EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2079

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2079 tal-25 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Kroazja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

ST/12701/2022/INIT

ĠU L 280, 28.10.2022, p. 15–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2079/oj

28.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/15


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2079

tal-25 ta’ Ottubru 2022

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Kroazja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Wara talba mingħand il-Kroazja fis-6 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348 (2), ta assistenza finanzjarja lill-Kroazja fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 1 020 600 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, u b’perjodu ta’ disponibbiltà ta’ 18-il xahar, bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tal-Kroazja biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom.

(2)

Is-self kellu jintuża mill-Kroazja biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348.

(3)

It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Kroazja. Dan wassal għal żidiet repetuti għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika mill-Kroazja fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, il-punti (a) u (b), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348.

(4)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji li implimentat il-Kroazja fl-2020, fl-2021 u fl-2022 biex trażżan dik it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku kif ukoll dak relatat mas-saħħa tagħha kellhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Fl-2020, il-Kroazja kellha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 7,3 % and 87,3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament, li naqas għal 2,9 % u 79,8 % rispettivament sa tmiem l-2021. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, il-Kroazja hija mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 1,8 % u 73,1 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2022. Skont it-tbassir interim tas-sajf 2022 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Kroazja ser jiżdied bi 3,4 % fl-2022.

(5)

Fil-25 ta’ Lulju 2022, il-Kroazja talbet assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni fl-ammont ta’ EUR 550 000 000 bil-ħsieb li tkompli tikkomplimenta l-isforzi nazzjonali tagħha li wettqet fl-2020, fl-2021 u fl-2022 biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema. B’mod partikolari, il-Kroazja estendiet u emendat aktar l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili stabbiliti fil-premessi (6) sa (7).

(6)

Abbażi tal-“Att dwar is-Suq tax-Xogħol” (3), il-Kroazja introduċiet miżura li tipprovdi kofinanzjament tas-salarji tal-ħaddiema lin-negozji li jesperjenzaw tnaqqis fid-dħul meta mqabbel mal-2019. It-tnaqqis fil-kriterji tad-dħul huma: tnaqqis ta’ 20 % fil-perjodu minn Marzu sa Mejju 2020, ta’ 50 % fil-perjodu minn Ġunju sa Diċembru 2020, u minn Jannar 2021 l-uniku rekwiżit huwa tnaqqis fid-dħul meta mqabbel mal-korrispondenti xahar fl-2019, bil-kundizzjoni li r-relazzjoni tal-impjieg ma tintemmx. Għal Marzu 2020, l-ammont ta’ appoġġ kien stabbilit għal HRK 3 250 għal kull impjegat full-time, u mix-xahar ta’ April 2020 ’il quddiem, l-ammont ta’ kull xahar ta’ appoġġ kien stabbilit għal HRK 4 000 għal kull impjegat full-time. L-ammont ta’ appoġġ għal kull impjegat jibqa’ l-istess matul il-perjodu li fih il-miżura tibqa’ attiva, iżda s-setturi li huma eliġibbli għall-appoġġ jinbidlu maż-żmien, skont il-kundizzjonijiet ekonomiċi. Għall-perjodu bejn Novembru 2020 u Ġunju 2021, kumpaniji li jinsabu f’lockdown b’deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali rċevew appoġġ għal kull impjegat full-time skont l-għadd ta’ jiem ta’ lockdown iżda mhux aktar minn HRK 4 000 għal xahar sħiħ ta’ lockdown. Il-miżura hija estensjoni tal-miżura deskritta fl-Artikolu 3, il-punt (a) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348, kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv tas-Servizz Kroat għall-Impjiegi (CES) adottata fl-20 ta’ Marzu 2020 u emendata fil-25 ta’ Marzu, is-7 ta’ April, id-9 ta’ April, is-6 ta’ Mejju, it-28 ta’ Mejju, it-18 ta’ Ġunju, il-25 ta’ Ġunju, l-10 ta’ Lulju u d-29 ta’ Lulju, is-7 ta’ Settembru, it-22 ta’ Ottubru, l-4 ta’ Novembru u l-4 ta’ Diċembru 2020. Ġew adottati wkoll emendi sussegwenti mis-CES fl-2021 permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda fit-8 ta’ Jannar, il-21 ta’ Jannar, it-3 ta’ Marzu, il-15 ta’ April, it-30 ta’ April, il-31 ta’ Mejju, it-23 ta’ Lulju, il-25 ta’ Awwissu, id-29 ta’ Settembru, il-15 ta’ Ottubru, l-4 ta’ Novembru, u fl-2022 permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda fis-27 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju. Il-miżura tneħħiet fl-aħħar ta’ Ġunju 2022.

