EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2080

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2080 tal-25 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Litwanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

ST/12702/2022/INIT

ĠU L 280, 28.10.2022, p. 19–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2080/oj

28.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/19


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2080

tal-25 ta’ Ottubru 2022

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Litwanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Wara talba mingħand il-Litwanja fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 (2), ta assistenza finanzjarja lil-Litwanja fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 602 310 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, u b’perjodu ta’ disponibbiltà ta’ 18-il xahar, bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tal-Litwanja biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

(2)

Is-self kellu jintuża mil-Litwanja biex tiffinanzja skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350.

(3)

Wara t-tieni talba mingħand il-Litwanja fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/678 (3) li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350, ta assistenza finanzjarja addizzjonali ta’ EUR 354 950 000 lil-Litwanja billi żied l-ammont ta’ self massimu għal EUR 957 260 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, u b’perjodu ta’ disponibbiltà ta’ 18-il xahar, bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tal-Litwanja biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

(4)

Is-self addizzjonali kellu jintuża mil-Litwanja biex tiffinanzja l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/678.

(5)

It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Litwanja. Dan wassal għal żidiet repetuti f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika mil-Litwanja fir-rigward tal-miżuri msemmijin fl-Artikolu 3, il-punti (a) u (b), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350.

(6)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mil-Litwanja fl-2020, fl-2021 u fl-2022 biex titrażżan dik it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u l-impatt marbut mas-saħħa tagħha kellhom u għad għandhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Fl-2020, il-Litwanja kellha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 7,3 % u 46,6 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament, li naqsu għal 1,0 % u 44,3 % rispettivament fi tmiem l-2021. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, huwa mistenni li l-Litwanja jkollha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 4,6 % u 42,7 % tal-PDG rispettivament sa tmiem l-2022. Skont il-previżjoni interim tas-sajf 2022 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Litwanja huwa proġettat li jiżdied b’1,9 % fl-2022.

(7)

Fit-8 ta’ Awwissu 2022, il-Litwanja talbet assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni għal ammont ta’ EUR 141 800 000, bil-ħsieb li tkompli tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha li wettqet fl-2020, fl-2021 u fl-2022 biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema. B’mod partikolari, il-Litwanja estendiet jew emendat ulterjorment l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili stabbiliti fil-premessi (8) sa (9).

(8)

Fil-“Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470” tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata bil-“Liġi Nru XIII-2822” tas-17 ta’ Marzu 2020, il-“Liġi Nru XIII-2846” tas-7 ta’ April 2020, il-“Liġi Nru XIII-3005” tal-4 ta’ Ġunju 2020 u l-“Liġi Nru XIV-131” tat-23 ta’ Diċembru 2020,, kif imsemmi fl-Artikolu 3, punt (a), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350, u sussegwentment emendata permezz tal-‘Liġi Nru XIV-351’ tas-27 ta’ Mejju 2021, u “Liġi Nru XIV-911’ tal-20 ta’ Jannar 2022, il-Litwanja introduċiet skema biex tħallas sussidji lill-impjegaturi biex tkopri l-pagi stmati għal kull persuna impjegata li kienet qed tiffaċċa ħin mingħajr xogħol, bħala mezz ta’ appoġġ matul il-kwarantina u l-istat ta’ emerġenza. Qabel l-1 ta’ Jannar 2021, impjegatur kien jista’ jagħżel bejn sussidji li jkopru 70 % tas-salarju, sa massimu ta’ 1,5 darba l-paga minima, jew 90 % tas-salarju (100 % fil-każ ta’ impjegati ta’ 60 sena u aktar), sa massimu tal-paga minima. Mill-1 ta’ Jannar 2021, impjegatur jista’ jirċievi sussidji biex ikopri 100 % tas-salarju, sa massimu ta’ 1,5 darba l-paga minima. L-impjegaturi li jkunu pparteċipaw fl-iskema jridu jżommu mill-inqas 50 % tal-impjegati tagħhom għal mill-inqas tliet xhur wara li jintemm is-sussidju tal-paga.

