Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2069

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2069 tat-30 ta’ Settembru 2022 dwar l-għoti ta’ deroga mitluba min-Netherlands skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2022) 6859) (Il-verżjoni bl-Olandiż biss hija awtentika)

    C/2022/6859

    ĠU L 277, 27.10.2022, p. 195–207 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2069/oj

    27.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 277/195


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2069

    tat-30 ta’ Settembru 2022

    dwar l-għoti ta’ deroga mitluba min-Netherlands skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

    (notifikata bid-dokument C(2022) 6859)

    (Il-verżjoni bl-Olandiż biss hija awtentika)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b’mod partikolari l-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu, tal-Anness III tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 91/676/KEE tistipula r-regoli dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli.

    (2)

    Il-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE jistabbilixxi li l-Istati Membri li beħsiebhom japplikaw aktar demel tal-bhejjem minn 170 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru (ha) jridu jiffissaw l-ammonti b’mod li ma jippreġudikawx l-ilħuq tal-objettivi speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva. Jekk Stat Membru jippermetti ammont differenti taħt il-punt (b) tat-tieni subparagrafu, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni li għandha teżamina l-ġustifikazzjoni f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 9(2).

    (3)

    Bid-Deċiżjoni 2005/880/KE (2), il-Kummissjoni tat deroga mitluba min-Netherlands skont id-Direttiva 91/676/KEE bl-iskop li tippermetti l-applikazzjoni tat-tidmil bid-demel tal-bhejjem li jirgħu sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 70 % ta’ bwar.

    (4)

    Bid-Deċiżjoni 2010/65/UE (3), li temenda d-Deċiżjoni 2005/880/KE, il-Kummissjoni tat deroga mitluba min-Netherlands skont id-Direttiva 91/676/KEE bl-iskop li tippermetti l-applikazzjoni tat-tidmil bid-demel tal-bhejjem li jirgħu sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 70 % ta’ bwar sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    (5)

    Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/291/UE (4), li ma baqgħetx tapplika fil-31 ta’ Diċembru 2017, in-Netherlands ingħataw deroga skont id-Direttiva 91/676/KEE li tippermetti l-applikazzjoni tat-tidmil bid-demel tal-bhejjem li jirgħu f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 80 % ta’ art bil-ħaxix sa limitu ta’ 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għall-azjendi agrikoli li jinsabu fuq il-ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u taċ-ċentru u fuq il-ħamrija loess u sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għall-azjendi agrikoli li jinsabu fuq tip ta’ ħamrija oħra. Din id-deroga kienet tirrigwarda 19 564 azjenda agrikola fl-2016, li kienu jikkorrispondu għal 47 % taż-żona agrikola netta totali tan-Netherlands.

    (6)

    Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/820 (5), li ma baqgħetx tapplika fl-1 ta’ Jannar 2020, in-Netherlands ingħataw deroga skont id-Direttiva 91/676/KEE li tippermetti l-applikazzjoni tat-tidmil bid-demel tal-bhejjem li jirgħu f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 80 % ta’ bwar sa limitu ta’ 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għall-azjendi agrikoli li jinsabu fuq il-ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u taċ-ċentru u fuq il-ħamrija “loess” u sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għall-azjendi agrikoli li jinsabu fuq tip ta’ ħamrija oħra. Id-deroga kienet tirrigwarda 18 818-il azjenda agrikola fl-2019, li kienu jikkorrispondu għal 44,7 % taż-żona agrikola netta totali tan-Netherlands.

    (7)

    Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1073 (6), li ma baqgħetx tapplika fil-31 ta’ Diċembru 2021, in-Netherlands ingħataw deroga li tippermetti l-applikazzjoni tat-tidmil bid-demel tal-bhejjem li jirgħu f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 80 % ta’ bwar sa limitu ta’ 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għall-azjendi agrikoli li jinsabu fuq il-ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u taċ-ċentru u fuq il-ħamrija “loess” u sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għall-azjendi agrikoli li jinsabu fuq tip ta’ ħamrija oħra. Id-durata ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni kienet limitata għal sentejn sabiex in-Netherlands ikunu jistgħu jimplimentaw bis-sħiħ strateġija ta’ infurzar imsaħħa biex jipprevjenu l-frodi fl-implimentazzjoni tal-politika tagħhom dwar id-demel. Barra minn hekk, ġew inklużi kundizzjonijiet addizzjonali biex jiġi żgurat li l-ammont ta’ bhejjem ma jiżdiedx u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka fl-applikazzjoni tad-demel.

    (8)

    Fil-25 ta’ Frar 2022, in-Netherlands talbu deroga ġdida skont id-Direttiva 91/676/KEE il-pragrafu 2, it-tielet subparagrafu, tal-Anness III,

    (9)

    In-Netherlands irrapportaw data (7) skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676/KEE li wriet li għall-perjodu mill-2016 sal-2019, madwar 14 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art fin-Netherlands kellhom konċentrazzjonijiet medji ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l, 5 % bejn l-40 u l-50 mg/l, u 73 % inqas minn 25 mg/l. Id-data wriet wkoll li, fil-perjodu bejn l-2016 u l-2019, 99 % mill-istazzjonijiet tal-monitoraġġ tal-ilma tal-wiċċ fin-Netherlands kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati ta’ inqas minn 50 mg/l u li 96 % minn dawk l-istazzjonijiet tal-monitoraġġ kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati ta’ inqas minn 25 mg/l. Madankollu, fil-perjodu ta’ rapportar mill-2016 sal-2019, 58 % tal-ilma ħelu kien ewtrofiku u 10 % seta’ jsir ewtrofiku jekk ma tittieħed l-ebda miżura.

    (10)

