EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022H0553
Commission Recommendation (EU) 2022/553 of 5 April 2022 on monitoring the presence of Alternaria toxins in food
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/553 tal-5 ta’ April 2022 dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tat-tossini tal-Alternaria fl-ikel
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/553 tal-5 ta’ April 2022 dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tat-tossini tal-Alternaria fl-ikel
C/2022/2020
ĠU L 107, 6.4.2022, p. 90–92
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.4.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 107/90 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/553
tal-5 ta’ April 2022
dwar il-monitoraġġ tal-preżenza tat-tossini tal-Alternaria fl-ikel
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fl-2011, il-Bord tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) adotta opinjoni xjentifika dwar ir-riskji li l-preżenza tal-Alternaria fl-ikel toħloq għas-saħħa tal-annimali u dik pubblika (1). |
(2) |
Aktar reċentement l-EFSA ppubblikat ukoll rapport xjentifiku dwar il-valutazzjoni ta’ esponiment djetetiku tat-tossini tal-Alternaria fil-popolazzjoni Ewropea (2). Hija kkonkludiet li l-esponiment kroniku stmat għad-dieta tat-tossini tal-Alternaria alternarjol, tal-alternarjol monometiletere u tal-aċidu tenważoniku jaqbżu l-limitu rilevanti ta’ tħassib tossikoloġiku, li jindika ħtieġa għal data addizzjonali dwar it-tossiċità speċifika għall-kompost. |
(3) |
L-EFSA rrakkomandat li għandha tinġabar aktar data dwar l-okkorrenza tal-preżenza tat-tossini tal-Alternaria fil-prodotti tal-ikel rilevanti (frott u prodotti mill-frott, tadam u prodotti bbażati fuq it-tadam, u ikel abbażi ta’ ċereali għat-trabi u għat-tfal żgħar, fost l-oħrajn). L-EFSA rrakkomandat ukoll li jintużaw metodi analitiċi aktar sensittivi sabiex titnaqqas l-inċertezza dwar l-esponiment għal diversi tossini tal-Alternaria minħabba l-proporzjon għoli tad-data rrapportata bħala “taħt il-limitu ta’ kwantifikazzjoni (LOQ)” fis-sett tad-data disponibbli bħalissa peress li l-metodi analitiċi użati mhux dejjem kienu sensittivi biżżejjed. |
(4) |
Prattiki agrikoli tajbin, kundizzjonijiet tajba ta’ ħżin u ta’ trasport u prattiki tajba ta’ manifattura jistgħu jnaqqsu jew jipprevjenu l-preżenza tat-tossini tal-Alternaria fl-ikel. Madankollu, għandha tinġabar aktar informazzjoni dwar il-fatturi li jwasslu għal livelli relattivament għoljin tat-tossini tal-Alternaria f’ċerti prodotti tal-ikel sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-miżuri li jridu jittieħdu biex tiġi evitata jew imnaqqsa l-preżenza ta’ dawn it-tossini tal-Alternaria f’dawn il-prodotti tal-ikel. |
(5) |
Sabiex tingħata orjentazzjoni dwar meta jkun xieraq li jiġu identifikati l-fatturi li jwasslu għal livelli relattivament għoljin jew saħansitra livelli sinifikanti tat-tossini tal-Alternaria fil-prodotti tal-ikel, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti valuri indikattivi għall-ikel abbażi tad-data disponibbli fil-bażi tad-data tal-EFSA. Livelli indikattivi ġew stabbiliti biss għall-prodotti tal-ikel li għalihom hemm biżżejjed data ta’ okkorrenza disponibbli. |
(6) |
Għalhekk huwa xieraq li jiġi rakkomandat il-monitoraġġ tat-tossini tal-Alternaria fl-ikel u l-identifikazzjoni tal-fatturi li jirriżultaw fil-livelli għoljin tagħhom f’ċertu ikel. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
(1) |
L-Istati Membri, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-operaturi ta’ negozju tal-ikel, għandhom jimmonitorjaw it-tossini tal-Alternaria alternarjol, tal-alternarjol monometiletere u tal-aċidu tenważoniku fl-ikel, b’mod partikolari fil-prodotti tat-tadam ipproċessat, it-trab tal-paprika, il-ġunġlien, iż-żerriegħa tal-ġirasol, iż-żejt taż-żerriegħa tal-ġirasol, il-ġewż tas-siġar, it-tin imqadded u l-ikel abbażi ta’ ċereali għat-trabi u għat-tfal żgħar. Jekk ikun possibbli, għandhom jiġu analizzati wkoll it-tossini l-oħra tal-Alternaria u r-riżultati għandhom jiġu rrappurtati lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. |
