal-Effiċjenza Enerġetika tal-Bastimenti (SEEMP).

L-użu ta’ Sistema Kaxxa Bajda < 5ppm (għall-kontroll u l-monitoraġġ tal-iskariku tal-ilma tas-sentina mill-bastiment)

Teknoloġija u operazzjoni

Anness I

Ċertifikat tal-klassi, dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip

Separatur tal-ilma żejtni (OWS) < 5 ppm

Teknoloġija u operazzjoni

Anness I

Ċertifikat tal-klassi, dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip, Premju Ekoloġiku, Indiċi tat-Trasport Marittimu Nadif (CSI), Green Marine, Blue Angel

OWS < 5 ppm + sistema tal-allert u waqfa awtomatika għall-vapuri < 10 000 GT

Teknoloġija u operazzjoni

Anness I

Ċertifikat tal-klassi, dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip, Premju Ekoloġiku, CSI, Green Marine, Blue Angel

Il-vapur ma jużax tagħmir għall-iffiltrar taż-żejt għall-iskariki, iżda jissepara l-ilma tas-sentina u l-ħama kollha u sussegwentement jarmihom fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet

Funzjonament

Anness I

Ktieb tar-rekords taż-żejt, irċevuti tal-iskart

Sistema ta’ trattament tad-drenaġġ f’konformità mar-Riżoluzzjoni MEPC.227(64) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għall-bastimenti kollha, ħlief għall-vapuri tal-passiġġieri meta joperaw f’Żoni Speċjali koperti mill-Anness IV tal-Konvenzjoni MARPOL

Teknoloġija, operazzjoni u ġestjoni

Anness IV

Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE f’konformità mad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew ċertifikat tal-klassi. Barra minn hekk, verifika regolari fl-użu minn verifikatur indipendenti.

Il-bastiment ma jarmi l-ebda drenaġġ fil-baħar u jwassal id-drenaġġ kollu tiegħu mhux ittrattat u/jew trattat u/jew ħama tad-drenaġġ lill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet

Funzjonament

Anness IV

Irċevuti tal-iskart

Użu mill-ġdid u riċiklaġġ abbord

Operazzjonijiet u ġestjoni

Anness V

ISO 21070, Green Marine, ISO 14001 Sistema tal-Ġestjoni Ambjentali.


(1)  Jistgħu jiġu aċċettati skemi addizzjonali li permezz tagħhom il-vapuri jistgħu juru li huma konformi mal-kriterji.

(2)  Jistgħu jiġu aċċettati skemi addizzjonali li permezz tagħhom il-vapuri jistgħu juru li huma konformi mal-kriterji.

(3)  Kif definit fid-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1)

(4)  Id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146).


Top