    Din id-data kif ippubblikata fir-Rapport dwar l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676/KEE (8) uriet ukoll varjazzjonijiet sinifikanti bejn il-provinċji Netherlandiżi u li l-hotspots tat-tniġġis għall-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art u l-ewtrofikazzjoni jinsabu f’għadd ta’ provinċji Netherlandiżi. F’Limburg, 36 % tal-istazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art urew konċentrazzjonijiet medji ta’ nitrati ta’ aktar minn 50 mg/l u 22 % urew xejriet negattivi, filwaqt li 74 % tal-ilmijiet tal-wiċċ kienu ewtrofiċi u 16 % f’riskju li jsiru ewtrofiċi jekk ma tittieħed l-ebda miżura. F’Noord-Brabant, 26 % tal-istazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art urew medja ta’ konċentrazzjonijiet ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l u 20 % urew xejriet negattivi, filwaqt li 68 % tal-ilmijiet tal-wiċċ kienu ewtrofiċi u 7 % f’riskju li jsiru ewtrofiċi jekk ma tkun tittieħed l-ebda miżura. F’Zeeland, 14 % tal-istazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art urew konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati ta’ aktar minn 50 mg/l u 47 % urew xejriet negattivi, filwaqt li 80 % tal-ilmijiet tal-wiċċ kienu ewtrofiċi u 11 % f’riskju li jsiru ewtrofiċi jekk ma tittieħed l-ebda miżura. F’Zuid-Holland, 54 % tal-ilmijiet tal-wiċċ kienu ewtrofiċi u 17 % f’riskju li jsiru ewtrofiċi jekk ma tittieħed l-ebda miżura. F’Noord-Holland, 61 % tal-ilmijiet tal-wiċċ kienu ewtrofiċi u 19 % f’riskju li jsiru ewtrofiċi jekk ma tittieħed l-ebda miżura. F’Utrecht, 24 % tal-istazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art urew xejriet negattivi fil-konċentrazzjonijiet ta’ nitrat, filwaqt li 43 % tal-ilmijiet tal-wiċċ kienu ewtrofiċi u 10 % f’riskju li jsiru ewtrofiċi jekk ma tittieħed l-ebda miżura. F’Gelderland, 10 % tal-istazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art urew konċentrazzjonijiet medji ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l u 15 % urew xejriet negattivi. F’Overijssel, 18 % tal-istazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art urew konċentrazzjonijiet medji ta’ nitrati ta’ aktar minn 50 mg/l u 19 % urew xejriet negattivi, filwaqt li 67 % tal-ilmijiet tal-wiċċ kienu ewtrofiċi u 4 % f’riskju li jsiru ewtrofiċi jekk ma tittieħed l-ebda miżura. Fi Drenthe, 15 % tal-istazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art urew konċentrazzjonijiet medji ta’ nitrati ta’ aktar minn 50 mg/l, filwaqt li 65 % tal-ilmijiet tal-wiċċ kienu ewtrofiċi u 9 % f’riskju li jsiru ewtrofiċi jekk ma tittieħed l-ebda miżura. Fi Friesland, 23 % tal-istazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art urew xejriet negattivi fil-konċentrazzjonijiet ta’ nitrati, filwaqt li 85 % tal-ilmijiet tal-wiċċ kienu ewtrofiċi. Fi Groningen, 52 % tal-ilmijiet tal-wiċċ kienu ewtrofiċi u 11 % f’riskju li jsiru ewtrofiċi jekk ma tittieħed l-ebda miżura. Fi Flevoland, 33 % tal-ilmijiet tal-wiċċ kienu ewtrofiċi.

    (11)

    Id-data rrapportata min-Netherlands fl-2020 u fl-2021 fil-kuntest tar-rapporti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1073 uriet żidiet fil-konċentrazzjonijiet ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art f’żoni b’ħamrija “loess”, ramlija u taflija. Fin-Nofsinhar u fil-Lvant tar-reġjun ta’ ħamrija ramlija, il-konċentrazzjoni medja ta’ nitrati fil-metru ta’ fuq tal-ilma ta’ taħt l-art kienet ta’ 67 mg/l fl-2021. Dan jaqbeż il-valur ta’ limitu tal-Unjoni ta’ 50 mg/l. Mill-2017, il-konċentrazzjoni ta’ nitrat irdoppjat f’din il-parti tar-reġjun ta’ ħamrija ramlija. Il-konċentrazzjoni medja fit-Tramuntana tar-reġjun ta’ ħamrija ramlija baqgħet aktar baxxa mill-valur ta’ limitu tal-Unjoni, iżda żdiedet għal 37 mg/l fl-2021. Fir-reġjun ta’ ħamrija loess, il-konċentrazzjoni medja naqset bi ftit għal 57 mg/l fl-2020, iżda għadha ogħla mill-valur ta’ limitu tal-Unjoni. Fir-reġjun ta’ ħamrija taflija, il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati baqgħu taħt il-valur ta’ limitu b’mod konsistenti, iżda madankollu żdiedu. Fir-reġjun tal-ħamrija tal-pit, l-aktar konċentrazzjonijiet baxxi ġew imkejla f’konċentrazzjoni medja ta’ 14-il mg/l fl-2021. Id-data wriet ukoll li l-ilma taż-żona tal-għeruq mill-azjendi agrikoli fin-network ta’ monitoraġġ tad-deroga spiss qabeż in-normi ta’ konċentrazzjoni tan-nitrati anki jekk il-valur medju baqa’ taħt il-50 mg/l.

    (12)

    F’konformità mal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 91/676/KEE, in-Netherlands japplikaw programm ta’ azzjoni fit-territorju kollu tagħhom. Fis-26 ta’ Diċembru 2021, in-Netherlands adottaw programm ta’ azzjoni ġdid għall-perjodu 2022-2025 (9) (is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati), li jinkludi miżuri addizzjonali biex jitnaqqas it-telf tan-nutrijenti (in-nitroġenu u l-fosforu) fl-ambjent u huwa bbażat fuq approċċ reġjonali differenzjat skont il-livell tat-tniġġis tan-nutrijenti u fuq it-tip ta’ ħamrija. Madankollu, il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, imwettqa bi tħejjija għas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati mill-kummissjoni xjentifika konsultattiva għall-awtoritajiet Netherlandiżi (Commissie van Deskundigen Meststoffenwet), sabet li l-effetti potenzjali tal-programm ta’ azzjoni ma jkunux biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi dwar il-kwalità tal-ilma. Fil-25 ta’ Frar 2022, in-Netherlands adottaw Addendum (10) għas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati li jirreferi għall-Programm Nazzjonali għaż-Żoni Rurali (11) li jistabbilixxi approċċ integrali għan-natura, l-ilma u l-klima, inklużi l-emissjonijiet tan-nitroġenu, biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni. Permezz tal-Addendum, il-Gvern Netherlandiż ifittex li jsarraf l-ambizzjonijiet tiegħu f’miżuri konkreti li għandhom l-għan li jilħqu l-miri tal-kwalità tal-ilma għan-nutrijenti minn sorsi agrikoli.

    (13)

    Is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati 2022-2025 u l-Addendum tiegħu jistabbilixxu l-isforzi meħtieġa għal kull reġjun biex jintlaħqu l-objettivi tal-kwalità tal-ilma rigward in-nitrati u l-fosforu minn sorsi agrikoli kif speċifikat mid-Direttiva 91/676/KEE u l-pjan Netherlandiż ta’ ġestjoni tal-baċir tax-xmara adottat fil-kuntest tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Għall-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art, ir-reġjuni ta’ Zand Noord, Zand Oost, Westelijk Noord-Brabant, Centraal zeeklei, Zuidwestelijk zeekleigebied, Westelijk zandgebied jeħtieġu xi sforz biex jilħqu l-miri, filwaqt li r-reġjuni ta’ Gelderse Vallei, Oostelijk Noord-Brabant en Limburg Zand, Lössgebied jeħtieġu sforz sinifikanti biex jilħquhom. Għall-konċentrazzjonijiet tal-fosforu fl-ilma tal-wiċċ (ewtrofikazzjoni), ir-reġjuni ta’ Zand Noord, Zand Oost, Westelijk Noord-Brabant, Oostelijk Noord-Brabant en Limburg Zand, Noordelijk zeekleigebied, Centraal zeeklei Zuidwestelijk zeekleigebied jeħtieġu xi sforz biex jilħqu l-miri, filwaqt li r-reġjuni ta’ Gelderse Vallei, Lössgebied, Westelijk Zeeklei, Westelijk veengebied, Westelijk zandgebied jeħtieġu sforz sinifikanti biex jilħquhom. Dan huwa konsistenti mad-data rrapportata min-Netherlands skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676/KEE.