(2) |
Sabiex jiġi żgurat li l-kampjuni jkunu rappreżentattivi, l-Istati Membri għandhom isegwu l-proċeduri rilevanti ta’ teħid ta’ kampjuni stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 (3). Għall-prodotti tat-tadam ipproċessat, il-proċedura tat-teħid tal-kampjuni għandha titwettaq f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-Parti H (prodotti likwidi) jew fil-Parti I (prodotti solidi) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 401/2006. Meta l-proċedura tat-teħid tal-kampjuni applikata mill-operatur tan-negozju tal-ikel tiddevja mill-proċedura stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 401/2006, din għandha tibqa’ rappreżentattiva tal-lott. |
(3) |
Għad-determinazzjoni tal-alternarjol u tal-alternarjol monometiletere, l-LOQ ma għandux ikun ogħla minn 2 μg/kg f’ikel abbażi ta’ ċereali għat-trabi u għat-tfal żgħar u ogħla minn 4 μg/kg f’ikel ieħor, u għad-determinazzjoni tal-aċidu tenważoniku, l-LOQ ma għandux ikun ogħla minn 20 μg/kg fl-ikel kollu. |
(4) |
L-Istati Membri, bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozju tal-ikel, għandhom iwettqu investigazzjonijiet biex jidentifikaw il-fatturi li jirriżultaw f’dawn il-livelli ’l fuq mil-livelli indikattivi u dwar l-effetti tal-ipproċessar fuq il-livell ta’ dawn it-tossini tal-Alternaria, previsti fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. |
(5) |
L-Istati Membri u l-operaturi tan-negozji tal-ikel għandhom jipprovdu lill-EFSA, sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, id-data għas-sena ta’ qabel għall-kompilazzjoni f’bażi tad-data waħda f’konformità mar-rekwiżiti tal-Gwida tal-EFSA dwar id-Deskrizzjoni Standard tal-Kampjuni (SSD) għall-Ikel u l-Għalf u r-rekwiżiti addizzjonali speċifiċi ta’ rappurtar tal-EFSA (4). |
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ April 2022.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) Il-Bord tal-EFSA dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM); Scientific Opinion on the risks for animal and public health related to the presence of Alternaria toxins in feed and food. EFSA Journal 2011;9(10):2407. [97 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2011.2407. Disponibbli: www.efsa.europa.eu/efsajournal
(2) EFSA, Arcella D, Eskola M and Gómez Ruiz JA, 2016. Scientific report on the dietary exposure assessment to Alternaria toxins in the European population. EFSA Journal 2016;14(12):4654, 32 pp. doi:10.2903/j.efsa.2016.4654.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 tat-23 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta’ kampjuni u l-metodi ta’ analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ mikotossini fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 70, 9.3.2006, p. 12).
(4) https://www.efsa.europa.eu/en/call/call-continuous-collection-chemical-contaminants-occurrence-data-0
ANNESS
Il-livell indikattiv għall-alternarjol, għall-alternarjol monometiletere u għall-aċidu tenważoniku f’ċertu ikel, abbażi tad-data disponibbli fil-bażi tad-data tal-EFSA, apparti dan għandhom jitwettqu investigazzjonijiet, dwar il-fatturi li jwasslu għall-preżenza tat-tossini tal-Alternaria jew fuq l-effett tal-ipproċessar tal-ikel. Il-livelli indikattivi mhumiex il-livelli tas-sikurezza alimentari.
Ikel |
Alternarjol (AOH) (μg/kg) |
Alternarjol monometiletere (AME) (μg/kg) |
Aċidu tenważoniku (TeA) (μg/kg) |
Prodotti tat-tadam ipproċessat |
10 |
5 |
500 |
Trab tal-paprika |
- |
- |
10 000 |
Ġulġlien |
30 |
30 |
100 |
Żerriegħa tal-ġirasol |
30 |
30 |
1 000 |
Żejt taż-żerriegħa tal-ġirasol |
10 |
10 |
100 |
Ġewż tas-siġar |
- |
- |
100 |
Tin imqadded |
- |
- |
1 000 |
Ikel abbażi ta’ ċereali għat-trabi u għat-tfal żgħar |
2 |
2 |
500 |