This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D2572
Council Decision (EU) 2022/2572 of 19 December 2022 requesting the Commission to submit a study complementing the impact assessment of the proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on the sustainable use of plant protection products and amending Regulation (EU) 2021/2115 of the European Parliament and of the Council, and to propose follow-up actions, if appropriate in view of the outcomes of the study
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2572 tad-19 ta’ Diċembru 2022 li titlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta studju li jikkomplementa l-valutazzjoni tal-impatt tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u biex tipproponi azzjonijiet ta’ segwitu, jekk ikun xieraq fid-dawl tar-riżultati tal-istudju
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2572 tad-19 ta’ Diċembru 2022 li titlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta studju li jikkomplementa l-valutazzjoni tal-impatt tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u biex tipproponi azzjonijiet ta’ segwitu, jekk ikun xieraq fid-dawl tar-riżultati tal-istudju
ST/15652/2022/INIT
ĠU L 331, 27.12.2022, pp. 6–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
27.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 331/6 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2572
tad-19 ta’ Diċembru 2022
li titlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta studju li jikkomplementa l-valutazzjoni tal-impatt tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u biex tipproponi azzjonijiet ta’ segwitu, jekk ikun xieraq fid-dawl tar-riżultati tal-istudju
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 241 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt tad-19 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill ħa nota tal-miri għat-tnaqqis tal-pestiċidi msemmija fl-Istrateġija u enfasizza l-ħtieġa għal sforz mill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati kollha u għal kooperazzjoni, konsultazzjoni u kollaborazzjoni intensivi sabiex tintlaħaq dik il-mira. |
|
(2) |
Il-Kunsill laqa’ bi pjaċir ukoll l-objettiv tal-Kummissjoni li jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq l-ambjent, pereżempju bl-appoġġ għall-iżvilupp ta’ approċċi aktar komprensivi għall-protezzjoni tal-pjanti bbażati fuq il-prinċipji tal-ġestjoni integrata tal-pesti u enfasizza f’dan ir-rigward l-importanza li jiġu żgurati miżuri ta’ ġestjoni integrata tal-pesti li jkunu adegwati u xjentifikament validi u l-promozzjoni tal-użu ta’ prodotti u metodi alternattivi sostenibbli għall-protezzjoni tal-pjanti. |
|
(3) |
Barra minn hekk, fakkar fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (1) u appella lill-Kummissjoni biex tibbaża proposti leġiżlattivi fuq valutazzjonijiet tal-impatt bir-reqqa. Huwa qies li kien meħtieġ li jiġu żgurati l-konsistenza u l-koerenza bejn il-miżuri previsti mill-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u l-politiki u l-istrateġiji relatati tal-Unjoni. Il-Kunsill enfasizza wkoll li, fir-rigward tat-twettiq tal-objettivi u l-miżuri proposti fl-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt, jeħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa lid-dimensjoni ekonomika kif ukoll id-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tas-sistemi tal-ikel sostenibbli, inkluż fir-rigward tal-kompetittività tas-settur tal-agrikoltura u s-setturi relatati tal-Unjoni. |
|
(4) |
Fit-22 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal Regolament dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Il-proposta għandha l-għan li tipprovdi approċċ ambizzjuż biex jiġi indirizzat it-tħassib li qed jikber fis-soċjetà dwar l-użu u r-riskju tal-pestiċidi u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Tinkludi dispożizzjonijiet ġodda dwar l-użu tal-pestiċidi, tekniki alternattivi mhux kimiċi għall-kontroll tal-pesti u ġestjoni integrata tal-pesti. Il-proposta tintroduċi miri legalment vinkolanti tal-Unjoni għal tnaqqis ta’ 50 % fl-użu u r-riskju tal-pestiċidi, filwaqt li tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu miri nazzjonali ta’ tnaqqis biex tintlaħaq din il-mira ġenerali. Dawk il-miri nazzjonali ma jistgħux jiddevjaw mill-miri tal-Unjoni ta’ 50 % ħlief fil-parametri ta’ formula vinkolanti. |
|
(5) |
