Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0054

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/54 tal-21 ta’ Ottubru 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/692 fir-rigward ta’ rekwiżiti addizzjonali għad-dħul fl-Unjoni ta’ ċerti ungulati li joriġinaw mill-Unjoni, li jinġarru lejn pajjiż terz jew territorju biex jipparteċipaw f’avvenimenti, f’eżibizzjonijiet, f’wirjiet u f’shows u mbagħad jinġarru lura lejn l-Unjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/7461

    ĠU L 10, 17.1.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/54/oj

    17.1.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 10/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/54

    tal-21 ta’ Ottubru 2021

    li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/692 fir-rigward ta’ rekwiżiti addizzjonali għad-dħul fl-Unjoni ta’ ċerti ungulati li joriġinaw mill-Unjoni, li jinġarru lejn pajjiż terz jew territorju biex jipparteċipaw f’avvenimenti, f’eżibizzjonijiet, f’wirjiet u f’shows u mbagħad jinġarru lura lejn l-Unjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 239(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jistabbilixxi, inter alia, ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma. B’mod iktar partikolari, il-Parti VI ta’ dak ir-Regolament Delegat tistabbilixxi regoli speċjali għad-dħul fl-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet li joriġinaw mill-Unjoni u li jirritornaw lejn l-Unjoni. Attwalment, l-Artikolu 177 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 jinkludi biss regoli speċjali li għandhom jkunu konformi magħhom iż-żwiemel irreġistrati li joriġinaw mill-Unjoni u li jirritornaw lejha wara esportazzjoni temporanja lejn pajjiż terz jew lejn territorju jew żona tiegħu biex jipparteċipaw f’xi kompetizzjonijiet, f’xi tlielaq jew f’xi avvenimenti kulturali ekwestri.

    (2)

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom f’avvenimenti, f’eżibizzjonijiet, f’wirjiet u f’shows (“avvenimenti”) li jsiru barra mill-Unjoni, jeħtieġ li tiġi prevista deroga minn ċerti rekwiżiti ġenerali tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 għal konsenji ta’ ungulati li joriġinaw mill-Unjoni, jinġarru lejn pajjiż terz jew territorju jew żona tiegħu biex jipparteċipaw f’avvenimenti u mbagħad jinġarru lura lejn l-Unjoni minnufih. Madankollu, biex jiġu minimizzati r-riskji għas-saħħa tal-annimali u filwaqt li titqies is-sitwazzjoni attwali tas-saħħa tal-annimali fir-rigward ta’ ċertu mard li jaffettwa l-annimali porċini u l-pollam, jenħtieġ li dik id-deroga tkun limitata għal ċerti speċijiet ta’ ungulati, jiġifieri għall-annimali bovini, ovini u kaprini (“deroga għall-ungulati”). Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 177 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 jiġi emendat biex jinkludi d-deroga għall-ungulati.

    (3)

    Ir-regoli speċjali għad-deroga għall-ungulati jenħtieġ li jqisu r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-annimali li jistgħu jirriżultaw minn dawk it-tipi ta’ moviment għall-avvenimenti, u jenħtieġ li jkunu proporzjonati mar-riskji għas-saħħa tal-annimali involuti. Għaldaqstant jenħtieġ li dawn ir-regoli speċjali jkunu rigorużi biżżejjed biex jiżguraw li l-annimali li jipparteċipaw fl-avvenimenti ma jiġux f’kuntatt ma’ annimali bi status tas-saħħa inferjuri li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti kollha tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni.

    (4)

    Barra minn hekk, minħabba s-similarità tal-operazzjonijiet imwettqa fl-avvenimenti mal-operazzjonijiet imwettqa fiċ-ċentri ta’ ġbir f’daqqa, jixraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti ekwivalenti għal dawk li huma applikabbli għaċ-ċentri ta’ ġbir f’daqqa fil-pajjiżi terzi jew fit-territorji, li huma stabbiliti fl-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692, u li huma bbażati fuq ir-rekwiżiti applikabbli fl-Unjoni stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (3).

    (5)

    Minbarra dawk il-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni tar-riskju, jeħtieġ ukoll li jiġi ristrett il-perjodu li matulu l-annimali jkunu esposti għar-riskji potenzjali għas-saħħa tal-annimali minħabba dawk it-tipi ta’ movimenti biex jipparteċipaw fl-avvenimenti, u ż-żmien li jdumu barra mit-territorju tal-Unjoni.

    (6)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 177 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 177 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 huwa emendat kif ġej:

    1.

    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 177

    Rekwiżiti addizzjonali għad-dħul fl-Unjoni ta’ ċerti ungulati li joriġinaw mill-Unjoni, li jinġarru lejn pajjiż terz jew territorju jew żona tiegħu biex jipparteċipaw f’avvenimenti, f’eżibizzjonijiet, f’wirjiet u f’shows u li mbagħad jinġarru lura lejn l-Unjoni”

    2.

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   B’deroga mill-Artikolu 11, il-konsenji ta’ annimali bovini, ovini u kaprini li joriġinaw mill-Unjoni u li jiġu mċaqilqa għal perjodu ta’ mhux iktar minn 15-il jum lejn pajjiż terz jew territorju jew żona tiegħu biex jipparteċipaw f’avvenimenti, f’eżibizzjonijiet, f’wirjiet jew f’shows (“l-avveniment”), għandhom jitħallew jidħlu fl-Unjoni minn dak il-pajjiż terz jew territorju diment li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-pajjiż terz jew it-territorju jew iż-żona tiegħu fejn iseħħ l-avveniment huma elenkati għad-dħul fl-Unjoni tal-ispeċi speċifika ta’ annimali;

    (b)

    l-istabbiliment fejn iseħħ l-avveniment:

    (i)

    jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli għall-istabbilimenti li jwettqu operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ ungulati stabbiliti fl-Artikolu 20(2)(b);

    (ii)

    mal-wasla tal-konsenja fl-istabbiliment u għat-tul kollu tal-avveniment, iżomm biss annimali bovini, ovini jew kaprini li jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti kollha stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni għad-dħul fl-Unjoni ta’ tali annimali;

    (c)

    id-dispaċċ tal-konsenja ta’ annimali mill-Unjoni lejn l-istabbiliment imsemmi fil-punt (b) u minn dak l-istabbiliment lejn l-Unjoni jitwettaq f’mezzi tat-trasport li jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali rigward il-mezzi tat-trasport tal-annimali terrestri stabbiliti fl-Artikolu 17 u mingħajr ma jinħattu f’xi pajjiż terz ieħor jew f’xi territorju jew żona tiegħu;

    (d)

    l-annimali tal-konsenja ma kellhom l-ebda kuntatt ma’ annimali oħra bi status tas-saħħa inferjuri mill-mument tat-tagħbija għad-dispaċċ mill-Unjoni lejn l-istabbiliment imsemmi fil-punt (b) u għat-tul kollu tal-avveniment sal-wasla tagħhom lura fl-Unjoni.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).


    Top