    (14)

    In-Netherlands se jadottaw deżinjazzjoni ġdida ta’ żoni mniġġsa min-nitrati u l-fosforu minn sorsi agrikoli (żoni mniġġsa bin-nutrijenti), li jenħtieġ li jinkludu ż-żoni kollha ta’ qbid għall-punti ta’ monitoraġġ għall-ilma ta’ taħt l-art u għall-ilma tal-wiċċ li juru tniġġis medju tan-nitrati jew avvenimenti okkażjonali ta’ tniġġis tan-nitrati, li jkunu f’riskju li jiġu mniġġsa u li jiżdiedu x-xejriet, kif ukoll il-monitoraġġ ta’ punti li juru ewtrofikazzjoni jew li jkunu f’riskju li jsiru ewtrofiċi. Id-deżinjazzjoni jenħtieġ li tqis ukoll il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet fil-kawżi C-221/03 (13) u C-543/16 (14). Jekk ma jkun hemm l-ebda deżinjazzjoni ġdida fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024, iż-żoni kollha fejn ikunu meħtieġa xi sforzi jew sforzi sinifikanti se jiġu ddeżinjati bħala żoni mniġġsa bin-nutrijenti.

    (15)

    Din it-talba għal deroga jenħtieġ li titqies fil-kuntest usa’ tal-politika tal-UE fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ ġestjoni tan-nutrijenti, b’mod partikolari, l-objettivi u l-miri tad-Direttivi 2000/60/KE, 2006/118/KE (15) u 2008/56/KE (16) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-ambizzjoni dejjem akbar tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (17) u l-Pjan Strateġiku tal-PAK għan-Netherlands (18), kif ukoll l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew dwar it-tniġġis tan-nutrijenti. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi objettivi għall-Unjoni biex tnaqqas it-telf tan-nutrijenti, u biex tillimita l-gassijiet serra mhux tas-CO2, jiġifieri l-metan u l-ossidu nitruż, li l-fertilizzazzjoni u l-bhejjem huma sors ewlieni tagħhom. B’mod partikolari, l-Unjoni impenjat ruħha, fl-Istrateġija “mill-Għalqa sal-Platt (19)” u fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero (20), li tnaqqas it-telf tan-nutrijenti b’50 % fl-2030, li jwassal għal tnaqqis ta’ 20 % fil-fertilizzanti, u jippreżerva l-fertilità tal-ħamrija, u li tnaqqas b’25 % iż-żoni tal-ekosistemi tal-UE, imkejla bħala żoni ’l fuq minn “tagħbijiet kritiċi” tad-depożizzjoni tan-nitroġenu, fejn it-tniġġis tal-arja jhedded il-bijodiversità.

    (16)

    Fil-“proposta inizjali għall-Programm Nazzjonali għaż-żoni Rurali” tal-10 ta’ Ġunju 2022 (21), il-Gvern Netherlandiż jinnota li “Fiż-żoni tat-torbiera, iż-żoni ta’ Natura 2000, iż-żoni ta’ protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, il-korsiji tal-ilma vulnerabbli, u ż-żoni ta’ lqugħ madwar is-siti ta’ Natura 2000 huma l-akbar sfidi. F’dawk iż-żoni, il-bdiewa jkollhom aktar restrizzjonijiet fuq in-negozju jew anqas opportunitajiet ta’ żvilupp. L-estensifikazzjoni tal-agrikoltura hija mbagħad l-aktar rotta xierqa”. Hemm ukoll “impenn biex jinħolqu żoni tranżizzjonali madwar is-siti ta’ Natura 2000”. “Żoni tranżizzjonali (żoni ta’ lqugħ) madwar iż-żoni ta’ Natura 2000 huma żoni maġenb is-siti ta’ Natura 2000 li jikkontribwixxu għar-restawr tas-sistema biex tinżamm u tiġi restawrata l-bijodiversità fis-sit ta’ Natura 2000 ikkonċernat”.

    (17)

    Il-Kummissjoni eżaminat it-talba Olandiża għal deroga filwaqt li qieset ir-rekwiżiti u l-objettivi tad-Direttiva 91/676/KEE u l-esperjenza mid-deċiżjonijiet preċedenti ta’ deroga u fid-dawl tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati u l-Addendum tiegħu. Hija eżaminat ukoll ix-xejriet fil-kwalità tal-ilma u qieset l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li jiġi żgurat perjodu ta’ deroga tranżizzjonali prevedibbli ta’ massimu ta’ 4 snin għall-bdiewa tal-bwar sakemm ir-riformi ppjanati kif stabbiliti fl-Addendum jiġu kompletament inkorporati fil-liġi Netherlandiża u li jakkumpanja l-implimentazzjoni gradwali tar-riformi l-ġodda. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva 91/676/KEE jirrikjedi li n-Netherlands jissodisfaw kundizzjonijiet addizzjonali stretti, b’mod partikolari, iżda mhux biss, fiż-żoni mniġġsa bin-nutrijenti. Id-deroga mitluba jenħtieġ li tappoġġa l-perkors ta’ riforma definit fl-Addendum u fil-Programm Nazzjonali għaż-Żoni Rurali.

    (18)

    Id-deroga mogħtija b’din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi tan-Netherlands li japplikaw id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (22) u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-293/17 (23), b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva; u li japplikaw id-Direttiva 2000/60/KE u d-Direttiva 2008/56/KE u ma teskludix li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiġu ssodisfati l-obbligi derivati minn dawn id-Direttivi.

    (19)

    Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-awtorizzazzjoni ta’ ammonti addizzjonali ta’ demel għal kull ettaru fis-sena ma ddewwimx jew tqiegħed f’riskju r-rekwiżiti ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li għaliha t-tniġġis tan-nitroġenu u tal-fosforu jista’ jkun ostaklu biex jintlaħqu l-objettivi tagħha. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali għal derogi għal bdiewa individwali ma jkunux permessi f’żoni ta’ protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art u f’żoni ta’ Natura 2000, jew fi ħdan iż-żoni ta’ lqugħ madwar iż-żoni Natura 2000 kif definiti fil-Programm Nazzjonali Netherlandiż għaż-Żoni Rurali, u li d-daqs tagħhom se jiġi speċifikat fl-2023.

    (20)

    Id-densità tal-bhejjem fin-Netherlands għadha għolja ħafna; fl-2016, kienet l-ogħla fl-Unjoni, kważi ħames darbiet ogħla mill-medja tal-Unjoni. Skont id-data pprovduta min-Netherlands, fil-perjodu mill-2019 sal-2021 il-bhejjem totali naqsu bi 2,5 %, filwaqt li l-għadd ta’ baqar żdied.

    (21)

    Il-produzzjoni kumplessiva tad-demel tal-2020 jenħtieġ li ma tinqabiżx. Dan il-limitu tal-produzzjoni massima tad-demel se jkun inkorporat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-1 ta’ Jannar 2024. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tar-riformi ppjanati skont il-Programm Nazzjonali għaż-Żoni Rurali jenħtieġ li twassal għal tnaqqis gradwali tal-produzzjoni tad-demel sa tmiem il-validità tad-Deċiżjoni attwali.

