Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022L0275

    Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/275 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi oħra tas-Sodju (gass) taħt Pressjoni Għolja għal finijiet ta’ tidwil ġenerali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/8952

    ĠU L 43, 24.2.2022, p. 29–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2022/275/oj

    24.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 43/29


    DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/275

    tat-13 ta’ Diċembru 2021

    li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi oħra tas-Sodju (gass) taħt Pressjoni Għolja għal finijiet ta’ tidwil ġenerali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

    (2)

    Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

    (3)

    Il-merkurju hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

    (4)

    Permezz tad-Deċiżjoni 2010/571/UE (2), il-Kummissjoni tat, fost affarijiet oħra, eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi oħra tas-Sodju (gass) ta’ Pressjoni Għolja għal finijiet ta’ tidwil ġenerali (“l-eżenzjoni”), li issa hija elenkata bħala l-eżenzjoni 4(c)–I, 4(c)–II u 4(c)–III fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. L-eżenzjoni kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2016, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ dik id-Direttiva.

    (5)

    Il-merkurju jintuża f’lampi tas-Sodju (gass) ta’ Pressjoni Għolja għall-proprjetajiet tal-kulur tad-dawl u tal-għoti tal-kulur.

    (6)

    Fil-15 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid tal-eżenzjoni (“l-applikazzjoni għat-tiġdid”), jiġifieri fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, li ġiet aġġornata b’informazzjoni addizzjonali fl-20 ta’ Jannar 2020. F’konformità mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, l-eżenzjoni tibqa’ valida sa meta tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid.

    (7)

    L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid, li qieset id-disponibbiltà tas-sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni, ikkonkludiet li attwalment is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni tal-merkurju fl-applikazzjonijiet ikkonċernati mhix prattikabbli teknikament. L-evalwazzjoni kkonkludiet ukoll li l-kontenut ta’ merkurju permess f’dawk l-applikazzjonijiet speċifiċi jenħtieġ li jitnaqqas biex jikkorrispondi mal-bidliet fis-suq għat-tipi speċifiċi ta’ lampi. L-evalwazzjoni kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kummenti li waslu matul dawk il-konsultazzjonijiet saru disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta.

    (8)

    L-eżenzjoni hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa mogħtija minnu.

    (9)

    Għalhekk jixraq li t-tiġdid tal-eżenzjoni jingħata fir-rigward tal-entrati 4(c)–I, 4(c)–II u 4(c)–III fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE għal perjodu massimu ta’ ħames snin, peress li attwalment ma hemm l-ebda sostitut affidabbli disponibbli, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ dik id-Direttiva. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi kontinwi biex tinstab sostituzzjoni affidabbli, x’aktarx li t-tul ta’ żmien tal-eżenzjoni mhux se jkollu impatti avversi fuq l-innovazzjoni.

    (10)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2022 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Ottubru 2022.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/571/UE tal-24 ta’ Settembru 2010 li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet li jkun fihom iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibrominati u l-eteri tad-difenil polibrominati (ĠU L 251, 25.9.2010, p. 28).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


    ANNESS

    Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, l-entrati 4(c), 4(c)–I, 4(c)–II u 4(c)–III huma sostitwiti b’dan li ġej:

    Eżenzjoni

    Kamp ta’ applikazzjoni u dati tal-applikabbiltà

    “4(c)

    Il-merkurju f’lampi oħra tas-Sodju (gass) taħt Pressjoni Għolja għal finijiet ta’ tidwil ġenerali li ma jaqbiżx (għal kull burner):

     

    4(c)–I

    P ≤ 155 W: 20 mg

    Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2027

    4(c)–II

    155 W < P ≤ 405 W: 25 mg

    Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2027

    4(c)–III

    P > 405 W: 25 mg

    Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2027”


    Top