EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2417

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2417 tal-5 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq

ST/11052/2022/INIT

ĠU L 318, 12.12.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 12/12/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2417/oj

Related international agreement

12.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 318/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2417

tas-26 ta’ Lulju 2022

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1165 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (il-‘Ftehim’) ġie ffirmat fid-29 ta’ Ġunju 2022, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)

Fid-dawl tat-tfixkil importanti fis-settur tat-trasport fir-Repubblika tal-Moldova kkawżat mill-gwerra tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, huwa neċessarju li l-operaturi mir-Repubblika tal-Moldova jsibu rotot alternattivi ta’ tranżitu bit-triq mill-Unjoni Ewropea u jsibu swieq ġodda biex jesportaw il-merkanzija tagħhom.

(3)

Peress li l-permessi mogħtija fil-qafas tas-sistema multilaterali tal-kwoti tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport fil-Forum Internazzjonali tat-Trasport u l-ftehimiet bilaterali eżistenti mar-Repubblika tal-Moldova ma jippermettux il-flessibbiltà meħtieġa għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq mir-Repubblika tal-Moldova biex jippjanaw bil-quddiem u jżidu l-operazzjonijiet tagħhom mill-Unjoni u mal-Unjoni, hu kruċjali li t-trasport tal-merkanzija bit-triq jiġi liberalizzat għall-operazzjonijiet bilaterali u għat-tranżitu.

(4)

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u uniċi li jeħtieġu l-iffirmar, l-applikazzjoni proviżorja u l-konklużjoni tal-Ftehim, u f’konformità mat-Trattati, huwa xieraq li l-Unjoni teżerċita b’mod temporanju l-kompetenza kondiviża rilevanti mogħtija lilha mit-Trattati. Kwalunkwe effett ta’ din id-Deċiżjoni dwar id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkun strettament limitat fiż-żmien. Il-kompetenza eżerċitata mill-Unjoni abbażi ta’ din id-Deċiżjoni u tal-Ftehim għalhekk jenħtieġ li tiġi eżerċitata biss matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-kompetenza kondiviża hekk eżerċitata ser tieqaf tkun eżerċitata mill-Unjoni hekk kif jieqaf japplika l-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma’ dawk il-miżuri talUnjoni, dik il-kompetenza, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ser terġa’ tiġi eżerċitata mill-Istati Membri wara dan. Barra minn hekk, huwa mfakkar li, kif stabbilit filProtokoll Nru 25 dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenzi kondiviżi, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni f’din id-Deċiżjoni jkopri biss dawk l-elementi regolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim u ma jkoprix il-qasam kollu. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni b’din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kwalunkwe negozjati li għaddejjin jew futuri għal, jew l-iffirmar jew il-konklużjoni ta’, ftehimiet internazzjonali ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor f’dak il-qasam.

(5)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq hu b’dan approvat f’isem l-Unjoni (3).

Artikolu 2

1.   L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun limitat għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma’ dawk il-miżuri tal-Unjoni, wara tmiem dak il-perjodu ta’ applikazzjoni, l-Unjoni għandha tieqaf minnufih milli teżerċita dik il-kompetenza, u l-Istati Membri għandhom jerġgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom f’konformità mal-Artikolu 2(2) TFUE.

2.   L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għallkompetenza tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kwalunkwe negozjati li għaddejjin jew futuri għal, jew l-iffirmar jew il-konklużjoni ta’, ftehimiet internazzjonali relatati mat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor, u mar-Repubblika tal-Moldova, fir-rigward tal-perjodu wara li dan il-Ftehim ma jibqax japplika.

3.   L-eżerċizzju tal-kompetenza mill-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1 ikopri biss l-elementi rregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.

4.   Din id-Deċiżjoni u l-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri filqasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-rigward ta’ elementi għajr dawk irregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 12 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni Ewropea, megħjuna mir-rappreżentanti tal-Istati Membri bħala osservaturi, għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KUPKA


(1)  Approvazzjoni tal-10 ta’ Novembru 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1165 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 181, 7.7.2022, p. 1).

(3)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L 181, 7.7.2022, p. 4.


Top