    (22)

    B’mod partikolari, f’żoni mniġġsa bin-nutrijenti, huwa meħtieġ li s-Seba’ Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati u l-Addendum tiegħu jiġu kkomplementati b’miżuri speċifiċi rikonoxxuti għall-effettività tagħhom fil-ġestjoni sostenibbli tan-nutrijenti fil-livell tal-azjenda agrikola u fit-tnaqqis tat-telf tan-nutrijenti fl-ilma ta’ taħt l-art u fl-ilma ħelu.

    (23)

    In-Netherlands stabbilew strateġija msaħħa ta’ infurzar biex iżidu l-prevenzjoni tal-frodi fl-implimentazzjoni tal-politika tagħhom dwar id-demel. Dik l-istrateġija ġiet implimentata fis-snin 2020-2021, iżda ġarrbet xi dewmien ukoll minħabba l-pandemija tal-COVID. L-implimentazzjoni tal-istrateġija tul l-assi ewlenin ta’ azzjoni tagħha jeħtieġ li tiġi segwita b’mod effettiv u estiża għal reġjuni oħra fejn il-valutazzjoni indipendenti turi riskju sinifikanti ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonat mar-regoli dwar il-ġestjoni tad-demel. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni għar-riformi agrikoli ppjanati jista’ jwassal ukoll għal żieda fil-frodi, u għalhekk il-kontrolli jenħtieġ li jiġu intensifikati.

    (24)

    L-awtorizzazzjonijiet lill-bdiewa individwali huma soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw li l-fertilizzazzjoni fil-livell tal-azjenda agrikola tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet tal-għelejjel u biex jipprevjenu t-telf ta’ nitroġenu u fosfat fl-ilma. Il-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkunu addizzjonali għall-miżuri li diġà qed jiġu applikati permezz tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati u l-Addendum tiegħu.

    (25)

    In-Netherlands huma meħtieġa jimplimentaw il-miżuri kollha stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka. Ir-rapport dwar l-impatt tad-Direttiva 91/676/KEE fuq l-emissjonijiet gassużi tan-nitroġenu (25) ikkonkluda li f’xi reġjuni b’densità għolja ta’ bhejjem, id-deroga tista’ tirriżulta f’emissjonijiet gassużi ogħla. Għalhekk, jenħtieġ li jittieħdu miżuri xierqa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka, inklużi tekniki ta’ tixrid b’emissjonijiet baxxi, fejn meħtieġ flimkien ma’ temperatura massima li fiha jista’ jiġi applikat id-demel u obbligu strett ta’ inkorporazzjoni immedjata fil-ħamrija tad-demel/tad-demel likwidu meta jiġi applikat fuq l-għelieqi.

    (26)

    Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni huma kkunsidrati bħala l-verżjoni tar-Rekwiżiti Statutorji ta’ Ġestjoni stabbiliti fil-liġi nazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 12 u 13 tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-Deċiżjoni huma kkunsidrati għall-entitajiet li jibbenefikaw minn derogi bħala l-verżjoni tar-Rekwiżiti Statutorji ta’ Ġestjoni stabbiliti fil-liġi nazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 12 u 13 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    (27)

    In-Netherlands iridu jikkonformaw mal-objettivi dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030. Konverżjoni tal-użu tal-art minn art bil-ħaxix għal raba’ li jinħadem twassal għal żieda fl-emissjonijiet tal-karbonju fil-ħamrija u xxekkel il-konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27).

    (28)

    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) tistabbilixxi r-regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Unjoni għall-finijiet tal-politiki ambjentali tal-Unjoni u tal-politiki jew l-attivitajiet tal-Unjoni li jaf iħallu impatt fuq l-ambjent. Meta applikabbli, jenħtieġ li l-informazzjoni ġeografika miġbura fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Direttiva. Barra minn hekk, sabiex inaqqsu l-piż amministrattiv u jżidu l-koerenza tad-data, jenħtieġ li n-Netherlands, huma u jiġbru d-data neċessarja skont din id-Deċiżjoni, fejn xieraq, jużaw l-informazzjoni ġġenerata bis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll stabbilita min-Netherlands skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29).

    (29)

    Din id-Deċiżjoni tieqaf tapplika fil-31 ta’ Diċembru 2025.

    (30)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu tad-Direttiva 91/676/KEE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Deroga

    Id-deroga mitluba min-Netherlands permezz tal-ittra tal-25 ta’ Frar 2022, bil-għan li tippermetti l-applikazzjoni fl-art ta’ ammont ogħla ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem li jirgħu minn dak previst fil-paragrafu 2, it-tieni subpargrafu, l-ewwel sentenza tad-Direttiva 91/676/KEE tingħata bħala miżura tranżizzjonali biex takkumpanja r-riformi tas-settur tal-agrikoltura u tal-bhejjem fin-Netherlands sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ambjentali u klimatiċi tal-UE fir-rigward tal-emissjonijiet tan-nitroġenu (inkluża l-ammonijaka) u n-nutrijenti fl-ilma (inkluża d-Direttiva 91/676/KEE), u soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Ambitu tad-deroga

    Id-deroga tapplika għall-azjendi tal-bwar li għalihom ingħatat awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 6.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “azjenda tal-bwar” tfisser kull azjenda fejn mill-inqas 80 % mir-raba’ li jista’ jiddemmel ikun ħaxix;

    (2)

    “bhejjem li jirgħu” tfisser bhejjem tal-ifrat (għajr għall-għoġġiela tas-simna), nagħaġ, mogħoż, żwiemel, ħmir, ċriev u bufli tal-ilma;

    (3)

    “raba’” tfisser l-erja li tkun proprjetà tal-bidwi, jew mikrija jew ġestita minnu abbażi ta’ kuntratt individwali bil-miktub, li fiha l-bidwi jkollu r-responsabbiltà diretta tal-ġestjoni;

    (4)

    “bur” tfisser bur permanenti jew temporanju li ilu inqas minn ħames snin;

    (5)

    “pjan tal-fertilizzazzjoni” tfisser kalkolu tal-użu ppjanat u tad-disponibbiltà tan-nutrijenti;

    (6)

    “kont tal-fertilizzazzjoni” tfisser il-bilanċ tan-nutrijenti abbażi tal-użu reali u l-assorbiment tan-nutrijenti;

    (7)

    “reġistru tal-fertilizzazzjoni” tfisser sistema elettronika li permezz tagħha l-bdiewa jirrapportaw dwar l-użi reali tan-nutrijenti u l-ġestjoni tad-demel;

    (8)

    “ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u taċ-ċentru” tfisser ħamrija indikata bħala ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u ħamrija ramlija taċ-ċentru skont il-leġiżlazzjoni Netherlandiża, l-Artikolu 1 il-paragrafu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-Att dwar il-Fertilizzanti (30);

    (9)

    “ħamrija loess” tfisser ħamrija indikata bħala ħamrija loess skont il-leġiżlazzjoni Netherlandiża l-Artikolu 1 il-paragrafu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-Att dwar il-Fertilizzanti;

    (10)

    “nutrijenti” tirreferi għan-nitroġenu u għall-fosfat.