Il-Kunsill huwa mħasseb li l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta ma tqisx l-impatti possibbli fit-tul tar-Regolament propost fuq is-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni. Il-fatt li l-valutazzjoni tal-impatt ġiet konkluża qabel il-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżijiet tal-enerġija, tal-fertilizzanti u tal-prezzijiet tal-ikel, ikompli jivvalida dak it-tħassib. Għalhekk, il-Kunsill iqis li jeħtieġ titwettaq analiżi kwantitattiva addizzjonali ta’ għadd ta’ indikaturi sabiex jiġi ddeterminat jekk hux meħtieġ li l-valutazzjoni tal-effetti ekonomiċi u soċjali tal-proposta tiġi aġġustata. B’mod partikolari, il-Kunsill iqis li għandha titwettaq analiżi addizzjonali li tirrifletti l-produzzjoni agrikola tal-Unjoni, it-tnaqqis mistenni fir-rendimenti fl-Unjoni li jirriżulta mit-tnaqqis u r-restrizzjoni fl-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u d-dipendenza potenzjali fuq l-importazzjoni tal-ikel u tal-għalf. Il-Kunsill iqis ukoll li tkun meħtieġa analiżi aktar fil-fond tas-sitwazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u tal-profittabbiltà tul il-katina tal-provvista tagħhom. |
|
(6) |
Il-Kunsill jieħu nota tad-dokument informali tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni dwar żoni sensittivi fil-proposta għal regolament dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (SUR) tal-15 ta’ Novembru 2022 u s-suġġeriment tiegħu li jitnaqqas id-daqs ta’ dawk iż-żoni biex tiġi żgurata l-fattibbiltà ta’ projbizzjoni jew projbizzjoni parzjali fuq l-użu ta’ prodotti kimiċi għall-protezzjoni tal-pjanti f’dawk iż-żoni, u b’mod partikolari s-suġġeriment li jiġu esklużi ż-żoni sensittivi għan-nitrati mid-definizzjoni ta’ żoni sensittivi. Madankollu, il-Kunsill hu tal-opinjoni li għad hemm bżonn ta’ aktar data u analiżi tal-impatt ta’ miżuri bħal dawn fiż-żoni li jistgħu jitqiesu sensittivi kif ukoll fiż-żoni forestali. |
|
(7) |
Fid-dawl ta’ dan kollu, filwaqt li jixtieq li jkompli l-eżami ta’ diversi aspetti tekniċi tal-proposta mingħajr dewmien żejjed, il-Kunsill iqis li huwa meħtieġ studju sabiex jikkomplementa l-valutazzjoni tal-impatt eżistenti tal-proposta, f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, speċjalment il-paragrafi 12, 13 u 16 tiegħu kif ukoll il-paragrafu 10 tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 241 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kunsill jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta, mill-aktar fis possibbli biex jiġi ffaċilitat il-proċess leġiżlattiv li għaddej, iżda mhux aktar tard mit-28 ta’ Ġunju 2023, studju li jikkomplementa l-valutazzjoni tal-impatt eżistenti tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115 dwar l-aspetti li ġejjin:
|
(a) |
l-impatti kwantitattivi tal-proposta tal-Kummissjoni fuq il-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni, b’mod partikolari billi jiġi kkwantifikat l-impatt fuq ir-rendimenti agrikoli għat-tip ewlieni ta’ għelejjel u prodotti tal-pjanti rilevanti individwalment, filwaqt li jitqiesu, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-miri nazzjonali għat-tnaqqis, il-kundizzjonijiet speċifiċi fl-Istati Membri, inklużi reġjuni klimatiċi differenti; |
|
(b) |
l-analiżi tal-konsegwenzi tal-proposta tal-Kummissjoni fuq id-disponibbiltà tal-ikel u l-għalf fl-Unjoni, ivvalutati abbażi tat-tipi ewlenin ta’ prodotti bażiċi tal-ikel u tal-għalf, u tal-possibbiltà ta’ dipendenza akbar fuq l-importazzjoni tal-ikel u tal-għalf għat-tipi ewlenin ta’ għelejjel u l-impatt fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti tal-ikel u tal-għalf mill-Unjoni; |
|
(c) |
l-impatt potenzjali fuq il-prezzijiet tal-ikel u tal-għalf b’mod ġenerali u b’mod partikolari għall-prodotti tal-ikel bażiċi b’rabta mal-impatti msemmija fil-punt (a); |
|
(d) |
l-impatti kkwantifikati ta’ piż amministrattiv akbar fuq il-kompetittività u l-profittabbiltà tal-azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju; |
|
(e) |
id-disponibbiltà ta’ alternattivi għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u r-riskju potenzjali akbar ta’ introduzzjoni u tixrid ta’ organiżmi ta’ ħsara fl-Unjoni minħabba d-disponibbiltà limitata ta’ mezzi alternattivi biex jittaffa dak ir-riskju; |
|
(f) |
kwantifikazzjoni tal-impatt tal-projbizzjoni fuq l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fiż-żoni sensittivi kif definiti fl-Artikolu 3(16) tal-proposta, speċjalment fiż-żoni użati mill-pubbliku ġenerali u fl-insedjamenti umani; |
|
(g) |
kwantifikazzjoni tal-impatti tar-restrizzjoni proposta fir-rigward tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq stands tal-foresti u l-bijodiversità li tiddependi mill-foresti; |
2. Il-Kunsill jitlob li l-Kummissjoni tipproponi kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu ġġustifikata mir-riżultat tal-istudju.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J. SÍKELA
(1) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).