(7)

Barra minn hekk, abbażi tal-“Att dwar is-Suq tax-Xogħol”, il-Kroazja introduċiet miżura li tipprovdi appoġġ għat-tnaqqis temporanju tal-ħin tax-xogħol fil-perjodu bejn Ġunju 2020 u Diċembru 2022 lil negozji li jimpjegaw 10 impjegati jew aktar li joperaw fi kwalunkwe settur. Ir-rekwiżit biex wieħed jibbenefika minn din il-miżura huwa tnaqqis mistenni fis-sigħat tax-xogħol aggregati ta’ kull xahar tal-ħaddiema kollha full-time ta’ mill-inqas 10 % fil-livell tal-impjegatur, jew 20 % fil-livell ta’ unità tan-negozju, fix-xahar li għalih issir l-applikazzjoni għall-appoġġ. Barra minn hekk, l-impjegatur li japplika għall-appoġġ huwa meħtieġ juri rabta bejn l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq in-negozju tiegħu u t-tnaqqis mistenni, b’mod partikolari, billi jipprovdi evidenza ta’ tnaqqis fid-dħul fix-xahar li għalih issir l-applikazzjoni għall-appoġġ ta’ mill-inqas 20 % meta mqabbel max-xahar korrispondenti fl-2019 jew, b’mod eċċezzjonali, fil-każ ta’ Jannar u Frar 2022, meta mqabbel max-xahar korrispondenti fl-2020. L-applikazzjoni għall-miżura titressaq fix-xahar ta’ qabel dak li għalih tkun saret l-applikazzjoni għall-appoġġ. Il-miżura tista’ tiffinanzja sa massimu ta’ HRK 2 000 fix-xahar għal kull impjegat. Il-miżura hija estensjoni tal-miżura deskritta fl-Artikolu 3, il-punt (b), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348, kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv tas-Servizz Kroat għall-Impjiegi (CES) adottata fid-29 ta’ Ġunju 2020 u emendata fl-10 ta’ Lulju u fit-22 ta’ Ottubru 2020, emendata ulterjorment fit-8 ta’ Jannar 2021 u fis-27 ta’ Jannar 2022. Il-miżura hija ppjanata li tiġi infurzata sal-aħħar ta’ Diċembru 2022.

(8)

Il-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Kroazja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali żdiedet b’EUR 2 220 567 523 mill-1 ta’ Frar 2020 sa tmiem April 2022 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li hija relatata wkoll ma’ estensjoni jew emenda ta’ miżuri nazzjonali eżistenti relatati direttament mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri similili jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Kroazja. Il-Kroazja biħsiebha tiffinanzja EUR 631 536 540 tal-ammont miżjud ta’ nfiq permezz ta’ fondi tal-Unjoni u EUR 18 430 983 permezz tal-finanzjament tagħha stess.

(9)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Kroazja u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmija fit-talba tal-25 ta’ Lulju 2022, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Kroazja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(11)

Minħabba li l-perjodu ta’ disponibbiltà indikat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348 skada, huwa meħtieġ perjodu ta’ disponibbiltà ġdid għall-assistenza finanzjarja addizzjonali. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-assistenza finanzjarja ta’ 18-il xahar mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348 jenħtieġ li jiġi estiż b’21 xahar u, b’konsegwenza ta’ dan, il-perjodu ta’ disponibbiltà totali jenħtieġ li jkun ta’ 39 xahar mill-ewwel jum wara li tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348.

(12)

Jenħtieġ li l-Kroazja u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

(13)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(14)

Jenħtieġ li l-Kroazja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Kroazja implimentat dik in-nefqa.

(15)

Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Kroazja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kroazja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 1 570 600 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.”

“2.   Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 39 xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe ħlas parzjali sussegwenti għandu jiġi rilaxxat f’konformità mat-termini ta’ dak il-ftehim ta’ self jew, fejn rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għal dan, jew ta’ ftehim ta’ self emendat konkluż bejn il-Kroazja u l-Kummissjoni li jissostitwixxi l-ftehim ta’ self oriġinali.”;

(2)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-Kroazja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)

is-sussidji li jippreservaw l-impjiegi fis-setturi affettwati mill-COVID-19, skont l-Artikoli 35 u 36 tal-“Att dwar is-Suq tax-Xogħol” u previsti fid-“Deċiżjoni tas-Servizz Kroat għall-Impjiegi tal-20 ta’ Marzu 2020” kif l-aħħar emendata mid-deċiżjoni adottata fil-31 ta’ Mejju 2022; u

(b)

l-għajnuna għal sigħat tax-xogħol imnaqqsa, skont l-Artikoli 35 u 36 tal-“Att dwar is-Suq tax-Xogħol” u kif previst fid-“Deċiżjoni tas-Servizz Kroat għall-Impjiegi tad-29 ta’ Ġunju 2020” kif l-aħħar emendata permezz tad-deċiżjoni adottata fis-27 ta’ Jannar 2022.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SÍKELA


(1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1348 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Kroazja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 314, 29.9.2020, p. 28).

(3)  OG 118/18, 32/20, 18/22.


Top