EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022L0276

Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/276 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-fini ta’ adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda għal finijiet ta’ tidwil ġenerali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/8962

ĠU L 43, 24.2.2022, p. 32–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2022/276/oj

24.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/32


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/276

tat-13 ta’ Diċembru 2021

li temenda, għall-fini ta’ adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda għal finijiet ta’ tidwil ġenerali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(b) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III tad-Direttiva.

(2)

Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Il-merkurju hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 2010/571/UE (2), il-Kummissjoni tat, fost affarijiet oħra, eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda għal tidwil ġenerali (“l-eżenzjoni”), li issa hija elenkata bħala l-eżenzjoni 1(a), 1(b), 1(c), 1(d) u 1(e) fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. L-eżenzjoni kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2016, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ dik id-Direttiva.

(5)

Il-merkurju jintuża fil-lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda sabiex jiġi prodott dawl ultravjola, li mbagħad jiġi kkonvertit f’dawl viżibbli mill-kisi fluworexxenti fuq il-bozza tal-lampa.

(6)

Fid-19 ta’ Diċembru 2014 u fil-15 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni rċeviet żewġ applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-eżenzjoni (“l-applikazzjonijiet għat-tiġdid”), jiġifieri fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, u waħda minnhom ġiet aġġornata b’applikazzjoni mġedda fl-20 ta’ Jannar 2020. F’konformità mat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, l-eżenzjoni tibqa’ valida sa meta tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid.

(7)

L-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid, li qieset id-disponibbiltà tas-sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni, ikkonkludiet li s-sostituti ħielsa mill-merkurju li huma affidabbli biżżejjed għat-tipi ta’ lampi koperti mill-eżenzjoni diġà saru disponibbli b’mod mifrux u li s-sostituzzjoni tal-merkurju f’dawn il-lampi hija prattikabbli xjentifikament u teknikament. Barra minn hekk, dik l-evalwazzjoni kkonkludiet li huwa ċar li l-benefiċċji tas-sostituzzjoni se jikkumpensaw għal kwalunkwe impatt negattiv.

(8)

L-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kummenti li waslu matul dawk il-konsultazzjonijiet saru disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta.

(9)

Ladarba l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/65/UE ma għadhomx issodisfati iktar, l-applikazzjoni għat-tiġdid jenħtieġ li tiġi rrifjutata.

(10)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita data tal-iskadenza għall-eżenzjoni f’konformità mal-Artikolu 5(6) ta’ dik id-Direttiva. Jenħtieġ li tiġi stabbilita l-iktar data bikrija possibbli ta’ 12-il xahar mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrevoka l-eżenzjoni minħabba li ma hemm l-ebda ċirkostanza prattika li tiġġustifika żmien itwal ta’ skadenza, b’mod partikolari meta wieħed iqis li ħafna mil-lampi inkwistjoni huma koperti wkoll bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2020 li jistabbilixxi rekwiżiti minimi tal-effiċjenza enerġetika li għandhom jiġu rrispettati sabiex il-prodotti jitqiegħdu fis-suq, li se jimplika li dawk il-lampi de facto mhumiex se jitqiegħdu fis-suq mill-1 ta’ Settembru 2021.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2022 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Ottubru 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/571/UE tal-24 ta’ Settembru 2010 li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet li jkun fihom iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibrominati u l-eteri tad-difenil polibrominati (ĠU L 251, 25.9.2010, p. 28).


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, l-entrati 1, 1(a), 1(b), 1(c), 1(d) u 1(e) huma sostitwiti b’dan li ġej:

Eżenzjoni

Kamp ta’ applikazzjoni u dati tal-applikabbiltà

“1.

Il-merkurju fil-lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda li ma jaqbżux (għal kull burner):

 

1(a)

Għal finijiet ta’ tidwil ġenerali < 30 W: 2,5 mg

Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2023

1(b)

Għal finijiet ta’ tidwil ġenerali ≥ 30 W u < 50 W: 3,5 mg

Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2023

1(c)

Għal finijiet ta’ tidwil ġenerali ≥ 50 W u < 150 W: 5 mg

Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2023

1(d)

Għal finijiet ta’ tidwil ġenerali < 150 W: 15 mg

Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2023

1(e)

Għal finijiet ta’ tidwil ġenerali, b’għamla strutturali ċirkolari jew kwadra u b’dijametru tat-tubu ta’ ≤ 17 mm: 5 mg

Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2023”


Top