    Artikolu 4

    Kundizzjonijiet ġenerali tad-deroga

    Id-deroga qed tingħata bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    In-Netherlands għandhom jiżviluppaw deżinjazzjoni ġdida u mappa ġdida taż-żoni mniġġsa min-nitrati u l-fosforu minn sorsi agrikoli (żoni mniġġsa bin-nutrijenti) sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2024, li tinkludi ż-żoni kollha ta’ qbid għall-punti ta’ monitoraġġ għall-ilma ta’ taħt l-art u għall-ilma tal-wiċċ li juru tniġġis medju tan-nitrati jew avvenimenti okkażjonali ta’ tniġġis tan-nitrati, f’riskju li jkunu kkontaminati u li jiżdiedu x-xejriet, kif ukoll punti ta’ monitoraġġ li juru ewtrofikazzjoni jew li huma f’riskju li jsiru ewtrofiċi.

    Bħala miżura tranżizzjonali u sakemm id-deżinjazzjoni l-ġdida tkun fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2024, iż-żoni mniġġsa bin-nutrijenti se jkopru l-ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u taċ-ċentru u ż-żoni tal-ħamrija loess, kif ukoll, mill-1 ta’ Jannar 2023, iż-żoni ta’ qbid iddefiniti mill-korpi tal-ilma reġjonali u kkwalifikati bħala żoni inadegwati tan-nutrijenti (ħżiena, foqra u moderati) fl-analiżi nazzjonali tal-kwalità tal-ilma (2020) (31) mill-Aġenzija għall-Valutazzjoni Ambjentali tan-Netherlands (PBL).

    Mill-1 ta’ Jannar 2024, għandhom ikunu fis-seħħ deżinjazzjoni finali u mappa taż-żoni mniġġsa bin-nutrijenti u għandhom jinkludu mill-inqas iż-żoni ddeżinjati fl-2023 kif ukoll kwalunkwe żona addizzjonali oħra fejn il-kontribut mill-agrikoltura għat-tniġġis bin-nutrijenti huwa sinifikanti, jiġifieri aktar minn 19 % tat-tagħbija totali tan-nutrijenti.

    Jekk id-deżinjazzjoni finali u l-mappa taż-żoni mniġġsa bin-nutrijenti ma jkunux fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024, għandha tintuża d-deżinjazzjoni pprovduta fis-Seba’ Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati u fl-Addendum tiegħu, li tinkludi ż-żoni kollha fejn huma meħtieġa xi sforzi jew sforzi sinifikanti biex jintlaħqu l-objettivi tal-kwalità tal-ilma rigward il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati u tal-fosforu kif speċifikati mid-Direttiva 91/676/KEE u l-pjan Netherlandiż ta’ ġestjoni tal-baċir tax-xmara adottat fil-kuntest tad-Direttiva 2000/60/KE.

    2.

    In-Netherlands għandhom jimmonitorjaw l-ammont ta’ demel prodott u jiżguraw li l-produzzjoni tad-demel fil-livell nazzjonali, kemm f’termini ta’ nitroġenu kif ukoll ta’ fosfat, ma taqbiżx 489,4 miljun kg ta’ nitroġenu u 150,7 miljun kg ta’ fosfat (l-ammont prodott fl-2020), u li, bħala riżultat tar-riformi stabbiliti fl-Addendum li qed jiġi implimentat, l-ammont ta’ demel prodott jonqos gradwalment, u fl-2025 ma jaqbiżx 440 miljun kg ta’ nitroġenu u 135 miljun kg ta’ fosfat.

    3.

    Mill-1 ta’ Jannar 2023, in-Netherlands ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjonijiet għal derogi kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni fi ħdan is-siti ta’ Natura 2000 stabbiliti f’konformità mad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) u d-Direttiva 92/43/KEE, u, mill-1 ta’ Jannar 2024, f’żoni ta’ lqugħ qrib is-siti ta’ Natura 2000 kif speċifikat mill-Programm Nazzjonali għaż-Żoni Rurali, li għalihom tinqabeż it-tagħbija kritika tan-nitroġenu għad-depożizzjoni tan-nitroġenu.

    4.

    Mill-1 ta’ Jannar 2023, in-Netherlands ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjonijiet għal derogi kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni fiż-żoni ta’ protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art. F’żoni fejn l-ilma ta’ taħt l-art ikun imniġġes bin-nitrati, għandu jiġi applikat pakkett ta’ miżuri obbligatorji biex jitnaqqsu t-tagħbijiet tan-nutrijenti fiż-żoni ta’ protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art sal-1 ta’ Jannar 2024.

    5.

    In-Netherlands għandhom jistabbilixxu l-miżuri li ġejjin:

    (a)

    minn Jannar 2023, l-azjendi agrikoli kollha għandhom ifasslu pjan annwali ta’ fertilizzazzjoni qabel l-istaġun tat-tkabbir. Il-pjan tal-fertilizzazzjoni għandu jiddeskrivi n-newba tal-għelejjel tar-raba’, kif ukoll l-applikazzjoni ppjanata tat-tidmil u ta’ fertilizzanti oħra tan-nitroġenu u tal-fosfati.

    (b)

    għandu jkun hemm reġistru elettroniku tal-fertilizzanti fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2024 li jirreġistra l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti minerali u l-produzzjoni u l-applikazzjoni tad-demel fuq l-art. Sal-1 ta’ Jannar 2025, l-azjendi agrikoli kollha għandhom jużaw ir-reġistru elettroniku. L-awtoritajiet Netherlandiżi għandhom jimmonitorjaw u janalizzaw ir-rati ta’ applikazzjoni tal-fertilizzanti u jipprovdu pariri lill-bdiewa dwar metodi biex jitnaqqsu r-rati ġenerali ta’ applikazzjoni.

    (c)

    biċċiet ta’ art ta’ lqugħ fuq art agrikola tul il-mogħdijiet tal-ilma li fuqhom hija pprojbita l-fertilizzazzjoni. Dan japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 għall-mogħdijiet kollha tal-ilma fuq biċċiet tar-raba’ li jinsabu fin-Netherlands. Il-biċċiet ta’ art ta’ lqugħ għandhom jiġu stabbiliti kif ġej:

    (i)

    biċċiet ta’ art ta’ lqugħ b’wisa’ minima ta’ 5 metri tul nixxigħat u korpi tal-ilma tal-wiċċ vulnerabbli ekoloġiċi kif iddefiniti skont id-Direttiva 2000/60/KE;

    (ii)

    biċċa art ta’ lqugħ b’wisa’ minima ta’ 3 metri tul il-mogħdijiet tal-ilma l-oħra kollha f’żoni agrikoli, inkluż għall-gandotti.