(9)

Skont il-“Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470” tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata mil-“Liġi Nru XIII-3005 tal-4 ta’ Ġunju 2020, kif imsemmija fl-Artikolu 3, punt (b), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 u sussegwentement emendata permezz tal-‘Liġi Nru XIV-351’ tas-27 ta’ Mejju 2021, qabel l-1 ta’ Lulju 2021 is-sussidji tħallsu wkoll għall-impjegati li rritornaw wara żmien bla xogħol, għal perjodu sa massimu ta’ sitt xhur wara r-ritorn tagħhom għax-xogħol. Soġġett għal-limitu tal-paga minima jew darbtejn il-paga minima, li tiddependi mill-attività ekonomika mwettqa mil-impjegatur, l-ammont ta’ sussidji mħallsa fl-ewwel u fit-tieni xahar wara r-ritorn għax-xogħol jista’ jilħaq anki 100 % tas-salarju tal-impjegat, fit-tielet u r-raba’ xahar jista’ jilħaq 50 %, u fil-ħames u s-sitt xahar jista’ jilħaq 30 %. Mill-1 ta’ Lulju 2021, tħallsu sussidji lil impjegati li rritornaw minn żmien bla xogħol, għal perjodu ta’ sa xahrejn wara r-ritorn tagħhom għax-xogħol. Is-sussidju fl-ewwel xahar jikkonsisti f’100 % tas-salarju tal-impjegat, iżda mhux aktar minn 0,9 darbiet il-paga minima, u fit-tieni xahar 100 % tas-salarju tal-impjegat, iżda mhux aktar minn 0,6 darbiet il-paga minima. Dawk is-sussidji jistgħu jitqiesu bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, billi għandhom l-għan li jipprovdu appoġġ għall-introjtu lill-impjegati u jgħinu biex jinżammu r-relazzjonijiet ta’ impjieg eżistenti.

(10)

Il-Litwanja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Litwanja pprovdiet evidenza xierqa lill-Kummissjoni li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 1 264 915 309 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Din tikkostitwixxi żieda f’daqqa u qawwija minħabba li hija relatata wkoll ma’ estensjoni jew emenda ta’ miżuri nazzjonali eżistenti relatati direttament mal-iskema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili li jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Litwanja. Il-Litwanja beħsiebha tiffinanzja EUR 144 350 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni u EUR 21 505 309 permezz ta’ finanzjament tagħha stess.

(11)

Il-Kummissjoni kkonsultat lil-Litwanja u vverifikat iż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika effettiva u ppjanata direttament relatata mal-iskemi tax-xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili imsemmijin fit-talba tat-8 ta’ Awwissu 2022, b’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bl-għan li l-Litwanja tingħata għajnuna biex tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tas-segmenti f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(13)

Minħabba li l-perjodu ta’ disponibbiltà indikat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 skada, huwa meħtieġ perjodu ta’ disponibbiltà ġdid għall-assistenza finanzjarja addizzjonali. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-assistenza finanzjarja ta’ 18-il xahar mogħti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 jenħtieġ li jiġi estiż b’21 xahar u, b’konsegwenza ta’ hekk, il-perjodu ta’ disponibbiltà totali jenħtieġ li jkun ta’ 39 xahar li jibda mill-ewwel jum wara li tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350.

(14)

Jenħtieġ li l-Litwanja u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

(15)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx ir-rekwiżit li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(16)

Jenħtieġ li l-Litwanja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari bl-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Litwanja tkun implimentat dik in-nefqa.

(17)

Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Litwanja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħrajn, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli self lil-Litwanja li jammonta għal massimu ta’ EUR 1 099 060 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.”

“2.   Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 39 xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li tidħol fis-seħħ din id-Deċiżjoni.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe ħlas parzjali sussegwenti għandu jiġi rilaxxat f’konformità mat-termini ta’ dak il-ftehim ta’ self jew, meta jkun rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għalih, jew ta’ ftehim ta’ self emendat konkluż bejn il-Litwanja u l-Kummissjoni li jissostitwixxi l-ftehim ta’ self oriġinali.”;

(2)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-Litwanja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)

sussidji tal-pagi matul iż-żmien ta’ bla xogħol, kif previst fl-Artikolu 41 tal-‘Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470’ tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata l-aħħar bil-“Liġi Nru XIV-911” tal-20 ta’ Jannar 2022;

(b)

sussidji tal-pagi għal wara ż-żmien ta’ bla xogħol, kif previst fl-Artikolu 41 tal-‘Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470’ tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata l-aħħar bil-“Liġi Nru XIV-351” tas-27 ta’ Mejju 2021;

(c)

benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fl-Artikolu 5-1 tal-‘Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470’ tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata fl-2020;

(d)

benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom involuti fl-agrikoltura, kif previst fl-Artikolu 5-2 tal-‘Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470’ tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata fl-2020.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SÍKELA


(1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1350 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Litwanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 314, 29.9.2020, p. 35).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/678 tat-23 ta’ April 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Litwanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 144, 27.4.2021, p. 12).


Top