Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022L0274

Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/274 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti b’katodu kiesaħ u f’lampi fluworexxenti bl-elettrodi esterni għal finijiet speċjali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/8959

ĠU L 43, 24.2.2022, p. 25–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2022/274/oj

24.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/25


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/274

tat-13 ta’ Diċembru 2021

li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti b’katodu kiesaħ u f’lampi fluworexxenti bl-elettrodi esterni għal finijiet speċjali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Il-merkurju hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 2010/571/UE (2), il-Kummissjoni tat, fost affarijiet oħra, eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti b’katodu kiesaħ u f’lampi fluworexxenti bl-elettrodi esterni (CCFL u EEFL) għal finijiet speċjali (“l-eżenzjoni”), li issa hija elenkata bħala l-eżenzjoni 3(a), 3(b) u 3(c) fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. L-eżenzjoni kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2016, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ dik id-Direttiva.

(5)

L-eżenzjoni tkopri grupp eteroġenju ta’ lampi b’għamliet, teknoloġiji, applikazzjonijiet u finijiet differenti. Il-merkurju jintuża fit-tubu bi skarika, li huwa essenzjali biex l-enerġija elettrika tiġi kkonvertita f’dawl.

(6)

Fil-15 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid tal-eżenzjoni (“l-applikazzjoni għat-tiġdid”), jiġifieri fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, li ġiet segwita f’Jannar 2020 b’applikazzjoni għat-tiġdid addizzjonali mill-istess applikanti. F’konformità mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, l-eżenzjoni tibqa’ valida sa meta tiġi adottata deċiżjoni dwar it-talba għat-tiġdid.

(7)

L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid, li qieset id-disponibbiltà tas-sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni, ikkonkludiet li attwalment is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni tal-merkurju fl-applikazzjonijiet ikkonċernati mhix prattikabbli teknikament. Madankollu, dik l-evalwazzjoni enfasizzat li sostituti ħielsa mill-merkurju fil-forma ta’ lampi li jemettu d-dawl (LED) huma disponibbli, u li qed jintużaw bħala sorsi ta’ tidwil f’tagħmir ġdid li jiddaħħal fis-suq. L-evalwazzjoni kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kummenti li waslu matul dawk il-konsultazzjonijiet saru disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta.

(8)

L-eżenzjoni hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa mogħtija minnu.

(9)

Għalkemm f’ħafna applikazzjonijiet, is-CCFL u l-EEFL ġew sostitwiti b’sostituti ħielsa mill-merkurju; xi applikazzjonijiet xorta jeħtieġu li dawn il-lampi jiżguraw il-funzjonalità tagħhom u jevitaw ġenerazzjoni prematura ta’ skart elettriku u elettroniku.

(10)

Għalhekk jixraq li jingħata t-tiġdid tal-eżenzjoni għal perjodu ta’ tliet snin, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE, għal dawk il-lampi biss li jintużaw fit-tagħmir elettriku u elettroniku li ddaħħal fis-suq qabel l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva. F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE, it-tul ta’ żmien tal-eżenzjoni x’aktarx li ma jkollux impatti avversi fuq l-innovazzjoni.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Ottubru 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/571/UE tal-24 ta’ Settembru 2010 li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet li jkun fihom iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibrominati u l-eteri tad-difenil polibrominati (ĠU L 251, 25.9.2010, p. 28).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, l-entrati 3, 3(a), 3(b) u 3(c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

Eżenzjoni

Kamp ta’ applikazzjoni u dati tal-applikabbiltà

“3

Il-merkurju f’lampi fluworexxenti b’katodu kiesaħ u f’lampi fluworexxenti bl-elettrodi esterni (CCFL u EEFL) għal finijiet speċjali użati f’EEE mqiegħed fis-suq qabel l-24 ta’ Frar 2022 li ma jaqbżux (għal kull lampa):

 

3(a)

Tul qasir (≤ 500 mm): 3,5 mg

Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2025

3(b)

Tul medju (>500 mm u ≤1 500 mm): 5 mg

Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2025

3(c)

Tul twil (> 1 500 mm): 13 mg

Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2025”


Top