    Dawn il-wisgħat minimi jistgħu jiġu aġġustati f’żoni b’gandotti tat-tneħħija tal-ilma u tal-irrigazzjoni sinifikanti bil-mod li ġej:

    biċċa art ta’ lqugħ b’wisa’ ta’ 3 metri tul il-korpi tal-ilma tal-wiċċ kif definita skont id-Direttiva 2000/60/KE fejn l-erja totali fil-livell tal-irqajja’ ta’ biċċa art ta’ lqugħ b’wisa’ ta’ 5 metri tkun tinkludi aktar minn 4 % tal-biċċa raba’. Meta l-erja totali fil-livell tal-irqajja’ ta’ biċċa art ta’ lqugħ b’wisa’ ta’ 3 metri tul korpi tal-ilma tal-wiċċ kif definiti fid-Direttiva 2000/60/KE li ma jkunux akbar minn 10 metri tkun tinkludi aktar minn 4 % tal-biċċa raba’, il-biċċa art ta’ lqugħ tista’ titnaqqas għal metru.

    biċċa art ta’ lqugħ b’wisa’ ta’ metru tul il-mogħdijiet l-oħra kollha tal-ilma f’żoni agrikoli fejn l-erja totali fil-livell tal-irqajja’ ta’ biċċa art ta’ lqugħ b’wisa’ ta’ 3 metri tkun tinkludi aktar minn 4 % tal-biċċa raba’. Meta l-erja totali fil-livell tal-irqajja’ ta’ biċċa art ta’ lqugħ b’wisa’ ta’ metru tkun tinkludi aktar minn 4 % tal-biċċa raba’, il-biċċa art ta’ lqugħ tista’ titnaqqas għal 0,5 metri.

    (iii)

    biċċa art ta’ lqugħ b’wisa’ minima ta’ metru tul il-mogħdijiet tal-ilma li jinxfu fis-sajf (dawk il-mogħdijiet tal-ilma jkunu xotti mill-inqas matul il-perjodu mill-1 ta’ April sal-1 ta’ Ottubru).

    (d)

    F’żoni mniġġsa bin-nutrijenti, għandha tapplika l-kundizzjoni li ġejja: ir-rata ġenerali ta’ fertilizzazzjoni minn fertilizzanti organiċi u kimiċi għandha titnaqqas gradwalment sabiex ir-rati jkunu 20 % inqas mill-1 ta’ Jannar 2025 meta mqabbla mar-rati ppubblikati fl-Anness tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati. Jekk ir-reviżjoni ppjanata tan-normi ta’ fertilizzazzjoni tistabbilixxi valuri aktar baxxi, din tal-aħħar għandha tipprevali.

    6.

    In-Netherlands għandhom isegwu l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-infurzar imsaħħa, filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza skont l-implimentazzjoni tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1073. L-istrateġija tal-infurzar imsaħħa għandha tinkludi, bħala minimu, l-elementi li ġejjin:

    (a)

    valutazzjoni tar-riskju indipendenti kontinwa ta’ każijiet ta’ frodi u identifikazzjoni ta’ żoni u atturi tal-immaniġġar u l-ġestjoni tad-demel b’riskju ogħla ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonata mar-regoli nazzjonali dwar id-demel, speċifikati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-Att dwar il-Fertilizzanti (33), id-Digriet dwar l-użu tal-fertilizzanti (34), u d-Digriet dwar l-Attivitajiet ta’ Ġestjoni Ambjentali (35) sa fejn jikkonċerna żoni ħielsa mill-għelejjel, jew skonthom;

    (b)

    l-implimentazzjoni kontinwa ta’ infurzar imsaħħaħ f’De Peel, Gelderse Vallei u Twente, identifikati bħala żoni ta’ riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonat mar-regoli nazzjonali dwar id-demel; l-istrateġija msaħħa tal-infurzar għandha tiġi estiża progressivament qabel tmiem l-2025 għar-reġjuni l-oħrajn kollha fejn il-valutazzjoni turi li jinsabu f’żona ta’ riskju għoli, filwaqt li jitqiesu l-esperjenza u l-aħjar prattiki miksuba;

    (c)

    fokus speċifiku tal-istrateġija tal-infurzar fuq l-atturi b’riskju għoli fil-katina tal-valur tad-demel, inklużi l-intermedjarji u l-kodiġesturi fir-reġjuni kollha;

    (d)

    is-sistema awtomatizzata għar-responsabbiltà f’ħin reali tat-trasport tad-demel li tibda fl-1 ta’ Jannar 2023;

    (e)

    tisħiħ kontinwu tal-kapaċità għall-ispezzjonijiet u għall-kontrolli, li għandha tkun tal-inqas daqs 40 % mill-kapaċità meħtieġa għall-ispezzjonijiet fuq il-post tal-azjendi tal-bwar koperti minn awtorizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 11(2), inklużi l-kontrolli aleatorji, u mmirar aħjar ta’ dik il-kapaċità lejn l-oqsma ta’ riskju fl-amministrazzjoni u fil-ġestjoni tad-demel;

    (f)

    spezzjoni individwali ta’ mill-inqas 5,5 % tat-trobbija tal-ħnieżer kull sena.

    Artikolu 5

    Applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni

    1.   Il-bdiewa tal-bwar jistgħu jippreżentaw lill-awtorità kompetenti applikazzjoni għal awtorizzazzjoni annwali biex jiġi applikat ammont ogħla ta’ demel tal-bhejjem li jirgħu, inkluż demel imneħħi mill-annimali nfushom, biex ikun l-ammont ta’ demel għal kull ettaru fis-sena li jkun fih:

    (a)

    għall-2022, sa 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru u għal kull sena f’żoni mniġġsa bin-nutrijenti u sa 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru u fis-sena f’żoni oħra;

    (b)

    għall-2023, sa 220 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru u għal kull sena f’żoni mniġġsa bin-nutrijenti u sa 240 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru f’żoni oħra;

    (c)

    għall-2024, sa 210 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru u għal kull sena f’żoni mniġġsa bin-nutrijenti u sa 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru f’żoni oħra;

    (d)

    għall-2025, sa 190 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru u għal kull sena f’żoni mniġġsa bin-nutrijenti u sa 200 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru f’żoni oħra;

    (e)

    wara l-31 ta’ Diċembru 2025, sa 170 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru u kull sena fiż-żoni kollha.

    2.   Flimkien mal-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-applikanti għandhom jippreżentaw dikjarazzjoni bil-miktub li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9 u li huma jaċċettaw li l-applikazzjoni, kif ukoll il-pjan tal-fertilizzazzjoni u l-kont tal-fertilizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 7, jistgħu jkunu soġġetti għall-ispezzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 11 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 6

    L-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet

    L-awtorizzazzjonijiet lill-azjendi tal-bwar biex japplikaw ammont ogħla ta’ demel tal-bhejjem li jirgħu fl-azjendi tal-bwar, inkluż id-demel imneħħi mill-annimali nfushom, għandhom jingħataw soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9.

    Artikolu 7

    Kundizzjonijiet rigward l-applikazzjoni tad-demel u ta’ fertilizzanti oħra f’azjendi tal-bwar li jibbenefikaw minn deroga

    1.   L-ammont ta’ demel mill-bhejjem li jirgħu applikat fuq l-art kull sena f’azjendi tal-bwar, inkluż demel imneħħi mill-annimali nfushom, ma għandux jaqbeż l-ammonti speċifikati fl-Artikolu 5.

    2.   Il-fosfat minn fertilizzanti kimiċi ma għandux jintuża fl-azjenda tal-bwar.

    3.   L-azjenda tal-bwar għandha tagħmel pjan ta’ fertilizzazzjoni sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar. Il-pjan għandu jinkludi mill-inqas l-elementi elenkati fl-Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1073. Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jiġi rivedut mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli fl-azjenda tal-bwar.

