Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2385

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2385 tas-6 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi miżuri ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/14513/2022/INIT

    ĠU L 315, 7.12.2022, p. 87–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2385/oj

    7.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 315/87


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2385

    tas-6 ta’ Diċembru 2022

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi miżuri ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi dritt għall-persuni taxxabbli li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvisti tal-merkanzija u tas-servizzi riċevuti minnhom għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. L-Artikolu 26(1), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva jistipula li, meta assi ta’ negozju jintuża għall-finijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra għajr dawk tan-negozju tagħhom, dan għandu jitqies bħala servizz bi ħlas, u għaldaqstant, ikun soġġett għall-VAT.

    (2)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/805/UE (2) tawtorizza lill-Polonja tillimita sa 50 % d-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri jew il-lokazzjoni ta’ ċerti vetturi tat-triq bil-magna kif ukoll fuq in-nefqa marbuta magħhom, meta dawn il-vetturi ma jintużawx biss għal finijiet ta’ negozju, u biex il-persuni taxxabbli ma jkollhomx għalfejn iqisu l-użu għall-finijiet privati ta’ tali vetturi bħala provvista ta’ servizzi f’konformità mal-Artikolu 26(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE (il-“miżuri speċjali”).

    (3)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.

    (4)

    Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta’ Frar 2022, il-Polonja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżuri speċjali għal perjodu ulterjuri sal-31 ta’ Diċembru 2025.

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE, flimkien mat-talba, il-Polonja ppreżentat rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-miżuri speċjali, inkluż rieżami tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Polonja hija tal-fehma li r-rata ta’ 50 % għadha ġġustifikata. Hija ssostni wkoll li d-deroga mir-rekwiżit fl-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE għadha neċessarja biex tiġi evitata tassazzjoni doppja. Dawk il-miżuri speċjali jiġu ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT u biex tiġi pprevenuta l-evażjoni tat-taxxa meta r-rekords ma jinżammux kif suppost u jkun hemm dikjarazzjonijiet foloz tat-taxxa.

    (6)

    F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni għaddiet it-talba tal-Polonja lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra bid-data tal-15 ta’ Marzu 2022. Permezz ta’ ittra bid-data tas-16 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tkun tista’ tqis it-talba.

    (7)

    L-applikazzjoni tal-miżuri speċjali wara l-31 ta’ Diċembru 2022, se jkollhom biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li l-Polonja tiġbor fl-istadju tal-konsum finali, u mhux se jkollhom impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT.

    (8)

    Għalhekk jixraq li din l-awtorizzazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE tiġi estiża. L-estensjoni tal-miżuri speċjali jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien biex tippermetti lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-effettività tagħhom u tal-adegwatezza tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikata għad-dritt għal tnaqqis tal-VAT.

    (9)

    Għalhekk jenħtieġ li l-Polonja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżuri speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2025.

    (10)

    Fil-każ li l-Polonja tqis li l-miżuri speċjali huma neċessarji lil hinn mid-data tal-iskadenza tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE, u sabiex jiġi żgurat eżami fil-ħin ta’ kwalunkwe talba għall-estenzjoni tal-miżuri speċjali, huwa neċessarju li jiġu stipulati rekwiżiti għal tali talba.

    (11)

    Għalhekk id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2025.

    Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2025. Tali talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport, inkluż rieżami tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. STANJURA


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/805/UE tas-17 ta’ Diċembru 2013 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tintroduċi miżuri ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 353, 28.12.2013, p. 51).


    Top