    4.   L-azjenda tal-bwar għandha żżomm kont ta’ fertilizzazzjoni għal kull sena kalendarja. Dan għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja sussegwenti. Il-kont tal-fertilizzazzjoni għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    l-erjas bl-għelejjel;

    (b)

    l-għadd u t-tip ta’ bhejjem;

    (c)

    il-produzzjoni tad-demel għal kull annimal;

    (d)

    l-ammont ta’ fertilizzanti impurtati mill-azjenda tal-bwar;

    (e)

    l-ammont ta’ demel li jingħata lill-kuntratturi u li għalhekk ma jintużax fl-azjenda tal-bwar u l-isem ta’ dawk il-kuntratturi.

    5.   L-azjenda tal-bwar għandha twettaq analiżi tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija mill-inqas kull 4 snin għal kull żona omoġenja tal-azjenda agrikola, fir-rigward tan-newba tal-għelejjel u l-karatteristiċi tal-ħamrija. Bħala minimu għandu jkun hemm analiżi waħda għal kull ħames ettari ta’ art. Abbażi ta’ dik l-analiżi, għandhom jiġu applikati l-pjan ta’ fertilizzazzjoni tal-azjenda agrikola u l-miżuri korrettivi.

    6.   Meta l-bwar jinħarat għat-tiġdid tal-bwar, l-istandard tal-applikazzjoni tan-nitroġenu għandu jitnaqqas b’50 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru wara l-31 ta’ Mejju ta’ kull sena kalendarja. Meta l-bwar jinħarat għall-kultivazzjoni tal-qamħirrum, l-istandard tal-applikazzjoni tan-nitroġenu għall-qamħirrum għandu jitnaqqas b’65 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru.

    7.   Meta n-newba tal-għelejjel tkun tinkludi l-pjanti leguminużi jew pjanti oħrajn li jassorbu in-nitroġenu atmosferiku, iż-żieda tal-fertilizzant għandha titnaqqas kif xieraq.

    8.   Ma għandux jingħata d-demel fil-ħarifa qabel il-kultivazzjoni tal-ħaxix.

    Artikolu 8

    Kundizzjonijiet rigward il-ġestjoni tal-art f’azjendi tal-bwar li jibbenefikaw minn deroga

    1.   Fiż-żoni mniġġsa bin-nutrijenti, wara l-qamħirrum għandu jiġi kkultivat il-ħaxix jew għelejjel oħra li jiżguraw il-kopertura tal-ħamrija fix-xitwa.

    2.   L-għelejjel tat-titwiq ma għandhomx jinħartu qabel l-1 ta’ Frar.

    3.   Fiż-żoni mniġġsa bin-nutrijenti, il-ħaxix għandu jinħarat biss fir-rebbiegħa, ħlief:

    (a)

    għat-tiġdid tal-bwar, li jista’ jsir sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu;

    (b)

    għat-tħawwil tal-basal tal-fjuri, li jista’ jsir fil-ħarifa.

    4.   Il-ħrit tal-ħaxix f’kull tip ta’ ħamrija għandu jkun segwit minnufih b’għelejjel b’domanda għolja għan-nitroġenu u l-fertilizzazzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi tal-ħamrija fir-rigward tan-nitroġenu minerali u fuq parametri oħra li jipprovdu referenzi għall-istimi tar-rilaxx tan-nitroġenu mill-mineralizzazzjoni tal-materja organika fil-ħamrija.

    Artikolu 9

    Kundizzjonijiet fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka biex jitnaqqsu d-depożiti tan-nutrijenti fl-ilma wkoll

    1.   Fl-azjendi tal-bwar li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6 għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    id-demel likwidu għandu jiġi applikat fil-bwar b’ħamrija ramlija u b’ħamrija “loess” b’injezzjoni baxxa;

    (b)

    id-demel likwidu għandu jiġi applikat fil-bwar b’ħamrija taflija u bil-pit b’injezzjoni baxxa, b’applikatur tad-demel likwidu bit-trailing shoe, b’dilwizzjoni ta’ 2:1 tad-demel likwidu bl-ilma jew b’injettur ta’ impuls intraċċat;

    (c)

    id-demel likwidu ma għandux jiġi applikat b’applikatur tat-trailing shoe meta t-temperatura ta’ barra tkun ta’ 20 °C jew ogħla;

    (d)

    id-demel likwidu għandu jiġi applikat fuq raba’ li jinħadem b’injezzjoni jew jiddaħħal fir-raba’ immedjatament wara li jiġi applikat f’pass wieħed;

    (e)

    id-demel solidu għandu jiddaħħal fir-raba’ immedjatament wara li jiġi applikat f’mhux aktar minn żewġ passi.

    2.   In-Netherlands għandhom jipprovdu taħriġ dwar il-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka lill-bdiewa kollha tal-bwar li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni. L-ewwel taħriġ għandu jiġi pprovdut qabel il-31 ta’ Diċembru 2023.

    Artikolu 10

    Monitoraġġ

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jitfasslu mapep li jindikaw il-perċentwali ta’ dan li ġej:

    (a)

    l-azjendi tal-bwar f’kull muniċipalità li huma koperti minn awtorizzazzjonijiet;

    (b)

    il-bhejjem f’kull muniċipalità li huma koperti minn awtorizzazzjonijiet;

    (c)

    l-art agrikola f’kull muniċipalità li hija koperta minn awtorizzazzjonijiet.

    Dawk il-mapep għandhom jiġu aġġornati kull sena.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu u jżommu network ta’ monitoraġġ għat-teħid tal-kampjuni tal-ilma tal-ħamrija, tan-nixxigħat, tal-ilma ta’ taħt l-art li jkun qrib il-wiċċ u tal-ilma tad-drenaġġ fis-siti tal-monitoraġġ fl-azjendi tal-bwar koperti minn awtorizzazzjoni. Dak in-network ta’ monitoraġġ għandu jipprovdi d-data dwar il-konċentrazzjoni tan-nitrati u tal-fosfat fl-ilma li jħalli l-parti tal-ħamrija fiż-żona tal-għeruq u li jidħol fis-sistema tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-wiċċ.

    3.   In-network ta’ monitoraġġ għandu jinkludi mill-inqas 300 azjenda agrikola koperti mill-awtorizzazzjonijiet u għandu jkun jirrappreżenta kull tip ta’ ħamrija (il-ħamrija taflija, il-pit, il-ħamrija ramlija u l-ħamrija “loess” ramlija) u l-livell ta’ tniġġis, il-prattiki tal-fertilizzazzjoni u n-newba tal-għelejjel. Il-kompożizzjoni tan-network ta’ monitoraġġ ma għandhiex tiġi mmodifikata matul iż-żmien li fih tkun applikabbli din id-Deċiżjoni.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw dan li ġej:

    (a)

    l-ilma fil-parti tal-ħamrija fiż-żona tal-għeruq, l-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta’ taħt l-art;

    (b)

    il-progress lejn l-objettivi tal-kwalità tal-ilma rigward il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati tal-fosfat kif speċifikat mid-Direttiva 91/676/KEE u l-pjan Netherlandiż ta’ ġestjoni tal-baċir tax-xmara adottat fil-kuntest tad-Direttiva 2000/60/KE f’żoni mniġġsa bin-nutrijenti.

    5.   In-Netherlands għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’data dwar il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma ta’ taħt l-art, u dwar il-konċentrazzjoni tal-fosfat u l-istat trofiku għall-ilma tal-wiċċ, kemm taħt kundizzjonijiet ta’ deroga kif ukoll mhux ta’ deroga.

    Artikolu 11

    Kontrolli u spezzjonijiet

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet kollha għall-awtorizzazzjoni, bil-għan li jivvalutaw il-konformità mal-kundizzjonijiet fl-Artikoli 7, 8 u 9. Jekk jintwera li l-kundizzjonijiet ma humiex issodisfati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiċħdu l-applikazzjoni u l-applikant jiġi mgħarraf bir-raġunijiet għar-rifjut.

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi għal mill-inqas 5 % mill-azjendi tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet fir-rigward tal-użu tal-art, tal-għadd ta’ bhejjem u tal-produzzjoni tad-demel.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu programm għall-ispezzjonijiet fuq il-post tal-azjendi tal-bwar koperti minn awtorizzazzjonijiet fuq bażi ta’ analiżi tar-riskju u bi frekwenza xierqa. Il-programm għandu jqis ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin preċedenti, ir-riżultati tal-kontrolli aleatorji ġenerali tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 91/676/KEE u kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tindika nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9 ta’ din id-Deċiżjoni.

    L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom isiru f’mill-anqas 5 % mill-azjendi tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet biex tiġi vvalutata l-konformità mal-kundizzjonijiet fl-Artikoli 7, 8 u 9. Dawk l-ispezzjonijiet għandhom jiġu ssupplimentati mill-ispezzjonijiet u l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 4(6).

    3.   Meta jiġi stabbilit fi kwalunkwe sena li azjenda tal-bwar koperta minn awtorizzazzjoni ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet fl-Artikoli 7, 8 u 9, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiġi ssanzjonat f’konformità mar-regoli nazzjonali u ma għandux ikun eliġibbli għal awtorizzazzjoni s-sena ta’ wara.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni mogħtija skont din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 12

    Rapportar

    1.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iressqu rapport lill-Kummissjoni li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    id-data marbuta mal-fertilizzazzjoni fl-azjendi tal-bwar kollha li huma koperti mill-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 6, inkluża l-informazzjoni dwar ir-rendimenti u t-tipi ta’ ħamrija;

    (b)

    ix-xejriet fl-għadd ta’ bhejjem għal kull kategorija ta’ bhejjem fin-Netherlands u fl-azjendi tal-bwar koperti minn awtorizzazzjoni;

    (c)

    ix-xejriet fil-produzzjoni nazzjonali tad-demel f’dak li għandu x’jaqsam man-nitroġenu u mal-fosfat fid-demel;

    (d)

    l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 4;

    (e)

    il-mapep li jissemmew fl-Artikolu 10(1);

    (f)

    ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-wiċċ, rigward il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati u tal-fosfat u l-ewtrofikazzjoni, inkluża informazzjoni dwar ix-xejriet fil-kwalità tal-ilma għall-ilma ta’ taħt l-art u tal-wiċċ, kemm bil-kundizzjonijiet tad-deroga kif ukoll bla deroga, flimkien mal-impatt tad-derogi fuq il-kwalità tal-ilma, kif imsemmi fl-Artikolu 10(4) u (5);

    (g)

    evalwazzjoni, abbażi tal-kontrolli mwettqa fil-livell tal-azjenda agrikola, ta’ kif qed jiġu implimentati l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 9, u informazzjoni dwar azjendi agrikoli mhux konformi, abbażi tar-riżultati tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 11;

    (h)

    l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-infurzar imsaħħa msemmija fl-Artikolu 4, b’rapportar speċifiku dwar kull wieħed mill-elementi msemmija fl-Artikolu 4(6).

    2.   Id-data ġeografika fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tikkonforma, fejn applikabbli, mad-Direttiva 2007/2/KE. Huma u jiġbru d-data meħtieġa, in-Netherlands għandhom jużaw, meta jkun xieraq, l-informazzjoni ġġenerata bis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll stabbilita f’konformità mal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    Artikolu 13

    Perjodu tal-applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2025.

    Artikolu 14

    Destinatarju

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Virginijus SINKEVIČIUS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/880/KE tat-8 ta’ Diċembru 2005 li tagħti deroga mitluba min-Netherlands skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 324, 10.12.2005, p. 89).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/65/UE tal-5 ta’ Frar 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2005/880/KE li tagħti deroga mitluba mill-Olanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 35, 6.2.2010, p. 18).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/291/UE tas-16 ta’ Mejju 2014 li tagħti deroga mitluba mill-Pajjiżi l-Baxxi skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 148, 20.5.2014, p. 88).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/820 tal-31 ta’ Mejju 2018 li tagħti deroga mitluba min-Netherlands skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 137, 4.6.2018, p. 27).

    (6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1073 tas-17 ta’ Lulju 2020 li tagħti deroga mitluba min-Netherlands skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 234, 21.7.2020, p. 20).

    (7)  COM(2021) 1000 u SWD(2021) 1001 il-parti 28.

    (8)  COM(2021) 1000 u SWD(2021) 1001 il-parti 28.

    (9)  It-titolu oriġinali “7e Nederlandse actieprogramma betreffende de Nitraatrichtlijn (2022-2025)”.

    (10)  It-titolu oriġinali “Addendum op het 7e actieprogramma Nitraatrichtlijn”.

    (11)  Nationaal Programma Landelijk Gebied.

    (12)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

    (13)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Settembru 2005, C 221/03, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju tal-Belġju, ECLI:EU:C:2005:573.

    (14)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, C-543/16, ECLI:EU:C:2018:481.

    (15)  Id-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19).

    (16)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

    (17)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

    (18)  SWD(2020) 93 final - Analiżi tar-rabtiet bejn ir-Riforma tal-PAK u l-Patt Ekoloġiku; SWD(2020) 388 final - Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-pjan strateġiku tal-PAK tan-Netherlands. SWD(2020) 388 final.

    (19)  Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent. COM(2020) 381 final.

    (20)  COM(2021) 400 final

    (21)  It-titolu oriġinali “Startnotitie Nationaal Programma Landelijk Gebied – 10 Juni 2022”.

    (22)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

    (23)  Il-Kawża C-293/17 Coöperatie Mobilisation for the Environment and Vereniging Leefmilieu (ECLI:EU:C:2018:882).

    (24)  Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).

    (25)  The impact of the Nitrates Directive on gaseous N emissions, Effects of measures in nitrates action programme on gaseous N emissions, Contract ENV.B.1/ETU/2010/0009.

    (26)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-politika agrikola komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

    (27)  Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1).

    (28)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

    (29)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

    (30)  It-titolu oriġinali “Uitvoeringsregeling Meststoffenwet”.

    (31)  https://www.pbl.nl/sites/default/files/downloads/pbl-2020-nationale-analyse-waterkwaliteit-4002_0.pdf.

    (32)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

    (33)  It-titolu oriġinali “Uitvoeringsregeling Meststoffenwet”.

    (34)  It-titolu oriġinali “Besluit gebruik meststoffen”

    (35)  It-titolu oriġinali “Activiteitenbesluit milieubeheer”


    Top